Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Ir-riċerka u l-innovazzjoni: il-Kummissjoni ssejjaħ għal sħubijiet biex jiġu affrontati l-isfidi tas-socjetà

Brussell, il-21 ta’Settembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea llum ħarġet stedina lill-atturi pubbliċi u privati biex jgħaqqdu l-forzi fuq il-livell Ewropew sabiex japplikaw soluzzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni lill-isfidi l-ewlenin li qed ikollha taffronta s-soċjetà. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni titnebbaħ mill-ewwel esperjenzi ta' proġetti pilota u tfassal l-istadji li se jwasslu għal aktar sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u pubbliċi-privati li jkunu aktar effettivi.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li meta Sħubijiet fuq il-livell tal-UE jiġu identifikati bħala neċessarji u siewja, hemm il-ħtieġa li jsiru arranġamenti amministrattivi aktar sempliċi u flessibbli. Iridu jitneħħew l-ingroppi u l-ostakli għar-riċerka transkonfinali, u s-sħab kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE u s-settur privat, iridu jieħu impenji finanzjarji fit-tul għal dawn il-proġetti.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni joffru soluzzjonijiet għall-isfidi l-kbar li qed tħabbat wiċċha magħhom is-soċjetà, fosthom popolazzjoni li qed tixjieħ, l-effetti tat-tibdil fil-klima, u inqas riżorsi disponibbli, kif ukoll jipprovdu opportunitajiet kbar u ġodda għat-tkabbir ekonomiku. Madankollu, il-kwistjonijiet huma sikwit kbar wisq biex jiġu solvuti minn Stat Membru jew kumpanija waħedhom, l-aktar jekk jitqies l-issikkar kurrenti tal-baġits tas-settur pubbliku.

Proposti li jibnu fuq il-metodu spjegat fil-Komunikazzjoni se jiffurmaw parti mill-pakkett Orizzont 2020 tal-Kummissjoni aktar tard din is-sena.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "L-Ewropa trid tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi tagħha biex taffronta sfidi bħat- titjib fis-saħħa, it-trasport aktar ekoloġiku u l-immodernizzar tal-bażi industrijali tagħna. L-Istati Membri u l-industrija għandhom jimpenjaw rwieħhom bil-qawwa u fit-tul biex jidħlu għal sħubijiet strateġiċi. It-tqassir taż-żmien għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti u servizzi innovattivi ġodda se jirfed it-tmexxija Ewropea u jixpruna l-irkupru ekonomiku tagħna."

Sfond

Diġà għaddejjin għadd ta' inizjattivi fuq livell Ewropew. Pereżempju, il-finanzjament tal-UE għar-riċerka qed jiġi kkoordinat aħjar sabiex jiġu affrontati is-6000 marda rari magħrufa li jaffettwaw aktar minn 20 miljun ċittadin Ewropew. L-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta Sema Nadif (JTI), appoġġata mill-UE u l-industrija ajrunawtika, qed tiżviluppa teknoloġija tal-ajruplani ġdida u ekoloġika. Il-Kummissjoni Ewropea nediet ukoll Sħubija pilota Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP), fi ħdan l-istrateġija tagħha tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, li tiffoka fuq it-Tixjieħ Attiv u b’Saħħtu. L-għan ta' din is-sħubija pilota se jkun li l-għomor medju ta' persuna f'saħħitha fl-Unjoni Ewropea jiżdied b'sentejn sal-2020. F'dan ir-rigward, is-sħubija tfittex tliet għanijiet kumplimentari: it-titjib tas-saħħa u tal-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej; l-appoġġ għas-sostenibbiltà u l-effiċjenza għaż-żmien fit-tul tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura soċjali, u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija tal-UE.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' "Unjoni tal-Innovazzjoni" (ara IP/10/1288 u MEMO/10/473) diġà saħqet dwar l-importanza ta' sħubija Ewropea fir-riċerka u l-innovazzjoni. Xi attivitajiet ta’riċerka u innovazzjoni huma ta' kobor u kumplessità tali li jeħtieġu koordinazzjoni fuq il-livell tal-UE sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-użu ineffiċjenti ta' baġits pubbliċi u privati. Is-sħubija tista' wkoll tagħmel iċ-ċiklu tar-riċerka u l-innovazzjoni aktar rapidu, li jfisser li l-ideat jiġu ttrasformati malajr u b 'mod effiċjenti fi prodotti u servizzi siewja.

Is-sħubija tiġbor flimkien l-atturi pubbliċi fil-livelli Ewropew u nazzjonali fi Sħubijiet Pubbliċi-Pubbliċi (P2Ps), kif ukoll atturi pubbliċi u privati fi Sħubijiet Pubbliċi-Privati (PPPs), b'għadd ta' għanijiet:

  • il-ksib ta' massa kritika li jiżgura l-iskala u l-ambitu meħtieġa biex tintlaħaq u tinżamm il-kompetittività, u l-indirizzar tal-isfidi prinċipali tas-soċjetà;

  • il-mixja minn approċċ fuq qasir żmien għal wieħed fit-tul;

  • il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta' viżjoni u t-tfassil ta' aġenda strateġika li jsiru b'mod konġunt;

  • il-kontribuzzjoni għall-evoluzzjoni minn approċċ skont il-proġett għal wieħed ta' ppjanar għar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea . Dan se jiżgura approċċ wiesa’ li jiġbor flimkien is-sħab potenzjali kollha;

  • sabiex jipprovdi għal strutturi u arranġamenti apposta għal sħubija partikolari, skont in-natura u l-għanijiet tagħha.

Taħt is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7), inkisbet esperjenza prezzjuża minn forom differenti ta' sħubija. Dawn jinkludu s-Sħubijiet Pubbliċi-Pubbliċi fir-riċerka permezz ta' Inizjattivi ta’ Programmazzjoni Konġunta (JPIs) u Inizjattivi tal-Artikolu 185 (JPs); PPPs li jirriżultaw minn Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs); PPPs tal-Pjan tal-Irkupru; u l-Inizjattivi Industrijali Ewropej taħt il-Pjan SET.

MEMO/11/623

Għal aktar tagħrif dwar is-Sħubija Pilota Ewropea tal-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu, mur fuq:

http://ec.europa.eu/active-healthy-ageing

Għal aktar tagħrif dwar l-Inizjattivi tal-Programmazzjoni Konġunta mur fuq:

http://ec.europa.eu/research/era/areas/programming/joint_programming_en.htm

Għal aktar tagħrif dwar l-Inizjattivi ERA-NET/Artikolu 185 mur fuq:

http://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm?pg=coordination

Għal aktar tagħrif dwar l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti mur fuq:

http://cordis.europa.eu/fp7/jtis/

Għal aktar informazzjoni dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni, jekk jogħġbok mur fuq:

http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm

Kuntatti :

Michael Jennings +32 2 29 63388

Monika Wcislo +32 2 29 55604


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website