Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2011: "Mobilità alternattiva"

European Commission - IP/11/1032   15/09/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2011: "Mobilità alternattiva"

Brussell, il-15 ta’ Settembru 2011 - Bejn is-16 u t-22 ta' Settembru 2011, mijiet ta' bliet Ewropej se jieħdu sehem fl-għaxar edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, fejn jistiednu liċ-ċittadini tagħhom għal sensiela wiesgħa ta' attivitajiet relatati mal-mobilità sostenibbli. It-tema ta’ din is-sena – Mobilità Alternattiva – għandha l-għan li tippromwovi alternattivi għall-karozzi privati, li għadhom jiddominaw it-trasport urban, permezz ta’ soluzzjonijiet li jutilizzaw ir-riżorsi b’mod aktar effikaċi. Din il-ġimgħa tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u ċ-ċittadini biex jenfasizzaw l-għadd kbir ta’ impatti pożittivi offruti minn mezzi ta’ trasport differenti.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Għal dawn l-aħħar għaxar snin, il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità appoġġjat l-ibliet biex joħolqu ambjent aħjar għaċ-ċittadini tagħhom. Din kienet ta’ suċċess enormi, u issa saret fenomenu globali. Il-Ġimgħa tal-Mobilità tippermetti liċ-ċittadini biex jaħsbu dwar mezzi ġodda u aħjar kif jivvjaġġaw u tikkontribwixxi biex l-ibliet tagħhom isiru lokalitajiet aktar pjaċevoli fejn wieħed jgħix."

Mezzi alternattivi ta’ trasport

L-użu żejjed tal-karozzi qed jagħmel ħsara lill-kwalità ta’ ħajja fl-ibliet tagħna. L-istorbju, it-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni u l-ispazju pubbliku ridott kollha huma sintomi ta’ din il-problema. Minħabba l-użu estensiv tar-riżorsi bħall-enerġija, l-art, l-ilma u l-materja prima, qed dejjem tinħass aktar il-ħtieġa ta’ forom oħrajn ta’ trasport li jiġġeneraw anqas tniġġis, jikkonsmaw anqas riżorsi u jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2011 għandha l-għan li tinkoraġġixxi liċ-ċittadini Ewropej li qed jgħixu f’żoni urbani biex jużaw il-mezzi ta’ trasport b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju bħal ma huma l-mixi, is-sewqan tar-roti jew it-trasport pubbliku.

Għaxar snin tal-Ġimgħa tal-Mobilità

L-edizzjoni tal-2011 qed tfakkar l-għaxar anniversarju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità. Matul dan l-aħħar diċennju, il-Ġimgħa tal-Mobilità għenet lill-ibliet biex joħolqu ambjent aktar pjaċevoli u ta’ benefiċċju għas-saħħa għaċ-ċittadini billi inkoraġġiethom biex inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku u biex jużaw mezzi ta’ trasport sostenibbli u mezzi mmexxija mill-bniedem.

L-għadd ta' bliet li jipparteċipaw fil-Ġimgħa tal-Mobilità żdied b'mod kontinwu minn meta din tnediet fl-2002. Fl-2010, bit-tema ‘Ivvjaġġa b’mod Aktar Għaqli, Għix Aħjar’, għadd rekord ta’  2,221 awtorità lokali ffirmaw il-karta Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità u/jew rreġistraw l-attivitajiet tagħhom fuq is-sit tal-kampanja www.mobilityweek.eu. L-2010 tfakkar il-ħames sena rekord konsekuttiva.

Il-Premjijiet tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobiltà 2011

L-ibliet u l-irħula li jilħqu ċerti kriterji ta’ eleġibilità huma mħeġġa japplikaw għall-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobiltà 2011. Il-premju jintrebaħ mill-ibliet li jiġu ġġudikati li jkunu organizzaw l-aktar kampanji innovattivi fejn tidħol il-kwalità ta’ attivitajiet marbuta mat-tema annwali u l-firxa ta’ miżuri permanenti li jiġu implimentati. Il-belt ta’ Almada (il-Portugall) rebħet il-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2010, b’Murcia (Spanja) u Riga (il-Latvja) jiġu fit-tieni post (ara IP/11/318)

Għal aktar tagħrif żur is-sit tal-internet tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità.

www.mobilityweek.eu

Contacts :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website