Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/103

Brussell, it-28 ta’ Jannar 2011

Il-Kummissarju Piebalgs se jżur l-Etjopja biex jiddiskuti t-tisħiħ tar-relazzjonijiet u jiffirma proġett dwar it-tibdil fil-klima ta' EUR 13.7 miljun

Fil-31 ta' Jannar, il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp Andris Piebalgs se jiltaqa' mal-Prim Ministru tal-Etjopja Meles Zenawi u ma' membri oħra tal-gvern nazzjonali f'Addis Ababa. It-taħdidiet tagħhom se jkunu ta' opportunità biex tkompli tissaħħaħ il-kooperazjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-Etjopja li hi sieħba reġjonali importanti tal-UE u li tirċievi l-akbar sehem individwali ta' għajnuna tal-UE. Il-Kummissarju Piebalgs se jfittex modi ta' kif tista' tingħata għajnuna lill-istrateġija nazzjonali ta' ħames snin tal-gvern, "Tkabbir u trasformazzjoni", u se jiffirma ftehim għall-implimentazzjoni tal-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima fl-Etjopja.

Qabel beda l-mawra tiegħu, il-Kummissarju Piebalgs qal: "L-Etjopja hija sieħba siewja għall-UE u aħna nixtiequ nkomplu nsaħħu din ir-relazzjoni. Ninsab ħerqan biex, b'mod partikolari, napprofondixxi d-djalogu dwar kif jistgħu jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju u dwar linji ta' politika ekonomika. Jiena rikonoxxenti lejn l-Etjopja talli tinsab fuq quddiem fid-dibattitu dwar it-tibdil fil-klima f'fora internazzjonali. Hija wkoll waħda mill-pajjiżi ta' prijorità li l-UE għażlet għal proġett taħt il-kappa tal-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima. L-iffirmar tagħna ta' ftehim ta' għotja ta' EUR 13.7 miljun se jkun pass importanti biex tingħata għajnuna lill-Etjopja tibni ekonomija li tkun kapaċi tilqa' għat-tibdil fil-klima."

Il-Kummissarju Piebalgs se jiltaqa' ma':

  • Meles Zenawi, il-Prim Ministru

  • Desalegn Hailemariam, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin

  • Sufian Ahmed, il-Ministru tal-Finanzi u l-Iżvilupp Ekonomiku

  • Tefera Deribew, il-Ministru tal-Agrikoltura

Id-diskussjonijiet se jkunu ffukati fuq l-isforzi l-ġodda li qed tagħmel l-Etjopja biex tasal għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (Millenium Development Goals - MDGs) kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku. Fl-2010 il-gvern Etjopjan adotta strateġija nazzjonali ta' ħames snin, il-Pjan ta' Tkabbir u Trasformazzjoni, bil-għan li jkun hemm rati ta' tkabbir annwali għolja kif ukoll progress fejn jidħlu l-MDGs, b'mod partikolari fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fl-aċċess għall-ilma. Din l-istrateġija nazzjonali se tkun ta' opportunità għall-UE biex tintensifika u tiffoka d-djalogu ta' politika fuq kwistjonijiet kruċjali ta' riforma, bħal ma huma l-implimentazzjoni ta' politika industrijali ġdida jew il-modernizzazzjoni tas-sistema bankarja nazzjonali.

F'dan is-sens, il-Kummissarju se jżur ukoll il-Kamra tal-Kummerċ tal-Materja Prima u se jiltaqa' ma' rappreżentanti tal-komunità tan-negozju.

L-iffirmar ta' proġett għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-Klima

Il-Kummissarju Andris Piebalgs u Sufian Ahmed, il-Ministru tal-Finanzi u tal-Iżvilupp Ekonomiku se jiffirmaw ftehim ta' għotja ta' aktar minn EUR 13.7 miljun għall-implimentazzjoni tal-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima (GCCA) fl-Etjopja. L-għan ewlieni tal-programm huwa dak li jkun ta' kontribut għal ekonomija newtrali fejn jidħol l-użu tal-karbonju, u li tkun kapaċi tilqa' għat-tibdil fil-klima. Dan il-proġett se jkun implimentat f'għadd ta' postijiet fejn hemm nixxiegħat biswit il-Baċir tan-Nil. Huwa stmat li madwar 110,000 unità domestika f'dawn il-ħames reġjuni mistennija jibbenefikaw minn dan. Dan jista’ jsir permezz ta’

  • appoġġ istituzzjonali għal linji ta' politika u programmi, l-aktar dawk li jibbenefikaw lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent

  • tqanqil ta' kuxjenza fost dawk involuti dwar kwistjonijiet ta' tibdil fil-klima u ż-żieda fl-għarfien tagħhom

  • l-identifikazzjoni u l-ittestjar ta' prassi dwar it-tibdil fil-klima f'oqsma speċifiċi

Sfond

L-Etjopja hija wieħed mill-pajjiżi li l-aktar jirċievi ffinanzjar mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (European Development Fund - EDF) minn fost il-pajjiżi kollha tal-AKP. L-ammont nazzjonali totali għall-Għaxar EDF, li jkopri l-perjodu bejn l-2008 u l-2013 huwa ta' EUR 644 miljun. L-UE bħala tali (il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Istati Membri tal-UE) hija l-akbar donatur lill-Etjopja, b'impenji li jlaħħqu madwar il-EUR 1 biljun kull sena (40% tal-għajnuna uffiċjali totali lill-Etjopja). L-UE tirrappreżenta s-suq ewlieni għall-esportazzjoni ta' prodotti Etjopjani. Ir-rata medja ta' tkabbir ekonomiku tul dawn l-aħħar ħames snin kienet 10%, li mistenni tnaqqas fil-pass għal 7% fl-2010.

L-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima (Global Climate Change Alliance - GCCA), li kienet tnediet mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007 għandha bħala għan li tapprofondixxi d-djalogu, il-kooperazzjoni u ttejjeb l-appoġġ dwar it-tibdil fil-klima bejn il-pajjiżi Ewropej u dawk li qed jiżviluppaw, u li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (Least Developed Countries - LDCs) u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (Small Island Developing States - SIDS). L-attivitajiet ewlenin tal-GCCA jinkludu: ftehimiet finanzjarji ma' pajjiżi benefiċjarji magħżula, attivitajiet ta' djalogu reġjonali biex titjieb il-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u assistenza teknika bħal ma hu żvilupp ta' proġetti u attivitajiet ta' żvilupp ta' kapaċitajiet.

Aktar informazzjoni:

Websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni – EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Il-websajt tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Etjopja:

http://eeas.europa.eu/delegations/ethiopia/index_en.htm

Il-websajt tal-Website tal-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima:

http://www.gcca.eu/pages/1_2-Home.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website