Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tippromwovi l-volontarjat transkonfinali

Brussell, l-20 ta' Settembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret pjanijiet sabiex tkompli ttejjeb ir-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-volontarjat fl-UE. Fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat tippreżenta firxa ta' miżuri li se jgħinu sabiex jissaħħu l-attivitajiet volontarji fl-UE, inkluż il-ħolqien ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja u l-iżvilupp ta' 'Passaport Ewropew tal-Ħiliet'. Huwa sinifikanti li din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni Ewropea adottat dokument ta' politika ddedikat esklussivament għall-volontarjat.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Viviane Reding, responsabbli mill-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, qalet: "Illum hemm 100 miljun voluntier fl-UE, li qegħdin jgħinu sabiex jagħmlu l-Ewropa post aħjar. Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 qiegħda tiġbed l-attenzjoni lejn il-kisbiet tagħhom u tinkoraġġixxi lil persuni oħra sabiex jingħaqdu magħhom u qed tgħin lill-voluntiera u lill-organizzazzjonijiet tal-volontarjat sabiex jagħmlu saħansitra aktar."

Sfond

L-attivitajiet tal-volontarjat jikkontribwixxu direttament għall-objettivi ewlenin tal-politiki tal-UE, bħall-inklużjoni soċjali, l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza. Madankollu, ma hemmx qafas legali ċar għall-attivitajiet tal-volontarjat u l-ħiliet miksuba mill-voluntiera ħafna drabi mhumiex rikonoxxuti biżżejjed. Il-Kummissjoni hija impenjata li tegħleb dawn l-ostakli għall-volontarjat, partikolarment fil-livell transkonfinali.

Fil-Komunikazzjoni tagħha ppubblikata llum, il-Kummissjoni qed tippreżenta modi kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jibdew jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal kbir offrut mill-attivitajiet tal-volontarjat.

Azzjonijiet li jippromwovu l-volontarjat fil-livell tal-UE

Il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja sal-2012. Diġà jinsabu għaddejjin it-tħejjijiet għal qafas ta' assistenza minn voluntiera Ewropej f'operazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja fl-Unjoni Ewropea.

Minbarra dan, il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll sabiex iżżid ir-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-attivitajiet tal-volontarjat permezz tal-iżvilupp ta' 'Passaport Ewropew tal-Ħiliet'. Dan se jiżgura li jkun hemm rikonoxximent transkonfinali tal-kwalifiki professjonali u se jagħti wkoll lill-individwi l-possibilità li jżommu kont tal-ħiliet u l-kompetenzi li jiksbu permezz tal-volontarjat. Il-passaport se jkun ibbażat fuq il-Europass eżistenti (CV Ewropew onlajn), sabiex il-ħiliet ikunu jistgħu jiġu rreġistrati b'mod trasparenti u komparabbli.

Diġà hemm numru ta' skemi ta' finanzjament fil-livell tal-UE għall-volontarjat, li l-aktar wieħed magħruf minnhom probabbilment huwa s-Servizz Ewropew tal-Volontarjat (parti mill-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni tal-UE), li qed jiċċelebra l-ħmistax-il anniversarju tiegħu din is-sena. Il-Kummissjoni trid tibni fuq dawn is-suċċessi u tkompli timmira l-azzjoni tagħha lejn voluntiera f'oqsma oħra ta' politika.

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll modi konkreti kif l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-potenzjal għall-volontarjat u qed issejjaħ lill-Istati Membri sabiex jiftħu l-iskemi nazzjonali għall-inkoraġġiment tal-volontarjat transkonfinali.

Għal aktar tagħrif:

Sit tal-internet uffiċjali tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011:

http://europa.eu/volunteering/

Il-paġna ewlenija ta' Viviane Reding, Viċi-President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

L-istqarrija tal-Kummissjoni dwar il-Korp Ewropew tal-Għajnuna Umanitarja Volontarja:

IP/10/1543

It-tħabbira tal-Kummissjoni dwar 'Zgħażagħ Attivi', inkluż il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet:

IP/10/1124

Link għall-Europass:

http://europass.cedefop.europa.eu/

Persuni ta' kuntatt :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website