Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni twitti t-triq għal tkabbir b’użu effiċjenti tar-riżorsi

European Commission - IP/11/1046   20/09/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni twitti t-triq għal tkabbir b’użu effiċjenti tar-riżorsi

Brussell, l-20 ta’ Settembru 2011 – Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat 'pjan direzzjonali' bl-għan li jbiddel l-ekonomija tal-Ewropa f'waħda sostenibbli sal-2050. Il-Pjan Direzzjonali lejn Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi jiddeskrivi kif nistgħu niksbu t-tkabbir b'użu effiċjenti tar-riżorsi li huwa essenzjali għall-benessri u l-prosperità futuri tagħna. Il-pjan direzzjonali jidentifika s-setturi ekonomiċi li jikkunsmaw l-aktar riżorsi u jissuġġerixxi għodod u indikaturi li jgħinu jiggwidaw l-azzjoni fl-Ewropa u fl-isfera internazzjonali. Huwa aġenda għall-kompetittività u t-tkabbir abbażi tal-użu ta’ inqas riżorsi meta nipproduċu u nikkunsmaw oġġetti u għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ negozju u ta’ impjiegi minn attivitajiet bħar-riċiklaġġ, id-disinjar aħjar tal-prodott, is-sostituzzjoni tal-materjali u l-ekoinġinerija.

Il-Kummissjarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: It-tkabbir ekoloġiku huwa l-uniku futur sostenibbli - għall-Ewropa u d-dinja. Hemm bżonn li l-industrija u l-ambjent jaħdmu id f'id - f'perspettiva fuq żmien twil, l-interessi tagħna jibqgħu l-istess."

Użu aħjar tar-riżorsi f’ambjent taħt pressjoni

Iż-żieda fid-domanda madwar id-dinja qed iżżid il-pressjoni fuq l-ambjent, u toħloq kompetizzjoni akbar għar-riżorsi. Riżorsi naturali ewlenin bħall-materja prima, il-metalli, l-enerġija, il-bijodiversità u l-ilma ġew użati biex jistimulaw it-tkabbir ekonomiku bħallikieku kienu provvisti ineżawribbli. Dan mhuwiex sostenibbli fit-tul. Il-pjan direzzjonali tal-lum iressaq il-mezzi li permezz tagħhom nistgħu nkomplu niksbu tkabbir b'mod sostenibbli.

Il-miżuri huma stabbiliti bil-għan li jbiddlu l-produzzjoni u l-konsum, b'inċentivi għall-investituri sabiex jippromwovu l-innovazzjoni ekoloġika u rwol akbar għall-ekodisinn, l-ekotikkettar, u nfiq ekoloġiku mill-korpi pubbliċi. Il-gvernijiet huma mistiedna biex jintaxxaw aktar it-tniġġis u r-riżorsi milli x-xogħol, u jipprovdu inċentivi ġodda li jimbuttaw lill-konsumaturi lejn prodotti b’użu effiċjenti tar-riżorsi. Il-pjan direzzjonali jirrakkomanda wkoll l-adattament tal-prezzijiet biex dawn jirriflettu l-kosti reali tal-użu tar-riżorsi, speċjalment fuq l-ambjent u s-saħħa.

Il-pjan direzzjonali għandu l-għan li jindirizza l-ineffiċjenza fl-użu tar-riżorsi fis-setturi li huma responsabbli għall-akbar sehem tal-impatti ambjentali – jiġifieri l-ikel, il-bini u l-mobilità, li l-effetti tagħhom flimkien jammontaw għal 70-80 % tal-impatti ambjentali kollha.

L-importanza tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali li jsostnu l-ekonomija tagħna b’mod iktar effiċjenti huwa wkoll enfasizzat. Il-pressjonijiet fuq ir-riżorsi bħall-bijodiversità, il-ħamrija u l-klima qegħdin dejjem jiżdiedu, u n-nuqqas li jintlaħqu l-miri eżistenti jista’ jsarraf f’diżastru fuq żmien twil.

L-indirizzar tal-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-livelli kollha ta’ politika

Il-pjan direzzjonali jirrakkomanda approċċ integrat f’bosta oqsma ta’ politika fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri u jiffoka fuq ir-riżorsi li huma l-aktar taħt pressjoni. L-istrumenti użati se jinkludu l-leġiżlazzjoni, l-istrumenti bbażati fuq is-suq, l-iffokar mill-ġdid tal-istrumenti ta’ finanzjament u l-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli. Se jiġu żviluppati miri u indikaturi ċari li jipprovdu l-prevedibbiltà u t-trasparenza għal kulħadd sal-2013, permezz ta’ proċess ta’ parteċipazzjoni li jinvolvi dawk li jfasslu l-politika, l-esperti, l-NGOs, in-negozji u l-konsumaturi.

Sfond

L-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi talbet għal pjan direzzjonali biex jiddefinixxi l-għanijiet fuq żmien medju u twil għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-mezzi sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Dan il-pjan direzzjonali jibni fuq inizjattivi oħra li jaqgħu taħt din l-inizjattiva ewlenija u jikkompletahom, bħall-Pjan Direzzjonali għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, il-White Paper dwar it-trasport adottata fir-rebbiegħa tal-2011 kif ukoll il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija li hu mistenni aktar tard din is-sena. Il-Pjan Direzzjonali għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi jibni wkoll fuq l-Istrateġija Tematika tal-2005 dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE.

Il-Passi li Jmiss

L-azzjonijiet u l-miżuri varji indikati fil-pjan direzzjonali issa se jittressqu ’l quddiem. Il-Kummissjoni se tħejji l-proposti leġiżlattivi u ta' politika xierqa biex jiġi implimentat. Se jkun hemm ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jaġixxu fil-livell tagħhom, biex il-miżuri ġodda ta' effiċjenza jitwasslu lin-negozji u lill-konsumaturi.

Għal aktar informazzjoni dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi u biex issib il-Pjan direzzjonali, jekk jogħġbok ara:

http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/index_en.htm

MEMO/11/614

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website