Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: aktar azzjoni meħtieġa biex jitħarsu t-tfal – Rapport tal-Kummissjoni

European Commission - IP/11/1026   13/09/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

L-Aġenda Diġitali: aktar azzjoni meħtieġa biex jitħarsu t-tfal – Rapport tal-Kummissjoni

Brussell, it-13 ta' Settembru 2011 – Il-mod kif l-Istati Membri qed jimplimentaw ir-Rakkomandazzjonijiet tal-UE li jiżguraw li t-tfal ikunu jistgħu jgawdu d-dinja diġitali b'mod kunfidenti u sikur, qed jiġi analizzat mill-Kummissjoni Ewropea f'rapport ippreżentat illum. L-Istati Membri u l-industrija qed jagħmlu iktar sforzi biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjonijiet tal-UE li jmorru lura għall-1998 u l-2006 dwar il-protezzjoni tal-minorenni li jużaw servizzi awdjoviżivi u onlajn. Madankollu, kumplessivament il-miżuri li ttieħdu ma kinux biżżejjed.

F'termini konkreti, ir-rapport juri li l-pajjiżi tal-UE mhumiex qed jirreaġixxu biżżejjed jew għandhom diversi approċċi kif jindirizzaw u jirrapportaw kontenut illegali jew ta' ħsara, biex jiżguraw li t-tfal ikollhom aċċess għal kontenut adattat għall-età tagħhom, jagħmlu n-netwerks soċjali iktar sikuri għat-tfal u jipproteġu lit-tfal minn logħbiet tal-vidjow li jagħmlu ħsara. Pereżempju, jeżistu ħafna differenzi bejn l-Istati Membri fil-mod kif il-hotlines jiċċekkjaw l-illegalità jew il-ħsara involuta fil-kontenut irrappurtat lilhom, kif jirrintraċċaw is-sors tagħhom u kif jinnotifikaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti. Bl-istess mod, il-pajjiżi tal-UE jużaw sistemi u mezzi tekniċi differenti għall-klassifikazzjoni tal-età biex iżommu s-siti elettroniċi u l-logħbiet adattati skont l-età. Ir-rapport juri li hemm ambitu wiesa' biex il-protezzjoni tat-tfal f'dawn is-setturi tissaħħaħ. Il-Kummissjoni se tindirizza dawn il-kwistjonijiet iktar tard matul din is-sena f'inizjattiva komprensiva li tagħti s-setgħa u tipproteġi lit-tfal li jużaw teknoloġiji ġodda.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali qalet: "It-tfal qed ikunu iktar onlajn u minn età iżgħar u qed jesploraw dinja diġitali eċitanti ta' opportunitajiet. Iżda jeħtieġ li nżidu l-isforzi f'dak li nagħmlu u kif naħdmu flimkien biex nagħtu s-setgħa u nipproteġu lit-tfal f'din id-dinja diġitali dejjem tinbidel. Jeħtieġ li nagħtu lill-ġenituri u lill-għalliema l-kunfidenza biex jidħlu għar-responsabbiltajiet tagħhom. L-istrateġija li se nippreżenta iktar tard din is-sena se tindirizza dawn il-problemi b'mod dirett".

Ir-rapport jissuġġerixxi diversi azzjonijiet inkluż:

Kontenut li jagħmel ħsara u illegali: il-hotlines isiru magħrufa aħjar u jitjiebu l-infrastrutturi ta' sostenn biex it-tneħħija ta' kontenut illegali ssir iktar effiċjenti.

Netwerking soċjali u privatezza: titjib tas-sensibilizzazzjoni tar-riskji u l-modi kif niġġilduhom.

Sistemi ta' gradazzjoni u ta' klassifikazzjoni tal-età: użu iktar wiesa' ta' sistemi ta' klassifikazzjoni tal-età (bħall-PEGI) għal-logħbiet onlajn; l-iżvilupp ta' kodiċijiet għall-kodiċijiet ta' mġiba u modi oħra biex il-bejjiegħa fil-livell tal-konsumatur jsiru iktar konxji mill-klassifikazzjonijiet tal-età, biex jevitaw bejgħ ta' logħbiet lill-"persuni taħt l-età"

Sfond

Waħda mill-prijoritajiet tal-Agenda Digitali ghall-Ewropa hija li Nagħmlu l-Internet post aħjar għat-tfal. (Ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Skont l-istħarriġ EUKidsOnline (IP/11/479), tfal fl-Ewropa li għandhom bejn 9 u 10 snin li jużaw l-Internet jirrapportaw li, bħala medja, bdew ikunu onlajn mill-età ta' 7 snin. 33 % ta' dawk li jkunu onlajn jużaw telefown ċellulari jew tagħmir li jinżamm fl-idejn. 77 % tal-adoloxxenti bejn 13 u 16-il sena u 38 % tat-tfal bejn 9 u 12-il sena fl-Ewropa li jużaw l-Internet jgħidu li għandhom profil fuq sit ta' netwerking soċjali; kwart ta' dawk li jużaw siti ta' netwerking soċjali jgħidu li l-profil tagħhom huwa pubbliku. Kwalunkwe strateġija fl-UE kollha f'dan il-qasam tqis in-natura globali u dejjem tinbidel tal-ambjent diġitali u tirreaġixxi b'mod flessibbli għal sfidi ġodda.

Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-UE tal-1998 u tal-2006 dwar il-Protezzjoni tal-Minorenni jwieġbu għall-fatt li r-regolamentazzjoni tal-UE u nazzjonali mhux dejjem tista' żżommu mar-ritmu mgħaġġel tal-iżvilupp fil-qasam tas-servizzi awdjoviżivi u ta' informazzjoni onlajn. Fil-livell tal-UE, (permezz tad-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżzivi tal-Midja AVMS) u fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, hemm regoli speċifiċi biss għall-kontenut tal-midja awdjoviżiva. Din tagħmilha iktar importanti għall-Istati Membri u għall-fornituri tas-servizzi biex ikunu konxji tal-isfidi l-ġodda għall-protezzjoni tal-minorenni u biex jippromwovu kundizzjonijiet ta' qafas adattati permezz tal-kooperazzjoni tal-parteċipanti ewlenin u koregolamentazzjoni jew awtoregolamentazzjoni.

Dan ir-rapport huwa rilevanti għal diversi azzjonijiet fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni impenjat ruħha li "trawwem djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha u awtoregolamentazzjoni tal-fornituri tas-servizzi Ewropej u globali (pereżempju pjattaformi tan-netwerking soċjali, fornituri tal-komunikazzjonijiet mobbli), speċjalment fir-rigward tal-użu tagħhom mill-minorenni" (Azzjoni 37)

L-Aġenda Diġitali titlob ukoll lill-Istati Membri biex "jimplimentaw b'mod sħiħ il-hotlines biex jirrapportaw kontenut offensiv u li jagħmel ħsara, biex jorganizzaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar is-sikurezza onlajn għat-tfal u joffru tagħlim dwar is-sikurezza onlajn fl-iskejjel u jinkoraġġixu fornituri ta' servizzi onlajn biex jimplimentaw miżuri awtoregolatorji dwar is-sikurezza onlajn għat-tfal sal-2013" (Azzjoni 40).

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex tippromwovi l-ħolqien ta' kontenut onlajn ta' kwalità għolja u adattat skont l-età (IP/11/746). Skont l-istħarriġ EUKidsOnline, wieħed minn tlett itfal ta’ bejn id-9 u 12-il sena jħoss li hemm biżżejjed affarijiet tajbin għalihom onlajn (IP/10/1368).

Ħoloq utli:

Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Minorenni – "Nipproteġu lit-Tfal fid-Dinja Diġitali" u li jakkumpanja d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/avpolicy/reg/minors/rec/2011_report/index_en.htm

Il-Programm tal-UE għal Internet Aktar Sikur: http://ec.europa.eu/saferinternet

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-websajt ta' Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Contacts :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website