Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Lejn użu raġonevoli tal-liġi kriminali għal infurzar aħjar tar-regoli tal-UE u għall-protezzjoni tal-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxi

Brussell, l-20 ta' Settembru 2011 – Il-ġlieda kontra l-kriminalità hija prijorità għall-Ewropej (ara l-Anness). Iċ-ċittadini jistennew li l-kriminali ma jkunux jistgħu jinħbew wara xi fruntiera jew li jisfruttaw id-diverġenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali. Fl-istess ħin, fil-livell Ewropew, il-liġi kriminali għadha tikkostitwixxi qasam relattivament ġdid.

Huwa essenzjali li titfassal Politika Kriminali Ewropea ċara li tippermetti lill-Unjoni tiddefinixxi jekk għandhiex tintuża l-liġi kriminali u meta u kif għandha tintuża għal eżekuzzjoni aħjar ta' xi politika. It-Trattat ta' Lisbona issa jipprevedi qafas li jippermetti li dan isir, għaliex iħalli lill-UE tagħmel użu mil-liġi kriminali sabiex issaħħaħ l-eżekuzzjoni tal-politiki u r-regoli tal-UE.

Is-sanzjonijiet kriminali mhumiex l-aqwa għodda għall-eżekuzzjoni fil-każ tal-politiki kollha. Madankollu, l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet kriminali tista' twassal biex uħud mir-regoli tal-UE jkunu aktar effettivi, kemm fil-prevenzjoni mill-manipulazzjoni tas-suq finanzjarju kif ukoll fil-protezzjoni mill-frodi tal-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxi fl-UE. L-użu ta' sanzjonijiet kriminali għandu jkun riżervat għal reati partikolarment serji u għandu jseħħ wara analiżi soda u kompleta.

F'Komunikazzjoni dwar il-politika li ġiet ippubblikata llum, intitolata "Lejn Politika Kriminali tal-UE", il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet għall-ewwel darba l-istrateġija u l-prinċipji li beħsiebha tapplika fir-rigward tal-użu tal-liġi kriminali tal-UE bil-għan li tissaħħaħ l-eżekuzzjoni tal-politiki Ewropej u li jiġu mħarsa l-interessi taċ-ċittadini.

"L-Ewropej jistennew li l-UE tgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Għandna naffrontaw din l-isfida, filwaqt li nirrispettaw bis-sħiħ ir-rwol kruċjali tal-Parlamenti nazzjonali fil-liġi kriminali," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "It-Trattat ta' Lisbona jagħtina l-għodda biex niffaċċjaw l-isfida tal-liġi kriminali b'mod bilanċjat, skont id-drittijiet fundamentali tal-libertà u s-sigurtà. It-Trattat il-ġdid jistabbilixxi wkoll limiti u kontrolli ċari: xejn ma jista' jiġi deċiż mingħajr il-kontroll demokratiku sħiħ tal-Parlament Ewropew u s-sorveljanza tal-Parlamenti nazzjonali li għandhom vuċi importanti fil-proċess deċiżjonali."

Huwa stmat li fl-UE l-kost totali tal-kriminalità mġarrab mis-soċjetà kollha kemm hi hu ta' EUR 233 biljun fis-sena. Politika Kriminali tal-UE definita b'mod ċar tista' tgħin biex jiġi żgurat li r-regoli li jkopru l-UE kollha jiġu eżegwiti, b'mod partikolari għall-prevenzjoni mill-manipulazzjoni tas-swieq finanzjarji, inkluż l-abbuż minn informazzjoni privileġġata, u għas-salvagwardjar tal-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxi fl-UE mill-frodi għad-detriment tal-baġit tal-UE jew għall-protezzjoni tal-ambjent.

Il-Komunikazzjoni dwar il-politika tal-lum tistipula l-kundizzjonijiet li taħthom l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jaħdmu flimkien sabiex jistabbilixxu politika kriminali tal-UE koerenti u konsistenti.

Il-kriterji ta' gwida importanti jinkludu li:

  • Il-liġi kriminali għandha dejjem tibqa' tintuża bħala miżura aħħarija

  • Is-sanzjonijiet tal-liġi kriminali għandhom ikunu riżervati għal reati li jkunu partikolarment serji

  • Il-miżuri tal-liġi kriminali huma miżuri sensittivi mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali: leġiżlazzjoni ġdida tirrikjedi li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati b'mod strett hekk kif inhu ggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.

  • Kull deċiżjoni li tittieħed dwar it-tip ta' miżura jew sanzjoni tal-liġi kriminali li trid tiġi adottata għandha tkun akkumpanjata minn evidenza fattwali ċara u minn rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Il-miżuri tal-liġi kriminali li jiġu adottati fil-livell tal-UE mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Ministri huma differenti mil-liġi kriminali nazzjonali minn lat importanti: ma jistgħux jimponu obbligi diretti fuq l-individwi. Il-liġi kriminali tal-UE tista' biss twassal biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-individwi ladarba din tiġi trasposta f'leġiżlazzjoni nazzjonali minn Parlament nazzjonali. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni Ewropea tqis li l-involviment tal-Parlamenti nazzjonali tul il-proċess kollu tat-tfassil ta' liġijiet kriminali hu ta' importanza kruċjali.

Sfond

L-UE ilha tieħu miżuri fil-qasam tal-liġi kriminali għal aktar minn deċennju, bit-tir li ttejjeb il-ġlieda kontra l-problema ta' kriminalità li qiegħda ssir dejjem aktar internazzjonali u sofistikata. Iżda l-leġiżlazzjoni preċedenti ġiet żviluppata mingħajr bażi ta' politika koerenti u għalhekk mhux dejjem tiġi infurzata b'mod effettiv. F'Marzu 2010, VivianeReding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, iddeskriviet il-ħtieġa li jkun hemm approċċ ibbilanċjat u koerenti fil-konfront tal-politika dwar il-liġi kriminali u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tieħu azzjoni f'dan il-qasam (DISKORS/10/89). Fil-Komunikazzjoni tal-lum "Lejn Politika Kriminali tal-UE", il-Kummissjoni qed twettaq il-wegħda tagħha u qiegħda wkoll tirreaġixxi għal sejħiet li saru minn prattikanti tal-liġi u minn akkademiċi għal approċċ aktar koerenti fil-konfront tal-liġi kriminali fil-livell tal-UE, kif deskritt mill-awturi tal-Manifest dwar il-Politika Kriminali tal-UE tal-2009.

Din il-Komunikazzjoni qed tiġi ppreżentata lill-Kulleġġ mill-Viċi President Viviane Reding flimkien mal-Viċi President Siim Kallas u l-Kummissarji Janez Potočnik, Olli Rehn, Michel Barnier u Algirdas Šemeta.

Fl-2005, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, f'sentenza deċiżiva, li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill kellhom tabilħaqq is-setgħa li jadottaw sanzjonijiet tal-liġi kriminali fejn dan ikun essenzjali biex jiġi ffaċilitat l-infurzar tal-liġi tal-UE (ara IP/05/1136). It-Trattat ta' Lisbona (b'mod partikolari l-Artikoli 83 u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) jippermetti lill-UE tadotta – taħt ċerti kundizzjonijiet – regoli minimi dwar il-liġi kriminali relatati mad-definizzjonijiet tar-reati kriminali u s-sanzjonijiet, f'każ li r-regoli tal-UE ma jkunux infurzati b'mod effettiv.

It-Trattat ta' Lisbona bidel ukoll il-qafas legali għal miżuri tal-liġi kriminali tal-UE: l-ebda miżura ta' liġi kriminali ma tista' tiġi adottata mingħajr il-kunsens tal-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea issa għandha kontroll ġudizzjarju sħiħ. It-Trattat il-ġdid isaħħaħ ukoll b'mod sostanzjali r-rwol tal-Parlamenti nazzjonali billi dawn jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar abbozzi ta' leġiżlazzjoni u jivverifikaw li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi rrispettat. Il-Kunsill jista' jadotta proposta jekk din tiġi appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri. L-oqsma fejn ġie stabbilit li hemm bżonn ta' liġi kriminali tal-UE huma, pereżempju, il-ħarsien tat-tħaddim tas-swieq finanzjarji, il-protezzjoni mill-falsifikazzjoni tal-euro u l-ġlieda kontra l-frodi għad-detriment tal-baġit tal-UE. Fil-każ ta' dan l-aħħar qasam, il-Kummissjoni diġà ppreżentat pjanijiet konkreti f'Mejju (IP/11/644)

Il-miżuri ta' liġi kriminali tal-UE jistgħu jiddefinixxu liema ksur tar-regoli għandu jitqies bħala reat kriminali fil-liġijiet nazzjonali fl-Unjoni kollha. Dawn jistgħu jipprovdu wkoll għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi billi, pereżempju, jirrikjedu li jkunu imposti ċerti livelli ta' multi monetarji jew li tiġi imposta l-priġunerija għal xi reati. Dan jista' jservi ta' għodda importanti ta' deterrenza għal dawk li jiksru l-liġi u biex jiġu evitati delitti futuri.

Qabel ma tippreżenta proposti leġiżlattivi f'dan il-qasam, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk huwiex meħtieġ l-użu tal-liġi kriminali u, jekk dan ikun neċessarju, liema miżuri huma l-aktar adatti biex jiġu indirizzati l-problemi tal-infurzar f'qasam ta' politika speċifiku. Il-Kummissjoni se tressaq b'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill mudell komuni tal-lingwa li għandha tintuża f'leġiżlazzjoni futura dwar il-liġi kriminali biex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza u koerenza. Se tistabbilixxi wkoll grupp ta' esperti biex jgħin biex jinġabru provi fattwali dwar in-natura jew l-effetti transkonfinali ta' ċerti delitti.

Għal aktar tagħrif:

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-Politika Kriminali tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-law-policy/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

ANNESS

Sors: Eurobarometer 75, Rebbiegħa 2011

Kuntatti:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site