Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-modernizzazzjoni u l-impjegabbiltà huma l-essenza tal-istrateġija tar-riforma tal-edukazzjoni għolja

Brussell, l-20 ta' Settembru 2011 – Bħala parti mill-istrateġija Ewropea għall-impjiegi u għat-tkabbir, il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat strateġija għar-riforma biex tingħata spinta lin-numri ta' gradwati, tittejjeb il-kwalità tat-tagħlim u tisfrutta l-massimu tal-possibiltajiet li toffri l-edukazzjoni għolja biex tgħin lill-ekonomija tal-UE toħroġ mill-kriżi iżjed b'saħħitha minn qabel. L-istrateġija tidentifika oqsma ta' prijorità li fihom il-pajjiżi tal-UE għandhom bżonn jagħfsu iżjed biex jiksbu miri edukattivi komuni, u tispjega l-mod ta' kif l-Unjoni Ewropea tista' tappoġġa l-politiki ta' modernizzazzjoni tagħhom. L-inizjattivi tal-UE se jinkludu klassifikazzjoni universitarja multidimensjonali li tinforma b'mod aħjar lill-istudenti dwar liema huma l-aħjar korsijiet għalihom, u skema ta' garanzija fuq self "Erasmus għall-Masters" għall-istudenti li jattendu għal kors sħiħ li jwassal għal diploma barra minn pajjiżhom.

Fl-Unjoni Ewropea hemm madwar 4,000 università u istituzzjoni oħrajn tal-edukazzjoni għolja, u 'l fuq minn 19-il miljun student. F'dawn l-aħħar snin, in-numru u d-diversità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll in-numru tal-istudenti, żdiedu b'mod sostanzjali. Iżda l-finanzjament, l-istrutturi amministrattivi u l-kurrikuli ta' sikwit ma setgħux ilaħħqu. L-edukazzjoni għolja mhijiex taħdem biżżejjed sew biex tipprovdi n-numri ta' nies meħtieġa fl-Ewropa li jkollhom l-aħjar ħiliet li joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir. U madwar id-dinja kollha, il-kompetituri tal-Ewropa, b'mod speċjali l-ekonomiji emerġenti, qegħdin iżidu l-investiment tagħhom fl-edukazzjoni għolja b'pass mgħaġġel.

Fid-diskors tagħha waqt it-tnedija uffiċjali tal-istrateġija, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou, qalet: "L-edukazzjoni għolja hija mutur b'saħħtu tat-tkabbir ekonomiku u tiftaħ il-bibien għal standards ta' ħajja aħjar u għall-opportunitajiet li jkollhom in-nies. Hija wkoll l-aqwa garanzija kontra l-qgħad. B'danakollu, hemm wisq gradwati li jdumu jfittxu l-impjieg jew xogħol tajjeb. Jeħtieġ li nirriformaw l-edukazzjoni għolja – u l-edukazzjoni vokazzjonali – biex narmaw liż-żgħażagħ tagħna bil-ħiliet li għandhom bżonn biex jilħqu l-aħjar potenzjal tagħhom ta' żvilupp u impjegabbiltà."

Oqsma ta' prijorità li jeħtieġu aktar riformi jinkludu:

  • Żidiet fin-numri ta' gradwati, il-ġibda għall-edukazzjoni għolja ta' nies minn firxa aktar wiesgħa tas-soċjetà, it-tnaqqis tan-numri ta' dawk li joħorġu mill-korsijiet qabel il-waqt

  • It-titjib tal-kwalità u tar-rilevanza tal-edukazzjoni għolja, biex il-kurrikuli jissodisfaw il-bżonnijiet tal-individwi, tas-suq tax-xogħol u tal-karrieri tal-ġejjieni, kif ukoll li t-tagħlim u r-riċerka jingħataw spinta u tiġu ppremjata l-eċċellenza f'dawn l-oqsma

  • Li jingħataw aktar opportunitajiet lill-istudenti biex jiksbu ħiliet addizzjonali permezz ta' studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom, u l-inkoraġġiment ta' kooperazzjoni transkonfinali li tħeġġeġ prestazzjoni aqwa fl-edukazzjoni

  • It-taħriġ ta' iżjed riċerkaturi biex iħejju t-triq għall-industriji tal-ġejjieni

  • It-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-kummerċ biex jitħeġġu l-eċċellenza u l-innovazzjoni

  • Li jkun żgurat li l-iffinanzjar ikun effiċjenti, b'hekk l-amministraturi tal-edukazzjoni għolja jkunu iżjed ħielsa biex jinvestu f'edukazzjoni ta' kwalità li tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol

Bosta pajjiżi tal-UE qegħdin jagħtu prijorità lill-modernizzazzjoni tas-sistemi tagħhom ta' edukazzjoni għolja; iżda l-potenzjal tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ewropej biex jikkontribwixxu għall-prosperità tal-Ewropa u jilħqu r-rwol wiesa' tagħhom fis-soċjetà għadu mhux qed jintuża bis-sħiħ. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-edukazzjoni hija l-qofol tal-istrateġija Ewropa 2020, li stabbiliet mira ta' kwalifiki fl-edukazzjoni għolja għal 40 % taż-żgħażagħ tal-Ewropa sal-aħħar ta' dawn l-għaxar snin (33.6 % fl-2010).

F'Lulju, il-Kummissjoni nediet il-proposti tagħha għall-baġit multinannwali tal-UE (2014-2020) li jinkludu żidiet sostanzjali għall-edukazzjoni, t-taħriġ u ż-żgħażagħ (+73 %), u għar-riċerka (+46 %), bħala rikonoxximent tar-rwol ewlieni tagħhom fis-sostenn tat-tkabbir. L-aġenda tar-riforma għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja se tmexxi l-prijoritajiet fl-infiq tal-programmi tal-UE biex jappoġġaw ir-riformi.

L-istrateġija tar-riforma tal-Kummissjoni ssawret permezz tal-analiżijiet, l-istudji u l-konsulti ma' stituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, ma' għalliema, riċerkaturi, studenti, negozji, trejd unjins, gvernijiet u korpi internazzjonali. Hija akkompanjata minn dokument tal-persunal tal-Kummissjoni li jeżamina l-iżviluppi riċenti fis-sistemi ta' edukazzjoni għolja Ewropej, u mid-dokument ta' riċerka "Modernisation of higher education in Europe: funding and the social dimension" li jeżamina x-xejriet fil-finanzjament tal-edukazzjoni għolja u l-politiki favur it-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni għolja IP/11/1037

Għal iktar tagħrif:

MEMO/11/613 – Il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja – fatti u figuri

MEMO/11/615 – Strateġija tal-UE għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja – Domandi u Risposti

Komunikazzjoni: Strateġija tal-UE għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja:

http://ec.europa.eu/education/higher-education/doc/com0911_en.pdf

L-istatistika – Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-iżviluppi riċenti fis-sistemi ta' edukazzjoni għolja Ewropej:

http://ec.europa.eu/education/higher-education/doc/wp0911_en.pdf

Studju tal-Eurydice "Modernisation of Higher Education in Europe: Funding and the Social Dimension":

http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/thematic_studies_en.php

Il-Kummissjoni Ewropea: L-edukazzjoni għolja:

http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc62_en.htm

Il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ għall-baġit tal-UE li jmiss: IP/11/857

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website