Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/104

Brussell, it-28 ta’ Jannar 2011

Il-Kummissarju Piebalgs se jisħaq favur aktar stabbiltà b'riżq l-iżvilupp sostenibbli waqt is-Summit tal-Unjoni Afrikana

Il-Kummissarju għall-Iżvilupp tal-UE Andris Piebalgs se jattendi s-Summit tal-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa bejn it-30 u l-31 ta' Jannar. Il-Mexxejja se jiltaqgħu biex jiddiskutu t-tema tas-summit – "Aktar Għaqda u Integrazzjoni permezz ta' Valuri Komuni". L-Unjoni Ewropea qed taħdem fi sħubija mill-qrib mal-Unjoni Afrikana biex tippromwovi governanza soda, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kultura. Huwa se jattendi wkoll laqgħa dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja li se tkun ippreseduta minn Ban-Ki-Moon, u se jkollu sejre ta' laqgħat bilaterali ma' rappreżentanti ċentrali tal-kontinent biex jiddiskuti kwistjonijiet ta' natura politika, u dawk li jolqtu l-għajnuna.

Qabel il-mawra tiegħu, il-Kummissarju Piebalgs qal: "L-attenzjoni ewlenija tas-Summit tal-Unjoni Afrikana, dwar għaqda akbar u valuri komuni, qed tasal fi żmien mill-aktar opportun fid-dawl tal-ġrajjiet politiċi riċenti fil-kontinent. Jiena se nattendi s-Summit biex nikkonferma l-appoġġ sħiħ tal-UE fl-evoluzzjoni tal-kontinent lejn aktar intergrazzjoni, demokrazija u governanza tajba. Dawn jirrappreżentaw il-bażi indispendabbli li fuqha se jitkattar it-tkabbir Afrikan għat-tul u għall-benefiċċju ta' kulħadd". "

Bħala parti mis-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE stabbilita fl-2007 u aġġornata fl-2010, l-UE tikkoopera b'mod attiv mal-Unjoni Afrikana (UA) fl-isforzi tagħha biex tiżviluppa l-Arkitettura għall-Governanza Afrikana (AGA) emerġenti. L-AGA tinkludi grupp ta' strumenti u korpi normattivi u istituzzjonali, bħal ma huma l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, il-Qorti Afrikana dwar id-drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Parlament Pan-Afrikan kif ukoll il-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni.

Finanzjarjament, l-UE qed tappoġġja l-ħidma tal-awtoritajiet rispettivi Afrikani fit-tixrid tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem billi qed tipprovdi aktar minn EUR 2 biljun matul il-perjodu bejn l-2007 u l-2013. Xi wħud mill-kisbiet ewlenin tas-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE f'dan il-qasam jinkludu:

L-UE qed tappoġġja l-Fond ta' Assistenza Elettorali tal-UA, b'EUR 1 miljun.

F'Novembru tal-2010 tnediet fi Brussell il-"Pjattaforma għad-djalogu" bejn l-Afrika u l-UE dwar il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem. Bil-ħolqien ta' spazju miftuħ għal parteċipanti kruċjali, għal istituzzjonijiet, għal gvernijiet u għas-soċjetà ċivili, din se tkun ta' kontribut għat-titjib tal-linji ta' politika dwar il-governanza demokratika u tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ kontinenti.

Żewġ eżempji ta' appoġġ tal-UE lejn il-governanza demokratika u d-drittijiet tal-bnieden

It-Tanzanija: Wara l-elezzjonijiet tal-2007, il-Kummissjoni Ewropea kkontribwiet EUR 1.4 miljun lejn programm li kien ta' għajnuna biex tittejjeb il-kwalità ta' verifika tal-baġit nazzjonali fil-parlament kif ukoll l-iskrutinju ta' abbozzi ta' liġijiet minn presidenti tal-kumitati. Barra minn dan, żiedet id-djalogu bejn il-parlament u s-soċjetà ċivili. L-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tlestija tal-abbozzi ta' liġijiet żied l-influenza tagħha fuq il-leġiżlazzjoni.

Is-Sudan: L-UE tat EUR 80.000 għal proġett li b'suċċess qajjem għarfien fost in-nisa u n-nies li jgħixu f'oqsma rurali (l-aktar fil-komunità Nuba) fis-Sudan, qabel l-elezzjonijiet tal-2010. Ipprovdiet edukazzjoni dwar id-drittijiet ċivili, dwar iċ-ċensiment u dwar ir-reġistrazzjoni tal-votanti. Ikkontribwiet ukoll biex il-mexxejja tal-komunitajiet lokali jkollhom aktar saħħa li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet u li jkunu jistgħu jissorveljawhom.

L-Iskeda tal-Kummissarju Piebalgs

Waqt li se jkun qed jattendi s-Summit, il-Kummissarju Piebalgs se jkollu wkoll laqgħat ma' Jean Ping, il-President tal-Kummissjoni tal-UA, u ma' Ramtane Lmamra, il-Kummissarju għall-Paċi u s-Sigurtà tal-UA.

Se jkollu wkoll laqgħat ma' rappreżentanti mill-Kenya, mill-Benin, mill-Kap Verde, min-Niġerja, mis-Senegal, mill-Afrika ta' Isfel, mill-Uganda u miż-Żimbabwe.

Is-Summit se jkun ukoll għalih opportunità biex jiltaqa' ma' Bill Gates, il-Kopresident tal-Bill and Melinda Gates Foundation, u ma' Mo Ibrahim li huwa l-president tal-Mo Ibrahim Foundation.

Sfond

Fl-2007, il-Kapijiet ta' Stat u Gvern mill-Ewropa u l-Afrika nedew s-Sħubija Strateġika Konġunta bejn l-Afrika u l-UE sabiex ikomplu jsegwu flimkien l-interessi komuni, lil hinn mill-attenzjoni tal-politika tradizzjonali ta' żvilupp. Ġew identifikati tmien temi ta' sħubija biex jiżguraw is-segwitu operazzjonali: Il-paċi u s-sigurtà; il-governanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem; il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u l-infrastruttura; l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju; l-enerġija; tibdil fil-klima; il-migrazzjoni, il-mobbiltà u x-xogħol; ix-xjenza, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-ispazju.

Fit-tielet Summit bejn l-Afrika u l-UE li sar fil-Libja f'Novembru 2010, il-mexxejja mill-Afrika u mill-Ewropa ġeddew l-impenn tagħhom għas-Sħubija u adottaw it-tieni pjan ta' azzjoni li jkopri l-oqsma kollha għall-perjodu ta' bejn l-2011 u l-2013.

Aktar informazzjoni:

IP/10/1605 dwar it-tħabbir tat-tielet Summit bejn l-Afrika u l-UE fil-Libja

MEMO/10/604 dwar it-tielet Summit bejn l-Afrika u l-UE fil-Libja

Websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni – EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Il-websajt tas-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE:

http://www.africa-eu-partnership.org/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website