Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/967

Brussell, id-19 ta’ Lulju 2010

Il-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew jiddiskutu l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali mal-mexxejja tal-fidi Ewropej

Illum, madwar għoxrin rappreżentant anzjan mir-reliġjon Kristjana, minn dik Lhudija u minn dik Musulmana, kif ukoll mill-komunitajiet tal-Sikh u tal-Ħindu ltaqgħu fi Brussell fuq stedina mill-President José Manuel Barroso li, flimkien ma' Jerzy Buzek, il-President tal-Parlament Ewropew, u Herman van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew ippresieda l-laqgħa. Huma ddiskutew dwar mezzi effettivi biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali bħala prijorità importanti ħafna għall-governanza Ewropea.

Din kienet is-sitt laqgħa f'sensiela ta' laqgħat annwali mnedija mill-President Barroso fl-2005. Għall-ewwel darba l-laqgħa qed issir fil-kuntest il-ġdid tat-Trattat ta' Lisbona, li fl-Artikolu 17 tiegħu jipprevedi li l-Unjoni għandha żżomm "djalogu miftuħ, trasparenti u regolari" ma' reliġjonijiet, knejjes u komunitajiet ta’ twemmin. Il-laqgħa tal-lum hijia xhieda tal-importanza li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu lil dan id-djalogu.

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni, qal: "Fl-Ewropa, diversi miljuni ta' ċittadini jgħixu fix-xifer tal-esklużjoni soċjali. Xhieda negattiva għal wieħed mill-aktar reġjuni sinjuri tad-dinja! Hekk kif l-Ewropa qiegħda tirkupra minn din il-kriżi, jiena rrid nara ġenerazzjoni ta' tkabbir li tintegra lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà prinċipali." Huwa żied jgħid: "Il-knejjes u l-komunitajiet reliġjużi huma fornituri importanti tas-servizzi soċjali fl-Istati Membri tal-UE. Jekk aħna rridu niġġieldu l-faqar b'mod effettiv, huwa essenzjali li nitgħallmu mill-esperjenza rikka u u wiesgħa tagħhom."

Jerzy Buzek, il-President tal-Parlament Ewropew, żied: "Il-possibbiltà ta' ħajja aħjar mingħajr eċċezzjonijiet trid tkun dejjem fil-qalba tal-proġett Ewropew. Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali hija kompitu għall-isħubija ta' kulħadd; livelli lokali, nazzjonali u Ewropej u kif ukoll persuni sekulari u knejjes. L-ewwel u l-aktar prijorità importanti tagħna hija li jerġa' jkun hawn sigurtà soċjali u ekonomika. Il-knejjes għandhom rwol kruċjali f'dan ir-rigward. Huma jikkontribwixxu b'esperjenza twila fil-ħidma soċjali mal-individwi u mal-komunitajiet. Din l-esperjenza qatt ma kienet meħtieġa daqs kemm hi meħtieġa llum fi żmien ta' kriżi."

Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew, qal: “Aħna lkoll nafu li din il-kwistjoni hi marbuta primarjament mal-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar, ma' aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol, mal-possibbiltà li tapplika għas-servizzi tas-saħħa, ma' dawk li fil-fatt jistgħu jissejħu "il-kundizzjonijiet materjali tal-ħajja". Iżda l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali hija wkoll, bażikament, ir-rieda li tingħata lura d-dinjità tal-bniedem, id-dinjità kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. U din hija r-raġuni għaliex għandhom jitqiesu l-mistoqsijiet soċjali, kulturali u etiċi.”

Fis-Sena Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali fl-2010 u permezz tal-Pjattaforma Ewropea għall-Faqar, l-istituizzjonijiet Ewropej ħadu sehem fi djalogu mas-soċjetà ċivili, NGOs, awtoritajiet pubbliċi u fornituri oħra ta' servizzi soċjali biex isibu approċċi, azzjonijiet u msieħba ġodda fi sforz mifrux mal-Ewropa kollha biex jeradikaw il-faqar.

Il-promozzjoni tal-impjiegi, tat-tkabbir inklussiv u tal-koeżjoni soċjali hija fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020. Wieħed mill-għanijiet li dwaru hemm qbil fl-UE kollha kemm hi huwa li sal-2020 jitnaqqas mill-inqas b'20 miljun in-numru tal-Ewropej li huma esposti għall-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-progress se jitkejjel permezz ta' tliet indikaturi kbar, jiġifieri r-riskju ta' faqar; il-privazzjoni materjali. bħal nutriment ħażin u familji mingħajr impjieg. Dawn l-indikaturi tal-UE u l-monitoraġġ regolari tal-progress se jipprovdu r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

Żewġ miri prinċipali oħra tal-istrateġija Ewropa 2020 jirriflettu l-ħtieġa li jitjiebu l-ekwità u l-kwalità fl-edukazzjoni: it-tnaqqis sas-sena 2020 għal inqas minn 10% tar-rati tat-tluq bikri mill-iskola u ż-żieda għal mill-inqas 40% tas-sehem tal-persuni ta' bejn it-30 u l-34 sena li jkunu spiċċaw l-edukazzjoni terzjarja jew dik ekwivalenti.

Id-diskussjonijiet saru fi spirtu sinċier u miftuħ. Il-mexxejja tal-fidi minn erbatax-il Stat Membru (Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Belġju, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Greċja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, Ċipru, l-Ukrajna, is-Slovakkja, il-Polonja u d-Danimarka) esprimew l-appoġġ tagħhom għall-istrateġija Ewropa 2020 u għall-miri soċjali u edukattivi tagħha. Huma ħeġġew lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iżidu aktar il-momentum, speċjalment biex iżidu l-aċċess għas-suq tax-xogħol, iffukar aħjar tas-servizzi soċjali fl-Istati Membri u l-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs sabiex ikun hemm aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

Huma enfasizzaw l-impenn kontinwu tagħhom biex irawmu l-koeżjoni soċjali u jżidu sens ta' solidarjetà u involviment ċiviku fost l-Ewropej. Huma enfasizzaw li s-sejba ta' soluzzjoni għall-kriżi ta' bħalissa se tkun possibbli biss meta n-nies u l-ġustizzja soċjali jkunu fil-qalba tal-politiki Ewropej.

Il-membri tal-Kummissjoni Ewropea li ġejjin ukoll ipparteċipaw fil-laqgħa: Il-Viċi President Viviane Reding, il-Viċi President Antonio Tajani, il-Viċi President Maroš Šefčovič, il-Kummissarju Maria Damanaki u l-Kummissarju László Andor.

Lista tal-parteċipanti: ara MEMO/10/342

Link għall-Ewropa 2020

Link għas-Sena Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010

Link għaċ-ċifri importanti fuq l-esklużjoni soċjali

Aktar dwar id-djalogu tal-UE mar-reliġjonijiet, knejjes u komunitajiet ta' twemmin:


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site