Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Jum il-Protezzjoni tad-Dejta: il-garanzija tad-drittijiet tal-privatezza tal-individwi

Commission Européenne - IP/11/102   27/01/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/102

Brussell, 28 ta’ Jannar 2011

Jum il-Protezzjoni tad-Dejta: il-garanzija tad-drittijiet tal-privatezza tal-individwi

Illum il-ġurnata l-iskambju ta' informazzjoni madwar id-dinja sar eħfef u iktar mgħaġġel. Id-dejta personali ta' individwu – email, ritratti u aġendas elettroniċi – jistgħu jinħolqu fir-Renju Unit permezz ta' software li jinsab fil-Ġermanja; jiġu pproċessati fl-Indja; maħżuna fil-Polonja u aċċessati fi Spanja minn ċittadin Taljan. Din iż-żieda mgħaġġla fil-flussi tal-informazzjoni madwar id-dinja tippreżenta sfida kbira għad-drittijiet tal-individwi għall-privatezza tad-dejta personali. Il-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta, inkluża d-dimensjoni transkonfinali tagħhom, jaffettwaw lin-nies fil-ħajja tagħhom ta' kuljum – fix-xogħol, meta jkunu qed jitrattaw ma' awtoritajiet pubbliċi, meta jixtru oġġetti jew servizzi, jew meta jivvjaġġaw jew jużaw l-internet. Illum – f’Jum il-Protezzjoni tad-Dejta – il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea qed jingħaqdu biex flimkien jippromwovu d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta.

Jum il-Protezzjoni tad-Dejta, li jsir kull sena, hu maħsub biex jagħti lin-nies il-possibbiltà biex jifhmu liema dejta personali dwarhom hija miġbura u pproċessata u għalfejn, u liema huma d-drittijiet tagħhom fir-rigward ta' dan l-ipproċessar.

Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta ilhom iktar minn 15-il sena. Minkejja li għaddew it-test taż-żmien, issa jeħtieġu li jiġu modernizzati sabiex jirriflettu x-xena teknoloġika l-ġdida. Iktar tard din is-sena l-Kummissjoni Ewropea se tipproponi bidliet lid-Direttiva tal-1995 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.

"Il-protezzjoni effettiva tad-dejta hija ferm importanti għad-demokraziji tagħna u hija l-bażi tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali oħra," qalet il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding, responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Jeħtieġ li nibbilanċjaw it-tħassib dwar il-privatezza mal-fluss liberu tal-informazzjoni, li jgħin biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi. Dawn huma l-mistoqsijiet li nixtieq nindirizza mal-proposti tagħna biex nimmodernizzaw ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta matul l-2011."

Illum qegħdin infakkru it-tletin anniversarju tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Dejta Personali (“Konvenzjoni 108”).

"Id-drittijiet dwar il-privatezza issa huma iktar importanti minn qatt qabel peress li qed jaffaċjaw l-isfidi li ġab miegħu l-iżvilupp mgħaġġel tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Il-konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Dejta kienet għodda ewlenija għall-iżgurar ta' dan id-dritt għal tletin sena u trid tiġi adattata biex tiżgura dan għat-tletin sena li ġejjin ukoll," qal is-Segretarju Ġenerali Thorbjørn Jagland, filwaqt li enfasizza "il-ħtieġa għall-qafas veramant internazzjonali, ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u li huwa flessibbli, trasparenti u inklużiv."

Kwistjonijiet ta' privatezza u ta' protezzjoni tad-dejta ma kienux 'il bogħod mill-aħbarijiet prinċipali f'dawn l-aħħar snin. It-teknoloġija qiegħda tavvanza b'rata esponenzjali u b'hekk ġabet tibdil drammatiku fil-mod ta' kif id-dejta personali qiegħda tintuża biex tipprovdi oġġetti u servizzi. Dan japplika speċjalment għall-ambjent onlajn – minn servizzi bankarji u tal-ivvjaġġar għall-netwerking soċjali. L-iskambju tad-dejta personali huwa wkoll parti mill-iżgurar ta' soċjetà sigura u mingħajr periklu.

Sfond

Id-Direttiva tal-UE tal-1995 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta

Fl-4 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni stabbilixxiet strateġija biex issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta (IP/10/1462 u MEMO/10/542). Din l-istrateġija hija maħsuba biex tipproteġi d-dejta ta’ individwi fl-oqsma kollha ta’ politika, inkluż l-infurzar tal-liġi, waqt li titnaqqas il-burokrazija għall-kummerċ u tiġi garantita ċ-ċirkolazzjoni libera tad-dejta fl-UE. Din ir-reviżjoni ta' politika ser tintuża mill-Kummissjoni, flimkien mar-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika, għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE tal-1995 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.

Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta (Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 95/46/KE tal-1995) għandhom l-għan li jħarsu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi, b'mod partikolari d-dritt tal-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll il-fluss liberu tad-dejta. Din id-Direttiva ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta timxi id f'id ma' strumenti legali oħrajn, bħad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika għas-settur tal-komunikazzjonijiet. Hemm ukoll regoli speċifiċi għall-protezzjoni tad-dejta personali fil-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI)

Id-dritt għall-protezzjoni ta' dejta personali huwa rikonoxxut b'mod espliċitu fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fit-Trattat ta' Lisbona. It-Trattat jipprovdi l-bażi legali għal regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-attivitajiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-UE skont l-Artikolu 16 (It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

Azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-dejta

Il-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa, li hija diġà punt ta' riferiment għal 43 Stat fl-Ewropa, u hija l-unika strument internazzjonali li jorbot legalment bil-potenzjal li jkun applikat mad-dinja kollha, infetħet għall-iffirmar fl-1981. Kull pajjiż fid-dinja li għandu l-leġiżlazzjoni meħtieġa dwar il-protezzjoni tad-dejta jista' jsir parti minnha.

Il-Konvenzjoni tiddefinixxi sensiela ta' prinċipji ewlenin rikonoxxuti b'mod universali u standards li jorbtu legalment. Id-dispożizzjonijiet tagħha li huma teknoloġikament newtrali jipproteġu kontra l-indħil fil-privatezza mill-awtoritajiet pubbliċi u privati. Hi tipprovdi qafas legali għat-trasferiment tad-dejta personali bejn il-pajjiżi li rratifikawha u pjattaforma għall-kooperazzjoni multilaterali bejn l-istati li huma parti mill-Konvenzjoni b'mod ugwali.

Il-pajjiżi jistgħu jaqsmu l-ideat u l-aħjar prattiki, u flimkien jiżviluppaw standards ġodda. Fl-2001, il-Konvenzjoni 108 ġiet issupplimentata minn Protokoll addizzjonali dwar l-awtoritajiet superviżorji u l-fluss tad-dejta transkonfinali.

It-28 ta' Jannar intgħażlet bħala data biex tfakkar Jum il-Protezzjoni tad-Dejta għaliex hi tiċċelebra l-anniversarju tal-Konvenzjoni 108. Din is-sena, il-Kunsill tal-Ewropa qed juża l-okkażjoni tal-Jum il-Protezzjoni tad-Dejta biex iniedi konsultazzjoni dwar kif għandu jimmodernizza l-Konvenzjoni 108 u jkompli jżied l-istandards tal-protezzjoni tad-dejta mhux biss fl-Ewropa, iżda madwar id-dinja kollha.

Aktar tagħrif

Ara jew niżżel il-filmat tal-Kummissjoni dwar il-privatezza tad-dejta u n-netwerks soċjalidisponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE:

http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=details&prodid=19949&src=1

Jum il-Protezzjoni tad-Dejta 2011:

http://www.data-protection-day.net

Il-Kunsill tal-Ewropa: Protezzjoni tad-Dejta

http://www.coe.int/dataprotection/

Il-Kummissjoni Ewropea: Protezzjoni tad-Dejta

http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/review/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site