Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Schengen: Il-Kummisjoni tal-UE tipproponi approċċ Ewropew biex tħares aħjar il-moviment liberu taċ-ċittadini

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2011 – Illum il-Kummissjoni pproponiet biex issaħħaħ iż-żona ta' Schengen u tiggarantixxi l-moviment liberu għal mijiet ta' eluf ta' ċittadini tal-UE u ċittadini ta' pajjiżi terzi li jivjaġġaw f’dan it-territorju kuljum. Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jistabbilixxu approċċ aktar effiċjenti u fuq livell tal-UE għal kooperazzjoni ta’ Schengen. Sfidi partikulari li jistgħu ipoġġu l-funzjonament totali taż-żona ta’ Schengen taħt pressjoni għandhom jiġu indirizzati b’mod effettiv u koordinat. Il-proposti jistabbilixxu evalwazzjoni fuq livell tal-UE aktar b’saħħitha u jissorveljaw sistema biex jivverifikaw u jiżguraw l-applikazzjoni għar-regoli ta’ Schengen, u għal mekkaniżmu Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar strutturat li jista’ jippermetti introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni f’każ ta’ theddid serju lill-politika pubblika jew sigurtà interna.

“B’dawn il-proposti qegħdin inħarsu l-futur ta’ Schengen. Għandna niżguraw ġestjoni soda ta’ Schengen ibbażata fuq regoli ċari u trasparenti li jagħmlu s-sistema aktar effiċjenti. Il-proposti tagħna se jintroduċu sistema Ewropea tat-teħid tad-deċiżjonijiet li se ssaħħaħ il-fiduċja fost l-Istati Membri u se tħejji aħjar liż-żona ta’ Schengen biex tlaħħaq mal-isfidi futuri u avvenimenti mhux mistennja. Bit-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea nħarsu waħda mill-aktar kisbiet għeżież tal-UE: il-moviment liberu taċ-ċittadini tagħna” qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni.

F’żona mingħajr fruntieri interni, kwalunkwe sfida għall-integrità ta’ kwalunkwe parti ta’ dik iż-żona għandha konsegwenzi diretti għaż-żona sħiħa ta’ Schengen u għall-UE bħala entità sħiħa. Is-sistema attwali, ibbażata fuq mekkaniżmu intergovernattiv ta’ reviżjoni bejn il-pari, flimkien mal-possibilità għal deċiżjonijiet individwali meħuda fuq livell nazzjonali dwar l-introduzzjoni mill-ġdid eċċezzjonali ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, irriżultat ineffiċjenti fit-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn il-Membri taż-żona ta’ Schengen u l-ħarsien tal-moviment liberu f'żona ħielsa mill-kontroll fil-fruntieri. Hemm bżonn li jsir aktar biex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-ispazju komuni u jiġi pprovdut appoġġ xieraq għall-Istati Membri ffaċċjati minn sitwazzjonijiet kritiċi.

Flimkien ma’ Komunikazzjoni spjegattiva, il-Kummissjoni għalhekk adottat żewġ proposti leġiżlattivi bl-għanijiet li ġejjin: 1) li tissaħħaħ il-ġestjoni taż-żona ta’ Schengen; 2) li jiġi definit mekkaniżmu Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex jitħares l-interess komuni.

1) It-tisħiħ tal-ġestjoni taż-żona ta’ Schengen

L-għodda eżistenti disponibbli għas-sorveljanza u r-rimedji ta’ dgħufija m’hijiex suffiċjenti. Il-proposta tal-lum – il-bini fuq il-mekkaniżmu rrivedut tal-evalwazzjoni ta’ Schengen propost mill-Kummissjoni f’Novembru 2010 (IP/11/1493) – għandha tibdel l-approċċ attwali intergovernattiv ta’ reviżjoni bejn il-pari f’ġestjoni ta’ Schengen fuq livell tal-UE. Żjajjar ta’ sorveljanza, għal għarrieda u mhux, fi Stat Membru partikulari minn timijiet immexxijja mill-Kummissjoni b’esperti minn Stati Membri oħra u Frontex se jivverifikaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Schengen.

Rapport imħejji wara kull żjara għandu jidentifika kwalunkwe nuqqasijiet u joħroġ bi proposti ċari għal azzjoni ta’ rimedju, bi skadenza għall-implimentazzjoni tagħhom. Bħala segwitu ta’ dan, l-Istat Membru inkwistjoni jiġi obbligat jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni li jistipula kif għandu jwettaq l-intenzjoni li jindirizza dawn ir-rakkommandazzjonijet.

Innovazzjoni importanti oħra hija li, darbtejn fis-sena, se tibda tingħata ħarsa dettaljata lejn l-istat li jkun fih Schengen b’dibattitu fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew dwar il-funzjonament ta’ Schengen, ibbażat fuq ħarsa ġenerali ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

2) Mekkaniżmu fuq livell tal-UE tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex jitħares il-ġid komuni.

Ir-regoli attwali, li jipprevedu vjaġġar mingħajr passaport f’25 pajjiż Ewropew, jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jintroduċu mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri eċċezzjonali u temporanji f’każi ta’ theddid serju għall-politika pubblika u s-sigurtà interna. Madankollu, il-Kummissjoni hija ċerta li, peress li dawn il-miżuri jħallu impatt fuq iż-żona kollha ta’ Schengen, il-possibilità li jiġu introdotti mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni għandha tiġi kkontrollata fuq livell Ewropew b'mod trasparenti, konsistenti u effiċjenti.

Il-proposti tal-lum se jiżguraw li mekkaniżmu għal rispons ikkoordinat mill-UE ikun disponibbli biex jitħarsu l-funzjonament u l-integrità taż-żona ta' Schengen bħala entità sħiħa. Taħt is-sistema l-ġdida, deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni għal avvenimenti mistennija (bħal avveniment sportiv importanti jew laqgħa politika ewlenija) għandhom jittieħdu fuq livell Ewropew fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea bis-sostenn ta’ ‘maġġoranza kwalifikata’ mill-esperti tal-Istati Membri. Il-bażi li fuqha tista’ tittieħed din id-deċiżjoni se tibqa’ l-istess bħal-lum: li l-miżura hija bżonnjuża sabiex tpatti għat-theddid serju għall-politika pubblika u s-sigurtà interna. Bħala regola ġenerali, il-kontrolli jistgħu jiġu permessi ma’ fruntieri speċifiċi għal perjodu li jista’ jiġġedded ta’ 30 ġurnata.

Stati Membri xorta jistgħu jieħdu azzjoni unilaterali biex jiġu introdotti mill-ġdid kontrolli meta jiġu ffaċċjati ma’ emerġenzi mhux mistennija li jitolbu azzjoni immedjata, iżda biss għal perjodu li ma jaqbiżx 5 ijiem, wara liema perjodu deċiżjoni fuq livell tal-UE għandha tittieħed li tippermetti kwalunkwe estensjoni.

F’każ ta’ nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ Schengen, bħal jekk Stat Membru jonqos milli jħares b’mod xieraq parti mill-fruntiera esterna tal-UE, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ appoġġ li jinkludu appoġġ tekniku u finanzjarju mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri, mill-FRONTEX jew aġenziji oħra bħall-Europol jew l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO). Iżda, minkejja dawn il-miżuri ta’ appoġġ, jekk jippersistu n-nuqqasijiet serji, tista’ tittieħed deċiżjoni biex jippermettu introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni. Kwalunkwe tip ta’ miżura aħħarija għandha tittieħed fuq il-livell tal-UE, b’hekk jiġu evitati deċiżjonijiet unilaterali minn Stati Membri u jistabbilixxu approċċ kollettiv li jħares l-interessi komuni tagħna.

Il-proposti l-ġodda jirrispettaw b’mod sħiħ id-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom. Il-Kummissjoni se tinforma lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultat taż-żjajjar ta’ ġestjoni differenti fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni ta’ Schengen, u dwar kwalunkwe passi meħuda li jistgħu iwasslu għall-introduzzjoni mill-ġdid possibbli ta' kontrolli fil-fruntieri.

L-inizjattivi adottati llum huma:

  • Komunikazzjoni (“Il-ġestjoni ta' Schengen – it-tisħiħ taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni”)

  • Proposta biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni ta’ Schengen (li tirrevedi l-proposta li saret is-sena l-oħra, ara IP/10/1493)

  • Proposta biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-introduzzjoni mill-ġdid ikkoordinata tal-kontrolli fil-fruntieri interni f’ċirkustanzi eċċezzjonali (li temenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

Dawn il-proposti se jiġu eżaminati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kodeċiżjoni).

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, fuq l-Internet:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq l-Internet:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site