Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Nitkellmu b’vuċi waħda – il-mezz biex nassiguraw l-interessi tagħna tal-enerġija barra mill-UE

Brussell, is-7 ta’ Settembru 2011 – Fis-swieq globali tal-enerġija tal-lum li dejjem qed jinbidlu, hija meħtieġa koordinazzjoni xierqa fl-UE u pożizzjoni b’saħħitha u assertiva lil hinn minnha sabiex tinkiseb is-siġurtà fl-enerġija. Illum il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali, li tistabbilixxi għall-ewwel darba strateġija komprensiva għar-relazzjonijiet esterni tal-UE fl-enerġija. Huwa kruċjali li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri tal-UE biex jidentifikaw u jimplimentaw prijoritajiet ċari fil-politika esterna tal-enerġija għall-approċċ li identifikat il-Kummissjoni.

Il-Kummissarju għall-Enerġija, Günther Oettinger qal: "Il-politika tal-UE dwar l-enerġija għamlet progress kbir matul l-aħħar snin. Issa, l-UE għandha testendi l-kisbiet tas-suq intern kbir tagħha tal-enerġija lil hinn mill-fruntieri tagħha biex tiżgura s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija lill-Ewropa u sseddaq is-sħubija internazzjonali tal-enerġija. Għaldaqstant, illum il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ koerenti ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tar-relazzjonijiet tal-enerġija. Dan l-approċċ jeħtieġ li jtejjeb il-koordinazzjoni interna sabiex l-UE u l-Istati Membri tagħha jaġixxu flimkien u jitkellmu b’vuċi waħda. "

Flimkien mal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni għal ftehimiet intergovermentali fil-qasam tal-enerġija bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Din ser testendi u tikkumplimenta l-proċedura tan-notifika li diġà hija applikabbli għall-ftehimiet dwar il-gass għat-tipi kollha tal-enerġija. U ser tipprovdi wkoll strument għall-iskambju tal-informazzjoni fil-livell tal-UE qabel u wara n-negozjati ma' pajjiżi terzi. Il-mekkaniżmu propost huwa mfassal biex isaħħaħ il-pożizzjoni għan-negozjati tal-Istati Membri fir-rigward tal-pajjiżi terzi, filwaqt li jiżgura s-sigurtà għall-provvista, it-tħaddim xieraq tas-suq intern u l-ħolqien ta’ ċertezza legali għall-investiment.

Sfond

Il-proporzjon tal-enerġija importata fl-EU – li attwalment huwa ta’ 80 % għaż-żejt u aktar minn 60 % għall-gass – qed ikompli jiżdied. Id-deċiżjonijiet u l-ftehimiet nazzjonali ma’ pajjiżi terzi għandhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija u l-provvista tal-enerġija lill-UE kollha. L-UE teħtieġ li tippromwovi aħjar l-interessi tagħha kemm mal-pajjiżi ta’ tranżitu kif ukoll fil-pajjiżi li jipproduċu l-enerġija. Fl-istess ħin, xejriet ġodda ta’ provvista u domanda fis-swieq globali tal-enerġija u l-kompetizzjoni li qed tiżdied għar-riżorsi jesiġu li jkun eżerċitat sforz kombinat tal-UE fir-relazzjonijiet esterni tal-enerġija.

F’konformità mal-Istrateġija tal-Enerġija 2020, illum il-Kummissjoni qed tipproponi li ttejjeb id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija permezz ta’ titjib fit-trasparenza fost l-Istati Membri tal-UE fil-ftehimiet tagħhom dwar l-enerġija ma’ pajjiżi terzi, fit-tisħiħ tal-koordinazzjoni meta jiġu avviċinati pajjiżi msieħba meta tittieħed pożizzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali, u meta tiġi żviluppata sħubija komprensiva dwar l-enerġija ma’ pajjiżi imsieħba ewlenin.

L-istrateġija telenka 43 azzjoni konkreta li jinkludu b’mod speċjali:

  • L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni oħra ma’ xulxin dwar ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija. Din tinkludi ftehimiet li għadhom qed jiġi negozjati. Fuq bażi ta’ każ b’każ, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi opinjoni dwar il-konformità ta’ dawn il-ftehimiet mal-liġi tal-UE u mal-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-UE.

  • Il-ftehimiet dwar l-enerġija ma’ pajjiżi terzi jistgħu jiġu negozjati wkoll fil-livell tal-UE fejn ikun meħtieġ, biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-UE. Dan huwa l-każ għal ftehim mal-Ażerbajġan u t-Turkmenistan dwar pajplajn tal-gass Trans-Kaspjan, fejn il-Kunsill talab mandat speċifiku.

  • L-UE ser tipproponi sħubija ġdida dwar proġetti għall-enerġija rinnovabbli mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

  • L-UE ser tissuġġerixxi standards internazzjonali dwar is-sikurezza nukleari li jorbtu legalment f’diskussjonijiet multilaterali, inklużi taħt l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), u ser timmira li testendi l-valutazzjonijiet dwar is-sikurezza nukleari għall-pajjiżi ġirien tal-UE.

  • Il-politika dwar l-iżvilupp tal-UE ser tinkludi enfasi akbar biex jittejjeb l-aċċess għall-enerġija sostenibbli għall-pajjiżi l-anqas żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw.

Għal aktar tagħrif

Aktar tagħrif dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-proposta tal-Kummissjoni jista' jinstab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/energy/international/index_en.htm

Kuntatti:

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website