Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

It-tneħħija tal-ostakli għar-riċerka – konsultazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka

Brussell, it-13 ta’ Settembru 2011 – Il-komunità xjentifika u gruppi u individwi oħra interessati, illum qed jiġu mitluba jgħinu biex jiġi definit mill-ġdid ix-xenarju tar-riċerka fl-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika biex tistħarreġ kif l-ambjent tar-riċerka Ewropea jista’ jiġi mtejjeb radikalment. Il-mira hija li sal-2014 iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) tkun intlaħqet, u b’hekk jinħoloq suq uniku ġenwin għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan għandu jippermetti lir-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u n-negozji jiċċirkolaw, jikkompetu u jikkooperaw lil hinn mill-fruntieri, u b’hekk jiżdied il-potenzjal għat-tkabbir.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni qalet: "Il-ħtieġa li tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea tfisser li jeħtieġ li nieħdu l-aħjar li nistgħu mir-riċerka. Mhux aċċettabbli li spiss, l-aqwa xjentisti tagħna jsibuha aktar faċli u attraenti li jaqsmu l-Atlantiku milli jmorru f’pajjiż ieħor tal-UE. Nixtiequ li l-komunità tar-riċerka tgħidilna x’jeħtieġu x-xjentisti, sabiex inkunu nistgħu naħdmu flimkien biex negħlbu l-ostakli għat-tkabbir u l-impjiegi "

Dan il-proċess ta' konsultazzjoni ser jibqa’ għaddej sat-30 ta' Novembru 2011. Uħud mill-kwistjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea trid tittratta huma:

  • ir-riċerkaturi li qegħdin ifittxu opportunitajiet ġodda, qed isibu lilhom infushom maqfulin wara l-fruntieri nazzjonali tagħhom?

  • ix-xjentisti jeħtieġu infrastrutturi ġodda għar-riċerka biex iwettqu u jittestjaw l-idejat tagħhom?

  • il-komunità tar-riċerka, teħtieġ opportunitajiet oħrajn biex taqsam il-fehmiet tagħha, twettaq proġetti ġodda u toħloq prodotti u servizzi ġodda?

Il-Kummissjoni ser tevalwa l-opinjonijiet li tirċievi dwar dawn il-kwistjonijiet u ħafna oħrajn biex tiffinalizza l-proposta tagħha għal Qafas imtejjeb tal-ERA, li għandu jiġi ppubblikat qabel tmiem l-2012. Il-Qafas ser jipperfezzjona l-koordinazzjoni tal-finanzjament tar-riċerka mal-fruntieri kollha tal-Istati Membri, u b’hekk itejjeb l-effiċjenza u l-impatt tar-riċerka Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea identifikat l-ERA bħala prerekwiżit għal era ġdida ta’ innovazzjoni u kompetittività, bl-aqwa mħuħ jaħdmu flimkien sabiex l-Unjoni Ewropea ssir "Unjoni ta’ Innovazzjoni". Fi Frar, Il-Kunsill Ewropew ta l-appoġġ tiegħu billi saħaq mal-Unjoni Ewropea biex telimina l-ostakli li fadal malajr biex jiġu attirati t-talent u l-investiment, u biex sal-2014 tikseb Żona Ewropea tar-Riċerka maqgħuda.

Dawk kollha interessati fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea jistgħu jieħdu sehem fil-konsultazzjoni fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/research/consultations/era/consultation_en.htm

Sfond

Proposta mill-Kummissjoni f’Jannar tas-sena 2000 fil-komunikazzjoni tagħha "Lejn Zona Ewropea tar-riċerka" (COM(2000)6), u mniedi fil-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona f’Marzu 2000, il-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) ingħata spinta ġdida fl-2007 bil-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ERA (COM(2007)161).

It-Trattat ta’ Lisbona introduċa bażi legali għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka. Din iż-żona hija intiża biex b’mod partikolari, tippermetti l-moviment ħieles ta’ riċerkaturi u l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji. Għal dan il-għan l-UE qed tinkoraġġixxi t-tneħħija ta’ ostakli fiskali u legali għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka.

Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea ser tipproponi Qafas għal Żona Ewropea tar-Riċerka f’konformità mal-impenji li għamlet fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-ħolqien ta’ Unjoni ta’ Innovazzjoni (COM(2010) 546).

Fl-2008, il-Kunsill beda l-Proċess ta’ Ljubljana biex itejjeb il-governanza politika tal-ERA u adotta viżjoni komuni tal-ERA 2020. Qed isir progress konkret permezz ta’ sensiela ta’ inizjattivi ta’ sħubija proposti mill-Kummissjoni fl-2008 biex tiżdied il-kooperazzjoni f’ħames oqsma: il-karrieri tar-riċerkaturi (il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-mobbilità); id-disinn u t-twettiq konġunti tal-programmi tar-riċerka; il-ħolqien ta’ infrastrutturi ta’ livell mondjali għar-Riċerka Ewropea; it-trasferiment tal-għarfien u l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka pubblika u l-industrija; u l-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija.

MEMO/11/597

Ara wkoll il-Qafas tal-konsultazzjoni pubblika ERA:

http://ec.europa.eu/research/consultations/era/consultation_en.htm

Il-portal ERA: http://ec.europa.eu/research/era/index_en.htm

Is-sit elettroniku tal-Unjoni ta’ Innovazzjoni:

http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm

Kuntatti :

Michael Jennings +32 2 29 63388

Monika Wcislo +32 2 29 55604


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website