IP/10/953
Brussell, il-15 ta’ Lulju 2010
L-EU tagħti bidu għal konsultazzjoni pubblika dwar it-titjib ta' jeddijiet il-vittmi tal-kriminalità u tal-vjolenza
Kull sena fl-UE jiġu rrappurtati madwar 30 miljun każ ta' kriminalità serja. L-UE tappoġġja l-koperazzjoni sabiex il-kriminali jitressqu quddiem il-ġustizzja, iżda x'jiġri mill-miljuni ta' vittmi tal-kriminalità? It-tiġrib ħarbati tagħhom jista' jsir agħar kaġun ta' stħarriġ jew proċess diffiċli, ta' invażjoni tal-privatezza tagħhom, jew ta' trattamant nieqes mir-rispett tal-każ tagħhom. Ikunu fejn ikunu fl-UE – kemm f'pajjiżhom kif ukoll imsefrin – il-vittmi għandhom il-jedd li jkunu ttrattati b'rispett, li jirċievu appoġġ, ħarsien u kumpens, u li jkollhom aċċess għall-ħaqq. Il-Kummissjoni Ewropea llum tat bidu għal konsultazzjoni pubblika dwar kif il-vittmi huma mħarsin, x'tip ta' appoġġ jirċievu u jekk hux meħtieġ li jsir xi titjib. Il-Kummissjoni se tagħmel użu mir-riżultati meta tħejji pakkett komprensiv ta' regoli u ta' miżuri prattiċi li biħsiebha tipproponihom fl-ewwel nofs tal-2011. Il-Konsultazzjoni se tkun miftuħa sat-30 ta' Settembru 2010.
"Kull wieħed u waħda minna j/tista' tkun vittma tal-kriminalità jew tal-vjolenza. Sfortunatament, dan hu l-każ għal bosta miljuni ta' nies kull sena. Ma nistgħux inħassru l-ħsara li tkun saret, iżda nistgħu inċekknu kemm jista' jkun l-impatt tal-att kriminali, ngħinu lin-nies jirkupraw u niżguraw li jiġu ttrattati kif jixraq u li jirċievu l-ħaqq li jixirqilhom," qalet Viviane Reding, il-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Jeħtieġ li l-vittmi ma jiġux ivvittimizzati darbtejn – speċjalment jekk jiddeċiedu li jeżerċitaw il-jedd tagħhom li jiċċaqilqu minn parti għal oħra tal-UE. Jeħtieġ ukoll li nsibu metodu legali sod biex jiġu ttrattati ordnijiet ta' protezzjoni maħruġin fi Stat Membru partikulari sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jiksbu għarfien għalihom f'pajjiż ieħor. Il-Kummissjoni se taħdem sabiex iseħħ il-ħaqq lil hinn mill-fruntieri, b'mod li jibni fuq ix-xogħol tajjeb ta' tħejjija li sar mill-Presidenza Spanjola tal-UE f'dawn l-aħħar sitt xhur fil-qasam tal-ħarsien tal-vittmi."
Il-kriminalità tista' tolqot lil kulħadd. Fl-2007 ġew irreġistrati 30 miljun reat serju u l-biċċa l-kbira tal-atti kriminali qatt ma ġew irrappurtati. Kull sena madwar kwart tal-popolazzjoni tal-UE (125 miljun ruħ) jintlaqtu direttament mill-krinimalità. Għalkemm miżuri li ħadet l-UE fl-aħħar deċenn f'diversi oqsma tal-linji politiċi dwar il-ġustizzja indirizzaw xi wħud mill-ħtiġijiet tal-vittmi, l-impatt tagħhom ivarja qatigħ madwar l-UE. Ngħidu aħna, l-ammonti mogħtijin bħala kumpens u l-proċeduri biex wieħed iressaq talba għall-kumpens huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor. Il-vittmi huma mxekkla minn proċeduri li spiss ikunu kkumplikati u twal qabel ma jkunu jistgħu jirċievu fondi jew jinfurzaw jeddijiethom.
Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni llum tat bidu għal konsultazzjoni pubblika li dak li se jinkiseb minnha se jirriżulta f'pakkett komprensiv ta' regoli u miżuri prattiċi li għandu jiġi propost fl-ewwel nofs tal-2011. Il-Kummissjoni trid li l-pakkett jappoġġja lill-vittmi matul il-proċess tal-ġustizzja u wara li jintemm. Jeħtieġ li l-vittmi jitħarsu kemm minn min ikun wettaq l-att kriminali kif ukoll milli jġarrbu aktar tbatija matul il-proċeduri, b'mod li jiġi żgurat li jeddijiethom jitħarsu matul il-proċeduri u li joffrilhom l-appoġġ li jkunu jeħtieġu biex jirkupraw u jiksbu rimedju.
Il-konsultazzjoni tindirizza l-ħtiġijiet tal-vittmi f'ħames oqsma:
Rikonoxximent. Qed jiġu ttrattati b'dinjità u b'rispett? Qed jiġu interrogati b'mod sensittiv u qed jingħataw tweġibiet minnufih għall-mistoqsijiet tagħhom?
Protezzjoni. Huma mħarsin kontra r-ritaljazzjoni u kontra vittimizzazzjoni ulterjuri, kemm qabel kif ukoll wara att kriminali? Kif qed jiġi evitat il-kuntatt ma' min wettaq l-att kriminali? Il-protezzjoni tintilef meta wieħed jaqsam il-fruntieri?
Appoġġ. Hemm assistenza fiżika u psikoloġika għal medda twila ta' żmien wara li jkun seħħ att kriminali? Hemm assistenza prattika wara att kriminali sabiex wieħed jiġi mgħejun jagħmel talbiet għal kumpens jew arranġamenti għal funerali?
Aċċess għall-ġustizzja. Kif jistgħu jkunu jafu x'inhuma jeddijiethom u jieħdu sehem fil-proċess tal-ġustizzja?
Kumpens. Iridu jsegwu t-talba għad-danni huma stess u jinfurzaw id-deċiżjoni billi jistaqsu lil min ikun wettaq l-att kriminali?
Il-Kummissjoni trid, b'mod speċjali, tisma' mingħand ċittadini u organizzazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, korpi, istituzzjonijiet u esperti li, fil-livell lokali jew f'dak internazzjonali, jittrattaw ma' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-vittmi.
Sfond
L-UE bdiet tindirizza l-jeddijiet tal-vittmi fl-1999. Deċiżjoni Qafas tal-2001 stabbiliet standards minimi għat-trattament tal-vittmi matul proċeduri kriminali. Id-Direttiva tal-2004 dwar il-kumpens lill-vittmi tal-kriminalità titlob li fl-Istati Membri tal-UE kollha kemm huma jkun hemm skemi statali ta' kumpens għall-vittmi tal-kriminalità intenzjonata vjolenti, kif ukoll assistenza għal talbiet li jaqsmu l-fruntieri.
Dan ix-xogħol ġenerali dwar il-vittmi jikkumplimenta azzjonijiet oħrajn bħad-Deċiżjoni li n-numru 116 006 jinżamm għall-helplines tal-vittmi, l-elaborazzjoni tal-portal tal-ġustizzja elettronika, li jinkludi ġabriet ta' tagħrif għall-vittmi, u n-negozjati dwar Direttivi biex jiġu missiltin l-isfruttament sesswali tat-tfal u t-traffikar tal-bnedmin. Kwalunkwe miżura li tittieħed fil-ġejjieni se tagħti kas tal-progress li diġà sar mill-Presidenza Spanjola tal-UE dwar il-ħarsien tal-vittmi.
Il-Konsultazzjoni Pubblika qed isseħħ f':
http://ec.europa.eu/justice_home/news/consulting_public/news_consulting_0053_en.htm
Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:
http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm
Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm