Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tieħu l-ewwel pass biex tiżgura li sal-2015 ikun hemm sistema ta' sejħiet ta' emerġenza għall-inċidenti tat-traffiku li ssalva l-ħajjiet

Commission Européenne - IP/11/1010   08/09/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tieħu l-ewwel pass biex tiżgura li sal-2015 ikun hemm sistema ta' sejħiet ta' emerġenza għall-inċidenti tat-traffiku li ssalva l-ħajjiet

Brussell, it-8 ta’ Settembru 2011 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-ewwel miżura biex ikun żgurat li sal-2015 il-karozza tiegħek tkun tista’ ċċempel lis-servizzi ta’ emerġenza għalik meta jkollok inċident serju. Il-Kummissjoni trid li mill-2015, is-sistema eCall li ssalva l-ħajjiet tkun imwaħħla fil-mudelli l-ġodda kollha ta’ karozzi u vetturi żgħar. L-eCall iċċempel awtomatikament in-numru uniku ta’ emerġenza 112 fil-każ ta’ inċident serju u tikkomunika l-lok tal-vettura lis-servizzi ta’ emerġenza. Rakkomandazzjoni tal-Kummisssjoni adottata fit-8 ta’ Settembru, tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-operaturi tan-netwerks tal-mobajls itejbu l-infrastruttura tagħhom sabiex l-eCalls jgħaddu b’mod effiċjenti lis-servizzi ta’ emerġenza.

Kull minuta hija kruċjali biex jiġu salvati l-ħajjiet u tonqos il-gravità tal-korrimenti meta jissejħu s-servizzi ta’ emerġenza għal inċident tat-traffiku. Iżda l-persuni li jkorru f’inċident tat-traffiku mhux dejjem ikollhom ir-rifless jew il-kapaċità fiżika biex isejħu immedjatament lis-servizzi ta’ emerġenza. It-tagħmir tal-eCall jindirizza din il-problema billi javża lis-servizzi ta’ emerġenza immedjatament anke jekk ix-xufier jew il-passiġġier ikun mitluf minn sensih jew inkella ma jkunx jista’ jċempel. It-teknoloġija tħaffef il-wasla tal-ekwipaġġ tal-emerġenza b’madwar 40% fiż-żoni urbani u b’50% f’żoni rurali. Ladarba l-eCall tkun qed titħaddem sewwa, kull sena, din ser issalva mijiet ta’ ħajjiet fl-Ewropa u tnaqqas il-gravità tal-korrimenti u t-trawma f’għexieren ta’ eluf ta'każijiet.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali, qalet "Ninsab kuntenta – flimkien mal-kollegi responsabbli għat-Trasport u l-industrija, il-Viċi Presidenti Siim Kallas uAntonio Tajani – li ħadna l-ewwel pass biex niżguraw li miljuni ta’ ċittadini ser jibbenefikaw mill-eCall, sistema li tista’ tnaqqas ħafna l-ħin li jkollhom bżonn is-servizzi ta' emerġenza f'inċidenti tat-traffiku. L-eCall ser issalva mijiet ta’ ħajjiet u tnaqqas l-uġigħ u s-sofferenzi tal-vittmi involuti f’inċident tat-traffiku."

L-għan tal-Kummissjoni huwa li sal-2015, is-servizz tal-eCall li jkun qed jiffunzjona bis-sħiħ, ikun qed jitħaddem fl-Unjoni Ewropea kollha (kif ukoll fil-Kroazja, l-Islanda, in-Norveġja I l-Isvizzera).

Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lil kull Stat Membru biex jiżgura li l-operaturi tal-mobajls jittrattaw is-sejħiet mit-tagħmir tal-eCall bħas-sejħiet 112 l-oħrajn– jiġifieri, jagħtuhom il-prijorità u li jkunu bla ħlas. Ir-Rakkomandazzjoni tindika wkoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tal-mobajls iħaddmu sistemi biex jiġu identifikati l-eCalls sabiex dawn jgħaddu għal ċentru tas-servizz ta’ emerġenza li jkollu t-tagħmir biex iwettaq dawn is-sejħiet.

Ir-Rakkomandazzjoni ser tiġi segwita permezz tal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' speċifikazzjonijiet għat-titjib taċ-ċentri għas-sejħiet ta' emerġenza (skont id-Direttiva dwar is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti – 2010/40/EC) u proposta għal Regolament li jesiġi li t-tagħmir tal-eCall li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa, għandujitwaħħal fil-mudelli l-ġodda tal-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi zgħar mill-2015 sabiex tikseb l-approvazzjoni tat-tip fl-Ewropa kollha .

Sfond

L-eCall hija attivata awtomatikament malli s-sensuri fil-vetturi jagħrfu li tkun seħħet ħabta gravi. Ladarba tagħraf il-ħabta, is-sistema ċċempel lin-numru Ewropew ta’ emerġenza 112, tistabbilixxi kuntatt bit-telefown maċ-ċentru tas-sejħiet ta’ emerġenza u tibgħat id-dettalji tal-inċident lis-servizzi tas-salvataġġ, li jinkludu l-ħin tal-inċident, il-lok eżatt tal-vettura maħbuta u d-direzzjoni tal-vjaġġ (importanti ħafna fl-awtostradi u fil-mini). L-eCall tista’ titħaddem ukoll manwalment billi tingħafas buttuna fil-karozza, pereżempju permezz ta’ xhud għal inċident serju.

Huwa stmat li s-sistema eCall għandha tiswa' inqas minn EUR 100 biex tiġi installata f'kull karozza ġdida. Sabiex jiġi eliminat it-tħassib dwar il-privatezza, is-sistema eCall ma tippermettix li tkun intraċċata vettura għaliex is-sistema 'torqod' u ma tibgħatx sinjali sakemm ma tkunx attivata permezz ta’ ħabta,

Bħalissa, 0.7% biss tal-vetturi tal-passiġġieri kollha fl-UE huma mgħammra b’sistema awtomatiċi ta’ sejħiet ta’ emerġenza, bl-għadd bilkemm jiżdied. Dawn is-sistemi proprjetarji ma joffrux l-interoperabilità jew il-kontinwità fl-UE kollha.

Il-Kummissjoni ddeċiedet li tieħu azzjoni leġiżlattiva biex tintroduċi l-eCall minħabba li t-tħaddim volontarju ma kienx biżżejjed. Il-Kummissjoni kienet talbet biex l-eCall titħaddem b’mod volontarju fl-Ewropa sal-2009 (IP/09/1245) iżda l-adozzjoni kienet kajmana ħafna.

Il-preżentazzjoni tal-Viċi President Kroes dwar l-eCall lill-Kumitat dwar it-Trasport tal-Parlament Ewropew: Ara d-SPEECH/11/557

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: http://www.ec.europa.eu/ecall

Għal aktar tagħrif dwar l-eCall żur is-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/ecall/index_en.htm

Għal aktar informazzjoni dwar id-Direttiva dwar id-Sistemi ta’ trasport Intelliġenti u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-ITS:

http://ec.europa.eu/transport/its/road/action_plan/action_plan_en.htm

Għal aktar tagħrif dwar Is-Sikurezza fit-Toroq:

http://ec.europa.eu/transport/road_safety/index_en.htm

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-websajt ta’ Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Contacts :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site