Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/987

Brussell, l-20 ta’ Lulju 2010

Il-politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu: Il-Kummissjoni tippreżenta fil-qosor il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-ġejjieni

Illum il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tqis l-għodod prinċipali li qed jintużaw bħalissa fl-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu. Il-komunikazzjoni, li tippreżenta l-kisbiet u l-isfidi u l-inizjattivi previsti tal-ġejjieni, tqiegħed il-pedamenti għal Strateġija ta' Sigurtà Interna usa', li hija ppjanata għal din il-ħarifa.

Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni, stqarret: "Fortunatament, in-numru globali tal-attakki u l-arresti terroristiċi qed jonqos fl-UE, iżda fl-istess ħin il-metodi u l-propaganda tat-terroristi qed jiżviluppaw u jieħdu forom ġodda. Irridu nkunu żguri li aħna kapaċi naffaċċjaw dan it-theddid ġdid. Illum qed nippreżenta ħarsa ġenerali komprensiva dwar x'għamlet l-UE s'issa u liema tip ta' sfidi għad hemm quddiemna. Din se tkun komponent importanti fl-istrateġija ta' sigurtà interna tal-UE li se nippreżenta fil-ħarifa."

Dan l-eżerċizzju ta' rendikont jelenka l-miżuri eżistenti biex nipprevjenu, nipproteġu, insegwu u nwieġbu għat-theddid terroristiku, filwaqt li jenfasizza l-isforzi għal ġlieda kontra l-propoganda u r-reklutaġġ tat-terroristi, miżuri biex jiġu evitati l-attakki bl-isplussivi, u l-prevenzjoni ta' theddid kimiku, bijoloġiku u nukleari. Il-komunikazzjoni tidentifika wkoll l-isfidi tal-ġejjieni f'oqsma bħar-radikalizzazzjoni, sfidi dwar ġestjoni tal-kriżijiet u r-rispons għalihom.

Dawn li ġejjin huma xi eżempji tal-kisbiet u l-isfidi identifikati:

  • Fl-2008, l-Kummissjoni Ewropea emendat id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu sabiex tħares iktar mill-qrib lejn l-aspetti differenti tal-Istrateġija Kontra t-Terroriżmu, bħal pereżempju kif it-terroristi jużaw l-internet għall-komunikazzjoni, ġbir ta' fondi, taħriġ, reklutaġġ u propaganda. Il-Kummissjoni issa se żżid l-azzjonijiet f'dan il-qasam. Waħda mill-miżuri tal-ġejjieni li diġà qed tintuża bħalissa hija li tiġi rriveduta l-istrateġija tal-UE biex tiġġieled ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ. Se titnieda komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni fl-2011.

  • Il-Kummissjoni żviluppat Pjan ta' Azzjoni tal-UE ta' 50 azzjoni konkreta biex tnaqqas ir-riskju ta' attakki terroristiċi bl-isplussivi. Dan kien approvat mill-Kunsill f'April 2008. Madankollu, jeħtieġ li ssir iktar ħidma sabiex in-nies u l-infrastruttura jkunu protetti aħjar. Qed jitħejjew proposti biex jitjiebu l-kontrolli madwar l-UE kollha tal-aċċess għal sustanzi perikolużi u biex tissaħħaħ is-sigurtà tat-trasport pubbliku.

  • Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar materjali Kimiċi, Bijoloġiċi jew Radjoloġiċi/Nukleari (KBRN), approvat f'Novembru 2009, jikkonsisti f'130 azzjoni speċifika fl-oqsma tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rispons għall-inċidenti KBRN. Il-pjan jistabbilixxi aġenda ċara għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet tal-UE għas-snin li ġejjin.

  • Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE jiżgura rispons koordinat għal kwalunkwe kriżi, inklużi l-attakki terroristiċi, billi jintużaw il-kapaċitajiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni issa qed tikkunsidra modi kif issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni rapida f'każijiet tal-kriżi peress li r-rwol tal-UE fil-ġestjoni tal-kriżijiet u tad-diżastri se jkun meħtieġ li jkompli jiġi żviluppat. Hemm ukoll il-ħtieġa li l-klawżola tas-solidarjetà issir operattiva malajr.

  • Fl-aħħar nett, il-kooperazzjoni mas-sħab esterni, speċjalment mal-Istati Uniti, se tkun żviluppata iktar. L-aġenziji tal-UE, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, għandhom jibqgħu jkunu involuti mill-qrib fil-koperazzjoni mas-sħab esterni sabiex isaħħu s-sigurtà tal-UE.

Il-passi li jmiss

Dan ir-rendikont se jkun integrat fi Strateġija ġenerali tas-Sigurtà Interna, li se tkun ippreżentata fil-ħarifa tal-2010.

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

MEMO/10/350


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website