Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/995

Brussell, it-22 ta’ Lulju 2010

Il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni: Il-Kummissjoni tippubblika Rapport Annwali dwar l-azzjonijiet tad-Dwana tal-UE sabiex tinforza d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Fl-2009, id-Dwana tal-UE ħadet azzjoni f'43,500 każ li kienu jinvolvu bosta miljuni ta' prodotti issuspettati li ġew iffalsifikati jew ikkupjati, fuq il-fruntieri esterni tal-UE. Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Kummissjoni tal-UE dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPR) li ġie ppubblikat illum. Fost l-oġġetti l-iktar imwaqqfa mid-dwana wara suspett ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelettwali kien hemm sigaretti, ħwejjeġ, u tikketti tad-ditti. Madankollu, il-prodotti ta' użu ta' kuljum li potenzjalment iwasslu għal periklu għas-saħħa taċ-ċittadini, bħal pereżempju xampu, pejstgħat-tindif tas-snien, ġugarelli, mediċina jew apparat għall-użu fid-dar, kienu jirrappreżentaw ukoll parti sinifikanti. Ir-rapport tal-lum jagħti statistiki dwar it-tip, l-oriġini u l-metodu tat-trasport ta' prodotti li jiksru l-IPR u li jiġu mwaqqfa fil-fruntieri esterni.

Il-Kummissarju għat-tassazzjoni, id-dwana, il-ġlieda kontra l-frodi u l-verifika, Algirdas Šemeta qal: "Ir-rwol tad-Dwana tal-UE huwa li tħares liċ-ċittadini u n-negozji tagħna. Prodotti ffalsifikati jistgħu ikunu ta' riskju serju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u jqarrqu bin-negozji leġittimi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu jaħdmu mal-imsieħba kummerċjali internazzjonali u mal-industrija sabiex jiżguraw l-ogħla livell ta' protezzjoni għad-drittijiet tal-proprjetà intelettwali fl-UE."

Riżultati ewlenin tar-Rapport

Ir-Rapport juri li hemm tendenza li qed tiżdied fin-numru ta' oġġetti suspettati li qed jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Fl-2009, iktar minn 43,500 każ ta' dan it-tip ta' oġġetti li kienu jammontaw għal 118-il miljun prodott, twaqqfu mid-dwana. Ir-rapport juri li filwaqt li fil-passat l-iktar oġġetti involuti fi ksur tal-IPR kienu dawk ta' lussu, issa qed ikunu affettwati ħafna u ħafna iktar oġġetti li jintużaw fil-ħajja ta' kuljum miċ-ċittadini. Mill-ogħla kategoriji tal-oġġetti miżmuma, is-sigaretti kienu jirrappreżentaw 19%, prodotti oħra tat-tabakk 16%, tikketti 13% u mediċini 10%. Iċ-Ċina, b'ammont ta' 64% mit-total ta' prodotti li jiksru l-IPR, baqgħet is-sors ewlieni minn fejn jiġu dawn il-prodotti, filwaqt li pajjiżi oħra bħall-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu jirrappreżentaw il-maġġoranza ta' ċerti kategoriji ta' prodotti. Iktar minn 77% tal-prodotti kollha miżmuma inqerdu jew inkella infetaħ każ fil-qorti sabiex jiġi ddeterminat il-ksur.

L-importanza tal-ħarsien tad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali

Hekk kif tenfasizza l-Istrateġija 2020 tal-UE, il-ħarsien tal-IPR huwa mezz ewlieni li jwassal għall-promozzjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa. L-infurzar effettiv tal-IPR huwa wkoll parti essenzjali mill-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini, għaliex ċerti prodotti ffalsifikati (bħal pereżempju oġġetti tal-ikel, prodotti għall-kura tat-trabi u oġġetti għat-tfal) li ġew prodotti f'ambjent li mhuwiex irregolat jistgħu jkunu ta' theddida serja.

Ir-rwol tad-Dwana tal-UE

Id-dwana tal-UE għandha rwol importanti ħafna fiż-żamma mid-dħul ta' prodotti li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-Suq Intern. Bħalissa qed jitwettqu għadd ta' azzjonijiet mill-Kummissjoni sabiex tissaħħaħ is-setgħa tad-Dwana fil-ġlieda kontra dan in-negozju. Il-Kummissjoni qed taħdem bil-ħsieb li tagħmel proposta sabiex ittejjeb il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-azzjonijiet tad-dwana kontra l-oġġetti li jiksru l-IPR u tissimplifika l-proċeduri attwali. Hija għamlet analiżi estensiva dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti mal-Istati Membri u varat konsultazzjoni pubblika li spiċċat fis-7 ta' Ġunju 2010. Abbażi ta'dan, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tressaq proposta leġiżlattiva sal-aħħar tas-sena. Kooperazzjoni tajba mal-imsieħba kummerċjali internazzjonali tista' tgħin b'mod sinifikanti sabiex tiġi evitata u tinqabad l-esportazzjoni ta' oġġetti li jiksru l-IPR fl-UE. Fl-2009, il-Pjan ta' Azzjoni iffirmat mill-UE maċ-Ċina kien jiffoka b'mod speċifiku fuq it-tijib fil-kooperazzjoni fl-infurzar tad-Dwana tad-drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali. Huwa maħsub li fix-xhur li ġejjin dan il-Pjan jiġi estiż sal-aħħar tal-2012 (ara IP/09/193). Fiż-żjarat tiegħu f'Shangai f'Settembru, il-Kummissarju Šemeta se jiddiskuti personalment ma' min hu responsabbli bħalu fl-istess qasam, mezzi li jiżguraw il-ħarsien tal-IPR. Il-kooperazzjoni mal-industrija hija wkoll importanti ħafna sabiex jiġi żgurat li oġġetti li jiksru l-IPR ikunu jistgħu jiġu identifikat sew. In-negozji jistgħu jitolbu azzjonijiet speċifiċi tad-dwana meta jkollhom suspett li d-drittijiet intellettwali tagħhom ikunu qed jinkisru, u l-informazzjoni pprovduta mill-industrija tgħin lid-Dwana sabiex timmira aħjar il-kontrolli tagħha. Il-Kummissjoni stabbilixxiet manwal għal dawk li għandhom dritt, sabiex jgħinhom iressqu dawn it-talbiet, u tibqa' f'kuntatt mill-qrib mas-settur privat sabiex tara fejn jista' jsir iktar titjib fil-kontrolli.

Għar-rapport sħiħ, ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/customs_controls/counterfeit_piracy/statistics/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website