Navigation path

Left navigation

Additional tools

EUR 6.4 biljun għat-tkabbir intelliġenti u l-imjiegi – l-ikbar investiment li l-Ewropa qatt għamlet fir-riċerka u l-innovazzjoni

European Commission - IP/10/966   19/07/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/966

Brussell, id-19 ta' Lulju 2010

EUR 6.4 biljun għat-tkabbir intelliġenti u l-imjiegi – l-ikbar investiment li l-Ewropa qatt għamlet fir-riċerka u l-innovazzjoni

MEMO/10/339

Illum, il-Kummissarju Máire Geoghegan-Quinn ħabbret investiment mill-Kummissjoni Ewropea fir-riċerka u l-innovazzjoni ta' kważi EUR 6.4 biljun. Il-pakkett, l-ikbar wieħed li qatt kien hemm, ikopri firxa wiesgħa ta' dixxiplini xjentifiċi, oqsma ta' politika pubblika u setturi kummerċjali. L-iffinanzjar se jmur lil hinn mill-konfini tax-xjenza, se jżid il-kompettitività Ewropea u se jgħin sabiex jissolvew l-isfidi tas-soċjetà bħalma huma t-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel, is-saħħa u l-poplazzjoni li qed tixjieħ. Madwar 16,000 parteċipant minn organizzazzjonijiet tar-riċerka, universitajiet u mill-industrija, inklużi madwar 3,000 SMEs, se jirċievu l-fondi. L-għotjiet se jingħataw permezz ta' "sejħa għal proposti" (stedina għall-offerti) u permezz ta' evalwazzjoniiet matul l-14-il xahar li ġejjin. Ħafna mis-sejħiet se jiġu ppubblikati formalment fl-20 ta' Lulju. Dan il-pakket huwa ta' stimolu ekonomiku li hu mistenni li joħloq iktar minn 165.000 impjieg. Barra minn hekk, se jservi wkoll ta' investiment fuq perjodu ta' żmien twil, f'Ewropa iktar intelliġenti, sostenibbli u iktar inklussiva. Huwa element ewlieni fi ħdan l-Istrateġja Ewropa 2020 tal-UE u b'mod parikolari l-Inizjattiva Ewlenija għall-Unjoni tal-Innovazzjoni, li se tiġi varata fil-ħarifa tal-2010.

Il-Kummisarju Geoghegan-Quinn qalet: "L-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa l-uniku mod intelliġenti u b'impatt għal tul ta' żmien twil sabiex noħorġu mill-kriżi, u li jwassal għal tkabbir sostenibbli u soċjalment ġust. Dan il-pakkett Ewropew se jikkontribwixxi għal servizzi u prodotti li huma ġodda u aħjar, għal Ewropa iktar kompetittiva u iktar ekoloġika, u għal soċjetà aħjar b'livell ogħla tal-kwalità tal-ħajja. Qed noffru EUR 6.4 biljun lir-riċerkaturi u lill-innovaturi għal proġetti avvanzati li jikkonċentraw fuq sfidi kbar fl-ekonomija u fis-soċjetà: It-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel, is-saħħa u l-popolazzjoni li qed tixjieħ. Dan huwa ta' stimolu ekonomiku enormi u effiċjenti u investiment għall-futur tagħna."

Iktar fondi minn qatt qabel

Se jkun hemm opportunità li jintefgħu offerti għall-fondi mis-Seventh Framework Programme (Seba' Programm Kwadru ) f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika. Pereżempju, is-saħħa se tirċievi iktar minn EUR 600 miljun. Hemm żieda ta' EUR 1.2 biljun fir-riċerka tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u Komunikazzjoni (ICT), li se tgħin sabiex twassal l-impenn tal-Kummissjoni fid-Digital Agenda for Europe (L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa) sabiex jinżamm il-pass maż-żidiet ta' kull sena fil-fondi tal-ICT.

Iktar minn EUR 1.3 biljun huma riservati għall-aqwa xjentisti kreattivi magħżulin mill-European Research Council (Kunsill Ewropew tar-Riċerka). Se jiġu provduti għotjiet ta' mobbiltà li jiswew EUR 772 miljun, lill-7,000 riċerkatur bi kwalifiki għolja permezz tal-"Marie Curie Actions" (l-Azzjonijiet Marie Curie).

EUR 800 miljun għall-SMEs

Qed tingħata l-ewwel prijorità lill-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SME), li huma s-sinsla tas-sistema Ewropea għall-innovazzjoni, u li jirrappreżentaw 99% tan-negozji kollha Ewropej. L-SMEs se jirċievu kważi EUR 800 miljun għall-ewwel darba, u se jkun hemm baġits protetti f'ħafna oqsma. Pereżempju, fis-saħħa, fil-bioekonomija bbażata fuq l-għarfien, fl-ambjent u fin-nanoteknoloġiji, il-parteċipazzjoni tal-SMEs trid tilħaq il-35% tal-baġit totali f'għadd ta' suġġetti.

Prodotti u servizzi ġodda

Il-proċess li bih ir-riċerka tinbidel f'teknoloġiji, prodotti u servizzi ġodda huwa l-qofol tal-pakkett.

Fil-health research (riċerka dwar is-saħħa) biss, madwar EUR 206 miljun – terz tal-baġit globali għall-2011 – se jintefqu fuq provi kliniċi mmexxija mir-riċerkaturi, sabiex mediċini ġodda jinġiebu fuq is-suq iktar f'malajr.

Fin-nanotechnologies (nanoteknoloġiji) (EUR 270 miljun), se jkun hemm konċentrazzjoni fuq ir-riċerka li tista' twassal għal opportunitajiet ta' privattivi u ta' kummerċjalizzazzjoni.

Madwar EUR 600 miljun ta' fondi għall-ICT huma allokati għan-netwerk tal-ġenerazzjoni li jmiss u għall-infrastrutturi tas-servizzi, is-sistemi robotiċi, il-komponenti fotoniċi u elettroniċi u t-teknoloġiji b'kontenut diġitali. Iktar minn EUR 400 miljun se jsostnu riċerka dwar kif l-ICT tista' tindirizza sfidi bħalma huma l-ekonomija b'livell ta' karbonju iktar baxx, is-soċjetà li qed tixjieħ, u fabbriki addattabli u sostenibbli. Għall-2011, ġew allokati wkoll EUR 90 miljun għal-Future internet Public Private Partnership (Sħubija Pubblika Privata (PPP) dwar l-Internet tal-Ġejjieni) sabiex l-infrastrutturi ewlenin Ewropej isiru "smart".

Aċċess ġdid u miftuħ pilota għar-riżultati tar-riċerka ambjentali

Il-Proġetti Environment research (Riċerka dwar l-Ambjent) se jieħdu madwar EUR 205 miljun. Din is-sena, il-Kummissjoni qed tintroduċi passi sabiex tħaffef il-kondiviżjoni tar-riżultati tar-riċerka ambjentali: Dawk li jibbenefikaw mill-għotjiet tal-UE se jimpenjaw ruħhom sabiex il-pubbikazzjonijiet li joħorġu mir-riċerka tagħhom–wara ċertu żmien ta' posponiment - ikunu disponibbli mingħajr ħlas.

Sfond

Is-sejħiet għat-tressiq ta' proposti għal fondi mill-Baġit tas-Seba' Programm Kwadru għall-2011, ekwivalenti għal EUR 6.4 biljun, tfisser żieda ta' 12% meta mqabbla mal-2010 (EUR 5.7 biljun) u żieda 30% meta mqabbel mal-2009 (EUR 4.9 biljun).

Is-Seba' Programm Kwadru huwa l-ikbar programm singolu ta' riċerka fid-dinja, b'baġit ta' iktar minn EUR 50.5 biljun – li jeskludi Euratom – għall-2007-2013.

Bl-adozzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, il-mexxejja politiċi Ewropej poġġew ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-ewwel post fuq l-aġenda politika tal-Ewropa, u b'hekk din saret il-pedament li fuqu jistrieħ l-investiment fit-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi.

Is-sejħiet għal proposti mħabbra llum se jservu bħala bażi għall-Inizjattiva Ewlenija għall-Unjoni tal-Innovazzjoni, li l-Kummissarju Geoghegan-Quinn se tvara fil-ħarifa 2010. Din l-inizjattiva hija ċentrali għall-Istrateġija Ewropa 2020, u timmira li tagħti spinta 'l quddiem lill-katina ta' innovazzjoni kollha kemm hi, "mir-riċerka sal-konsumatur" billi tgħaqqad ix-xjenza f'livell dinji ma' ekonomija ta' innovazzjoni, li tissejjaħ ukoll "i-conomy". Se tneħħi l-ostakli li jxekklu s-suq uniku fl-innovazzjoni u li jżommu lill-Ewropa milli tikkompeti tajjeb kemm jista' jkun mal-Istati Uniti u ma' oħrajn.

Se tintroduċi wkoll "Sħubiji ta' Innovazzjoni" billi tgħaqqad flimkien lill-atturi prinċipali f'oqsma ewlenin u billi timmira li żżomm bilanċ tajjeb bejn il-kollaborazzjoni u l-kompetizzjoni.

Is-sorsi:

Sorsi:
http://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfmIl-websajt tal-Kummissjoni dwar ir-Riċerka:
http://ec.europa.eu/dgs/research/index_en.html Il-paġna tal-'Unjoni għall-Innnovazzjoni' tal-Kummissjoni fuq Facebook:
http://www.facebook.com/innovation.union


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website