Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/97

Brussell, id- 28 ta’ Jannar 2010

It-tibdil fil-klima: L-Unjoni Ewropea tinnotifika l-miri tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet wara li sar il-Ftehim ta’ Kopenħagen

Illum, l-Unjoni Ewropea fformalizzat l-appoġġ tagħha għall-Ftehim ta’ Kopenħagen dwar it-tibdil fil-klima u ppreżentat l-impenji tagħha sabiex tilħaq il-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’ittra li bagħtet flimkien mal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea formalment innotifikat ir-rieda tal-UE sabiex tkun assoċjata mal-Ftehim u bagħtet bħala informazzjoni l-miri stabbiliti tal-UE għall-2020 fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijet serra. Dawn jinkludu impenn unilaterali sabiex l-emissjonijiet totali tal-UE jitnaqqsu b'20% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u offerta kondizzjonali li żżid dan it-tnaqqis għal 30% sakemm l-emittenti l-kbar l-oħrajn jaqblu li jagħtu s-sehem ġust tagħhom fi sforz globali għat-tnaqqis. Skont il-Ftehim, in-notifiki għandhom jintbagħtu sal-31 ta’ Jannar 2010.

Il-President tal-Kummissjoni J osé Manuel Barroso qal: "L-UE hija determinata li timxi ’il quddiem b'pass mgħaġġel fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kopenħagen sabiex tqarreb lejn il-ftehim illi neħtieġu nżommu t-tisħin globali taħt iż-2°C. Il-Ftehim jipprovdi bażi li fuqha jista' jinbena dan il-ftehim għall-ġejjieni u jien għalhekk inħeġġeġ lill-pajjiżi kollha sabiex ikunu assoċjati miegħu u jinnotifikaw il-miri jew l-azzjonijiet ambizzjużi tagħhom dwar l-emissjonijiet għall-inklużjoni kif qegħdin nagħmlu aħna."

Stavros Dimas, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, qal: "Jeħtieġ li jkun hemm azzjoni ta’ malajr sabiex elementi ewlenin tal-Ftehim isiru operazzjonali bħal ngħidu aħna finanzjament li jibda f'qasir żmien għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-ġlieda kontra l-qerda tal-foresti u l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju."

Il-Ftehim ta’ Kopenħagen

Il-Ftehim ta’ Kopenħagen kien ir-riżultat ewlieni li ħareġ mill-Konferenza tan-NU dwar it-tibdil fil-klima li saret f'Kopenħagen bejn is-7 u d-19 ta' Diċembru 2009. Il-ftehim ta’ 2 paġni u nofs ġie nnegozjat fl-aħħar ġurnata tal-konferenza mill-mexxejja ta’ madwar 28 pajjiż, kemm żviluppati kif ukoll li qegħdin jiżviluppaw u l-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-pajjiżi huma responsabbli għal iktar minn 80% tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra. Imbagħad, il-Konferenza qieset il-ftehim ta’ Kopenħagen. Is-segretarjat tal-konvenzjoni tan-NU dwar it-tibdil fil-klima stieden lill-Partijiet sabiex sal-31 ta’ Jannar jiddikjaraw jekk jixtiqux ikunu assoċjati mal-Ftehim ta’ Kopenħagen. Il-Ftehim jiffissa l-istess data għall-pajjiżi żviluppati sabiex jibagħtu l-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, u għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jibagħtu l-azzjonijiet tagħhom għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet.

Noti fika tal-UE

Fl-ittra li ntbagħtet mill-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni, l-UE reġgħet ikkonfermat l-impenn tagħha għal proċess ta' negozjati sabiex jintlaħaq l-objettiv strateġiku li ż-żieda fit-temperatura medja globali tiġi limitata għal inqas minn 2°C ogħla mil-livelli preindustrijali. Il-Ftehim ta Kopenħagen jirrikonoxxi l-opinjoni xjentifika li t-tisħin globali għandu jinżamm taħt iż-2°C sabiex jiġi evitat it-tibdil perikoluż fil-klima, iżda dan ma jinkludi l-ebda mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali sabiex jiġi rrispettat dan il-limitu.

L-ittra tisħaq li l-pożizzjoni tal-UE li l-fatt li d-differenza fit-temperatura medja tibqa’ taħt iż-2°C tesiġi li l-emissjonijiet globali jilħqu l-ogħla livelli sa mhux iktar tard mill-2020, sal-2050 jitnaqqsu tal-anqas għal 50% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u jibqgħu jitnaqqsu minn hemm ’il quddiem. L-ittra tkompli li għalhekk, u skont is-sejbiet tal-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tan-NU, sal-2020 il-pajjiżi żviluppati, bħala grupp, għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'25%-40% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jilħqu devjazzjoni sostanzjali taħt ir-rata ta' tkabbir tal-emissjonijiet li hija attwalment prevista, jiġifieri madwar 15 sa 30% sal-2020.

Tenfasizza l-impenn sħiħ tal-UE u tal-Istati Membri li jkomplu n-negozjati tagħhom bil-għan li jaqblu mill-iktar fis possibbli, fl-ambitu tal-qafas tan-NU, dwar ftehim internazzjonali legalment vinkolanti għall-perjodu li jibda mill-1   ta ’  Jannar   2013, meta jiskadi l-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta Kjoto .

Il-miri tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet

L-ittra tgħid li l-UE hija impenjata li tilħaq mira indipendenti mill-ekonomija ġenerali li tnaqqas l-emissjonijiet b’20% sal-2020, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u li dan it-tnaqqis jista’ jiżdied għal 30% taħt il-kundizzjonijiet li sar qbil dwarhom mill-Kunsill Ewropew. Dawn il-kundizzjonijiet huma li, bħala parti minn ftehim globali u komprensiv għall-perjodu lil hinn mill-2012, pajjiżi żviluppati oħrajn jkunu impenjati sabiex inaqqsu l-emissjonijiet b'mod komparabbli u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu b'mod xieraq skont ir-responsabbiltajiet tagħhom u l-ħiliet rispettivi.

Il-passi li jmiss

Il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern għandhom jivvalutaw is-sitwazzjoni kif tkun wara li jidħol fis-seħħ il-Ftehim ta’ Kopenħagen fil-Kunsill Ewropew Infomali li se jiltaqa’ fil-11 ta’ Frar.

Is-sessjoni li jmiss ta' negozjati tan-NU se ssir fuq ġimagħtejn bejn Mejju u Ġunju.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website