Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Id-dritt tal-awtur: il-Kummissjoni tikkonkludi ftehim biex jiżdied l-għadd ta' kotba li m’għadhomx jiġu ppubblikati sabiex isiru disponibbli mill-ġdid

Brussell, l-20 ta’ Settembru 2011 - Kull sena, mijiet ta' eluf ta' titli ġodda jidħlu fis-suq Ewropew tal-kotba – biss huma verament il-ftit li jsiru bestsellers. Għadd sostanzjali minnhom eventwalment ma jibqgħux jiġu ppubblikati għaliex il-pubblikaturi ma jistgħux imantnu l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ħżin ta' kotba stampati jekk ma jibqgħux jinbiegħu. Filwaqt li l-pubblikaturi qed iġibu iżjed kotba lura fis-suq permezz tal-kotba elettroniċi u l-istampar fuq talba, ħafna titli xorta waħda jibqgħu fil-kollezzjonijiet u l-arkivji tal-libreriji tal-Ewropa.

Din is-sitwazzjoni għandha tinbidel daqt hekk kif Michel Barnier, il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern u s-Servizzi, illum ippresjeda l-iffirmar ta' Memorandum ta' Ftehim (MoU – Memorandum of Understanding) fejn il-libreriji, il-pubblikaturi, l-awturi u s-soċjetajiet kollettriċi tagħhom qablu dwar sett ta’ Prinċipji ewlenin li se jagħtu lil-libreriji Ewropeju istituzzjonijiet kulturali simili l-possibbiltà li jiddiġitalizzaw u jagħmlu disponibbli onlajn kotba u ġurnali edukattivi li m’għadhomx jiġu ppubblikati li jiffurmaw parti mill-kollezzjonijiet tagħhom. Il-Prinċipji Ewlenin li jinsabu fil-MoU se jinkoraġġixxu u jsostnu ftehimiet ta' liċenzjar volontarji filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-awtur u jirrikonoxxu li d-detenturi tad-drittijiet għandhom dejjem ikollhom l-ewwel għażla biex jiddiġitalizzaw u jagħmlu disponibbli xogħol li waqaf jiġi ppubblikat. Il-MoU huwa parti essenzjali mill-isforzi tal-partijiet interessati u tal-Kummissjoni biex jindirizzaw il-bżonnijiet tad-diġitalizzazzjoni bil-massa mill-istituzzjonijiet kulturali Ewropej.

Il-Kummissarju Barnier qal: “Il-ftehim tal-lum jimmarka pass importanti ‘l quddiem mill-partijiet interessati biex isibu soluzzjonijiet vijabbli u konkreti biex ikomplu jiżviluppaw il-ħolqien ta’ libreriji diġitali Ewropej u jiżguraw aċċess għal wirt kulturali għani tagħna. Nemmen bis-sħiħ li dan huwa sinjal ċar li, permezz tad-djalogu u filwaqt li nqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tas-setturi speċifiċi, huwa possibbli li nilħqu soluzzjonijiet innegozjati sabiex negħlbu l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-awtur fl-era diġitali.”

Il-firmatarji wkoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bir-riżultat tad-djalogu tal-partijiet interessati.

Dott. Pirjo Hiidenmaa, il-President tal-Kunsill tal-Kittieba Ewropej (EWC) qal: “Il-MoU jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-awturi, iħeġġeġ ħajja ġdida għall-kotba tagħhom, u jagħmilha possibbli għal qarrejja biex ikomplu jgawduhom għal dejjem."

“L-organizzazzjonijiet tal-libreriji jilqgħu r-riżultat pożittiv tad-Djalogu tal-Partijiet Interessati dwar ix-Xogħlijiet li M’għadhomx jiġu Ppubblikati. Nittamaw li dan l-ewwel pass fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta’ ġestjoni tad-drittijiet ta' kollezzjoni effiċjenti jiġu segwiti minn inizzjattivi f’oqmsa oħra” qal Gerald Leitner, il-President tal-Uffiċċju Ewropew tal-Assoċjazzjonijiet tal-Libreriji, Informazzjoni u Dokumentazzjoni (EBLIDA).

Fergal Tobin, il-President tal-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej (FEP) kompla: "Il-pubblikaturi Ewropej jilqgħu dawn il-Prinċipji speċifiċi għas-settur li jipprovdu gwida ċara għall-qbil dwar proġetti tad-diġitalizzazzjoni fil-livell nazzjonali, filwaqt li jippermettu lill-pubblikaturi jerġgħu jqajmu u jżommu fis-suq aktar u aktar pubblikazzjonijiet permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi".

“Il-MoU huwa eżempju ieħor tat-tip ta’ kisbiet rivoluzzjonarji possibbli meta l-partijiet interessati kollha jikkollaboraw b’mod kostruttiv. Membri tal-European Visual Artists u l-IFRRO huma ġestjonarji ta' esperjenza tad-drittijiet tal-kollezzjoni u huma ħerqana biex jikkontribwixxu għall-għan importanti li jagħmlu l-wirt kulturali disponibbli fl-Ewropa" żiedet Magdalena Vinent, il-President tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Organizzazzjonijiet tad-Drittijiet Reprografiċi (IFRRO).

Sfond

Il-MoU huwa r-riżultat b’suċċess ta’ djalogu ffaċilitat mill-Kummissjoni, tal-partijiet interessati li dam għaddej tmien xhur. Awturi, pubblikaturi, libreriji u organizzazzjonjiet tal-ġestjoni kollettiva Ewropej ilhom jaħdmu flimkien minn Novembru tal-2010 u ftehmu fuq soluzzjoni li tqis kemm l-interessi tal-awturi u tas-settur tal-pubblikazzjoni fuq naħa waħda u tal-libreriji u proġetti tad-diġitalizzazzjoni bil-massa fuq in-naħa l-oħra. Soċjetajiet kollettriċi li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet ta' kotba u ta' ġurnali akkademiċi se jkollhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni prattika tal-MoU li għandu jiffaċilita sostanzjalment in-negozjar u l-akkwiżizzjoni tal-liċenzji li l-libreriji u l-istituzzjonijiet kulturali simili jeħtieġu biex jiddiġitalizzaw u jitfgħu onlajn parti importanti mill-arkivji tagħhom (jiġifieri il-kotba u l-ġurnali akkademiċi fil-kollezzjonijiet tagħhom li m’għadhomx jiġu ppubblikati).

Il-MoU dwar xogħlijiet li m’għadhomx jiġu ppublikati joħroġ mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581) u mill-Komunikazzjoni aktar riċenti dwar Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali ((IP/11/630). Jaf l-oriġini tiegħu lill-għan globali tat-tħeġġiġ tal-varar tal-libreriji diġitali Ewropej u l-faċiltazzjoni tad-disponibbiltà onlajn tal-wirt kulturali Ewropew isir disponibbli . Din l-inizjattiva mhux leġiżlattiva tikkumplimenta l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni adottata riċentament dwar ix-xogħlijiet orfni (IP/11/630). Iż-żewġ inizjattivi huma importanti biex ikompli l-iżvilupp tal-libreriji diġitali Ewropej u tal-portal Europeana (http://www.europeana.eu).

Għal aktar informazzjoni dwar l-MOU ara MEMO/11/619

Għal Memorandum u informazzjoni oħra dwar id-drittijiet tal-awtur fl-UE:

http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/copyright-infso/copyright-infso_en.htm#mou

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Catherine Bunyan (+32 2 299 65 12)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website