Navigation path

Left navigation

Additional tools

Konferenza dwar il-PAK wara l-2013 biex tibni fuq is-suċċess tad-dibattitu pubbliku

European Commission - IP/10/958   16/07/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/958

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2010

Konferenza dwar il-PAK wara l-2013 biex tibni fuq is-suċċess tad-dibattitu pubbliku

Madwar 600 delegat minn madwar l-UE kollha se jiġu Brussell nhar it-Tnejn u t-Tlieta biex jiddiskutu l-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013. Din il-Konferenza se tipprova tiddibatti u tnissel xi forma ta' konklużjonijiet mid-dibattitu pubbliku dwar il-PAK wara l-2013 li varat il-Kummissjoni f'April, abbażi l-erba' mistoqsijiet verament ewlenin li huma: "Għaliex neħtieġu l-PAK? X'jistennew iċ-ċittadini mill-agrikoltura? Għaliex ir-riforma tal-PAK? X'għodda għandna bżonn għall-PAK tal-ġejjieni?" L-iskambji se jsawru pjattaforma utli għal diskussjoni qabel il-Kummissjoni tabbozza l-Komunikazzjoni tagħha dwar il-ġejjieni tal-PAK, li mistennija li tiġi ppubblikata f'Novembru 2010. Flimkien mal-Konferenza, se jkun hemm Fiera fiċ-ċentru ta' Brussell (Place St Catherine) li se tiffoka fuq id-diversità tal-prodotti agrikoli Ewropej ta' kwalità, fejn kull Stat Membru se jkollu stand li joffri xi wħud mill-ispeċjalitajiet nazzjonali tiegħu lill-pubbliku ġenerali.

Dacian Cioloș, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvillupp Rurali, f'diskors qabel l-avveniment, ġibed l-attenzjoni għall-bosta kummenti li qajjem id-dibattitu pubbliku, bi kważi 6 000 kontribuzzjonij fuq l-internet mill-pubbliku ġenerali f'xahrejn, kif ukoll l-opinjonijiet minn xi 80 istituzzjoni ta' riċerka u 93 Organizzazzjoni Mhux Governattiva. "Dan juri li l-poplu jħoss għall-PAK, u r-reazzjonijiet urew li l-politika tagħna mhix "biss" dwar il-produzzjoni tal-ikel, iżda wkoll dwar il-forniment ta' oġġetti pubbliċi b'mod ġenerali", żid jgħid. "Qed nistenna b'ħerqa kbira l-avveniment miftuħ għal kulħadd fi Place St Catherine il-Ħadd u t-Tnejn, bħala ċelebrazzjoni tad-diversitá tal-Ewropa. Dan isostni l-fehma fundamentali tiegħi li l-PAK mhix biss għall-bdiewa, hija għaċ-ċittadini kollha tal-UE, bħala dawk li jħallsu t-taxxi u konsumaturi".

Id-Dibattitu Pubbliku – l-opinjoni tiegħek tiswa

Mit-12 ta' April sal-11 ta' Ġunju, il-Kummissjoni varat dibattitu pubbliku dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni, u talbet għall-kummenti mill-pubbliku ġenerali dwar 4 mistoqsijiet verament ewlenin. Matul perjodu ta' xahrejn, kien hemm aktar minn 5 800 kontribuzzjoni mibgħuta mill-pubbliku ġenerali, flimkien ma' 93 partijiet ikkonċernati u 80 istituzzjoni ta' riċerka. Kien hemm aktar minn 1 000 kumment mill-Ġermanja u l-Polonja, kif ukoll kien hemm aktar minn 100 kumment minn Franza, il-Latvja, l-Awstrija, Spanja, il-Belġju, u r-Renju Unit u l-Irlanda. Sinteżi tal-kontribuzzjonijiet se tiġi ppreżentata lill-Konferenza nhar it-Tnejn, iżda x-xejra ewlenija tal-kummenti kienet kif ġej:

Għaliex jeħtieġ li jkun hemm politika agrikola komuni? Biex tiggarantixxi l-provvista tal-ikel, iżda mhux għalhekk biss. Bosta ċittadini, NGOs u istituzzjonijiet ta' riċerka enfassizzaw l-importanza li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta bejn il-bdiewa, l-industrija u d-distributuri tal-ikel. Li tiġi ppreservata d-diversità tal-agrikoltura fit-territorju kollu tal-UE kienet kwistjoni ewlenija oħra.

X'jistennew iċ-ċittadini mill-agrikoltura? Li tipprovdi ikel sikur bi prezzijiet li jintlaħqu minn kulħadd u użu sostenibbli tal-art, waqt li tħeġġeg il-komunitajiet rurali: mid-dibattitu pubbliku ħarġu dawn l-aspetattivi ewlenin.

Għaliex ir-riforma tal-PAK? Biex tindirizza l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u tiżgura livell ta' għixien diċenti għall-bdiewa kollha tal-Ewropa. Barra minn hekk biex tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-isfida li jkun hemm ikel għad-dinja kollha, u biex issaħħaħ il-ħila tagħna biex insolvu problemi marbuta mal-ambjent, il-kwalità u s-sikurezza tal-ikel; ittejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura u tikkonserva l-pajsaġġ għani li huwa l-wirt komuni tagħna.

X'għodda għandna bżonn għall-PAK tal-ġejjieni? Hemm qbil li l-mekkaniżmi eżistenti jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar. Xi wħud isostnu fuq enfasi akbar fuq li l-bdiewa jitħallsu talli jipprovdu "oġġetti pubbliċi", speċjalment marbuta mal-ħarsien u ż-żamma tal-ambjent.

Il-Konferenza tad-19/20 ta' Lulju – il-PAK wara l-2013

Il-konferenza ta' jumejn se tibda b'sinteżi tal-kontribuzzjonijiet għad-dibattitu pubbliku, dettalji ta' studju ġdid tal-EUROBAROMETER dwar l-attitudni taċ-ċittadini dwar il-PAK, u mbagħad diskussjoni minn Bord ta' esperti differenti dwar kwistjonijiet differenti li jitqajmu. It-Tnejn wara nofsinhar se jiġi ddedikat għal gruppi ta' ħidma relatati mas-sigurtà tal-ikel, il-ġejjieni tas-soċjetà rurali, l-ambjent u l-forniment ta' oġġetti pubbiċi mill-agrikoltura, u l-kwalità, id-diversità u s-saħħa. Is-sessjoni tat-Tlieta filgħodu, ippreseduta mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ AGRI, Jean-Luc Demarty se tikkunsidra l-ideat imressqa fil-gruppi ta' ħidma. Wara se jkun hemm aktar gruppi ta' ħidma relatati maż-żamma tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel, iż-żamma tad-diversità tas-soċjetà rurali, l-iżgurar tal-forniment ta' oġġetti pubbliċi mill-agrikoltura, u l-promozzjoni tal-kwalità u d-diversità fil-provvista tal-ikel. It-Tlieta wara nofsinhar se jkun iddedikat biex jitnisslu xi konklużjonijiet mid-diskussjonijiet.

Aktar tagħrif

Fiera "It-Togħma tal-Ħajja" ("Flavour for Life") – ċelebrazzjoni tad-diversità tal-agrikoltura Ewropea

Freddy Thielemans, is-Sindku ta' Brussell se jiltaqa' mal-Kummissarju Dacian Cioloș u l-Ministru Belġjan għall-Agrikoltura Sabine Laruelle, biex jiftħu l-Fiera "It-Togħma tal-Ħajja" fi Place St Catherine nhar il-Ħadd fil-11am. Il-Fiera se tinkludi stands bi speċjalitajiet tal-ikel mill-Istati Membri kollha, u programmi kulturali ta' animazzjoni, żejt taż-żebbuga Spanjol, gruppi ta' żfin folkloristiku, kantant Portugiż FADO, u gruppi mużikali oħrajn. Il-Fiera se tagħlaq it-Tnejn filgħaxija b'riċeviment għad-delegati tal-konferenza, u se tinkludi l-premijiet għall-kompetizzjoni riċenti għad-disinn tal-logo organiku tal-UE, li daħal fis-seħħ mill-1 ta' Lullju, 2010.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website