Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea timmira biex tħarreġ 700 000 professjonist legali fl-UE sal-2020

Brussell, it-13 ta' Settembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea stipulat għan ċar biex iżżid l-għadd ta' imħallfin, prosekuturi, avukati u persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali li jkunu mħarrġa fil-liġi Ewropea. F'dokument ta' politika li ntlaħaq ftehim dwaru llum, il-Kummissjoni Ewropea qed timmira biex tiżgura li sas-sena 2020 nofs il-persuni kollha fl-Unjoni Ewropea li jeżerċitaw il-professjoni legali – madwar 700 000 – ikunu pparteċipaw f'xi forma ta' taħriġ ġudizzjarju. L-għan huwa li l-persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali jiġu ppreparati biex japplikaw il-liġi Ewropea - li hija parti mir-rwol tagħhom bħala mħallfin u avukati fuq il-livell nazzjonali. Dan se jgħin ukoll biex tinbena fiduċja reċiproka bejn is-sistemi legali differenti tal-Ewropa u tittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Dan se jkun ta' benefiċċju għan-nies u l-impriżi fl-Ewropa, li se jkunu jistgħu jserrħu rashom li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr u jkun hemm rispett kif xieraq tar-regoli.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja qalet li "Ġudikatura indipendenti, mħarrġa tajjeb u effiċjenti hija essenzjali biex fl-Ewropa jkun hemm żona ġudizzjarja u suq uniku li jaħdmu. Hija tipprovdi deċiżjonijiet tajbin u immedjati li jsaħħu l-prevedibilità u ċ-ċertezza legali. Peress li l-liġi Ewropea hija parti mill-ħajja ta' kuljum, iċ-ċittadini u l-impriżi jridu jkunu jafu li madwar l-Unjoni kollha, jistgħu jistrieħu fuq ġudikatura li għandha għarfien tajjeb u mħarrġa tajjeb biex b'hekk ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u ssir ġustizzja magħhom. Imma jeħtieġ li l-imħallfin u l-avukati li jamministraw il-ġustizzja jkunu jafu r-regoli biex ikunu kapaċi japplikawhom b'mod effettiv." "Huwa għalhekk li rrid nistipula għan ċar u ambizzjuz biex jitwessa' t-taħriġ dwar kif l-imħallfin fl-Ewropa japplikaw il-liġi Ewropea. Dan se jgħin biex nissodaw l-isforzi tagħna biex noħolqu żona ta' ġustizzja madwar l-UE kollha, biex b'hekk jitjieb it-tħaddim tas-suq intern. It-taħriġ ġudizzjarju għandu post ċentrali f'ġudikatura moderna li taħdem tajjeb, u li tkun kapaċi tnaqqas r-riskji u l-ispejjeż ta' tranżazzjonijiet ogħla li jxekklu t-tkabbir ekonomiku. Għaldaqstant it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew huwa investiment meħtieġ biex tiġi żviluppata ġustizzja li twassal għat-tkabbir."

Sfond

Hemm madwar 1.4 miljun persuna li teżerċita l-professjoni legali fl-UE, inklużi l-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati, in-nutara, il-marixxalli u l-impjegati tal-qorti. Il-Kummissjoni trid li sal-2020, mill-inqas nofs dawn il-persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali jkunu jistgħu jipparteċipaw f'taħriġ ġudizzjarju Ewropew fuq il-livell lokali, nazzjonali jew Ewropew. Hija stipulat għan ieħor biex tiżgura li matul il-karriera tagħhom il-persuni kollha li jeżerċitaw il-professjoni legali jibbenefikaw mill-inqas minn taħriġ ta' ġimgħa fil-liġi tal-UE.

Biex dan jinkiseb, hija stiednet lill-gvernijiet nazzjonali, lill-kunsilli tal-ġudikatura, lill-korpi professjonali u lill-istituzzjonijiet ta' taħriġ ġudizzjarju, kemm fuq il-livell tal-UE kif ukoll fuq il-livell nazzjonali, biex jimpenjaw ruħhom biex jintegraw il-liġi tal-UE fil-programmi ta' taħriġ tagħhom u biex iżidu l-għadd ta' korsijiet u parteċipanti.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-iffinanzjar tal-UE biex jiġu appoġġati proġetti ta' taħriġ ta' kwalità għolja, inkluż it-tagħlim b'mezzi elettroniċi. Skont il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet li t-taħriġ ġudizzjarju Ewropew ikun prijorità kbira, bil-għan li kull sena, sas-sena 2020, jingħata taħriġ lil iktar minn 20 000 persuna li teżerċita l-professjoni legali.

Biex tgħin fil-bini ta' kultura ġudizzjarja Ewropea komuni msejsa fuq il-fiduċja reċiproka, mill-2014 'il quddiem, il-Kummissjoni se tniedi programm ta' skambju, li se jdum ġimgħatejn, għall-imħallfin u l-prosekuturi l-ġodda. Il-Kummissjoni se tagħti appoġġ għat-taħriġ permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika – il-websajt li tagħti aċċess għall-liġijiet u l-ġustizzja fil-pajjiżi kollha tal-UE – u billi taqsam xi linji gwida prattiċi dwar il-metodoloġiji u l-evalwazzjoni tat-taħriġ.

Il-Kummissjoni se tħeġġeġ wkoll is-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' taħriġ innovattivi. Il-Kummissjoni se tibni fuq il-kapaċitajiet tal-fornituri eżistenti ta' taħriġ, inkluż in-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), l-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA) u l-organizzazzjonijiet legali professjonali fuq il-livell Ewropew: in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli tal-Ġudikatura (ENCJ), l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġuriżdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-UE, in-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-UE, il-Kunsill tal-Avukatura u s-Soċjetajiet tal-Liġi tal-Ewropa (CCBE), il-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE), l-Unjoni Internazzjonali tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (UIHJ) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Interpreti u t-Tradutturi Legali (EULITA).

It-taħriġ ġudizzjarju Ewropew jista' jsir f'perjodi ta' taħriġ inizjali jew ta' taħriġ tul il-ħajja. Huwa jkopri:

  • il-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi l-liġi sostantiva u proċedurali, flimkien mal-każistika relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

  • għarfien tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali.

Dawn l-oqsma jistgħu jissaħħu permezz ta' taħriġ lingwistiku. L-iskema ta' taħriġ ġudizzjarju Ewropew tinkludi żewġ partijiet komplementari: attivitajiet ġenerali ta' taħriġ, kemm jekk organizzati fuq il-livell lokali, nazzjonali jew Ewropew kif ukoll skambji transkonfinali.

Bażi legali

Kif ġie ssottolineat f'Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2008, it-taħriġ ġudizzjarju huwa primarjament responsabilità nazzjonali. It-Trattat ta' Lisbona (l-artikoli 81.2.h u 82.1.c tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), jistieden lill-UE biex "tappoġġa t-taħriġ tal-ġudikatura u tal-impjegati ġudizzjarji" kemm fil-kwisjonijiet ċivili kif ukoll f'dawk kriminali.

It-taħriġ tal-imħallfin u tal-persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali, dwar kif għandhom japplikaw il-Liġi Ewropea huwa waħda mir-rakkomandazzjonijiet prinċipali għat-teħid ta' azzjoni fir-rapport tal-Kummissarju Ewropew Mario Monti tad-9 ta' Mejju 2010 dwar "Strateġija Ġdida għas-Suq Uniku." Ir-rapport ħeġġeġ lill-mexxejja Ewropej biex ineħħu l-ostakli li baqa' li qed ixekklu l-innovazzjoni u jnaqqsu l-potenzjal ta' tkabbir tal-Ewropa.

Il-Programm ta' Stokkolma, li jfisser il-linji ġenerali ta' miżuri għall-ħolqien ta' żona unika ta' ġustizzja għall-UE, ġie approvat mill-gvernijiet nazzjonali f'Diċembru 2009 u stieden biex ikun hemm azzjoni b'saħħitha min-naħa tal-UE biex jingħata appoġġ lill-isforzi nazzjonali fil-qasam tat-taħriġ kif ukoll biex jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' taħriġ fuq il-livell tal-UE. Il-Parlament Ewropew ukoll saħaq b'mod konsistenti li t-taħriġ ġudizzjarju xieraq jikkontribwixxi b'mod sinifikanti fit-titjib tat-tħaddim tas-suq intern u jagħmilha iktar faċli għaċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Fl-aħħar tas-sena 2010 l-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri, lill-membri tal-Forum tal-Ġustizzja, lin-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju u lill-membri tiegħu. Hawnhekk tista' ssib sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni.

Għal iktar tagħrif:

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_mt.htm

Taħriġ ġudizzjarju Ewropew:

http://ec.europa.eu/justice/criminal/european-judicial-training/index_en.htm

Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika – taqsima dwar it-taħriġ ġudizzjarju

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website