Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/952

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2010

Riċerka fil-qasam tal-ICT: għodda ġdida għall-iskedar ferrovjarju tnaqqas il-ħin ta' stennija u d-dewmien tal-ferroviji

Bis-saħħa ta' proġett ta' riċerka li rċieva EUR 2.6 miljuni f'fondi mill-UE, dan is-sajf l-Ewropej qed jaffaċċjaw inqas problemi meta jivvjaġġaw bil-ferroviji. Il-proġett ARRIVAL żviluppa softwer avvanzat li jiskeda l-ferroviji b'mod iktar effiċjenti u jsolvi l-problemi meta jseħħu f'ħin reali, b'mod iktar effiċjenti filwaqt li jżomm l-istess livell ta' sikurezza. Ir-riżultati ta' din ir-riċerka diġà qed ikunu applikati mill-operaturi ferrovjarji madwar l-Ewropa biex jiżguraw l-użu iktar effiċjenti tan-netwerks ferrovjarji, f'termini kemm ta' skedar kif ukoll ta' problemi mhux previsti. L-algoritmi żviluppati għandhom applikazzjonijiet potenzjali f'oqsma oħra bħas-sistemi ta' navigazzjoni tat-traffiku fit-triq, sistemi industrijali tal-fluss tax-xogħol, kummerċ elettroniku, netwerks peer to peer, netwerks ta' kompjutazzjoni b'sistema ta' distribuzzjoni u sistemi tas-saħħa.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "Din ir-riċerka Ewropea tal-aħjar kwalità tippermetti li iktar passiġġieri, merkanzija u oġġetti fuq iktar ferroviji jużaw l-istess infrastruttura filwaqt li jżidu l-puntwalità, is-sodisfazzjon tal-passiġġieri u l-qligħ tal-operatur. Hija sitwazzjoni li minnha kulħadd għandu x'jirbaħ."

Iċ-ċavetta biex ikun minimizzat id-dewmien fl-ivjaġġar bil-ferroviji hija li jsir l-aħjar użu mill-ippjanar u li tkun evitata kwalunkwe riperkussjoni li l-problemi tat-traffiku jistgħu jikkawżaw. Għandha ferrovija ta' konnessjoni tistenna jew inkella titlaq fil-ħin? Normalment, l-ordni li biha l-ferroviji jużaw il-linji hija ffissata. Kif għandhom ikunu allokati mill-ġdid il-pjattaformi jekk ikun hemm dewmien? Dawn id-deċiżjonijiet jinvolvu loġistiki kumplikati u ftit ħin biex ikunu aġġornati l-iskedi u biex il-passiġġieri jkollhom l-inqas inkonvenjent.

Tradizzjonalment, il-problemi kienu ttrattati mill-operaturi tal-ferroviji bl-użu ta' ftit ferm assistenza kompjuterizzata (normalment softwer grafiku biex jivvixwalizzaw x'qed jiġri). Il-metodi l-ġodda jistgħu jiddeterminaw l-aħjar skedi tal-ferroviji u x'għandu jiġri meta l-ferroviji jkollhom dewmien.

Is-suċċess tal-proġett ARRIVAL huwa bbażat fuq l-iżvilupp ta' algoritmi ġodda li jistgħu jintużaw biex il-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja tkun organizzata b'mod iktar effiċjenti: mill-iskedar tal-ferroviji, l-allokazzjoni tal-pjattaformi, id-distribuzzjoni tal-istaff u t-tagħbija tal-merkanzija sas-soluzzjoni ta' problemi bħal rotot ġodda għall-ferroviji jew l-iskedar mill-ġdid hekk kif iseħħu f'ħin reali.

Il-proġett ARRIVAL involva kunċetti u metodi ta' riċerka algoritmika ġodda li mexxew 'il quddiem konsiderevolment it-teorija neċessarja biex ikunu trattati problemi ta' perfezzjonament kbar u kumplessi – bħal dawk tan-netwerks ferrovjarji – b'mod effiċjenti. Il-proġett diġà ġie implimentat b'suċċess fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja u l-Isvizzera. Pereżempju, l-algoritmi ARRIVAL intużaw biex titfassal skeda ġdida għas-sistema ferrovjarja nazzjonali Olandiża li topera 5500 ferrovija kuljum; issa hija waħda min-netwerks ferrovjarji l-iktar effiċjenti tal-Ewropa. F'Berlin, il-ħin ta' stennija bejn il-ferroviji fuq in-netwerk ta' taħt l-art U-Bahn naqas minn erba' minuti għal żewġ minuti bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-algoritmi ARRIVAL. Il-ferroviji Svizzeri implimentaw skeda tal-aħjar użu tal-ippjanar ibbażata fuq l-algoritmi ARRIVAL, għal ferroviji addizzjonali fuq kuriduri b'riskju għoli fejn joperaw kemm ferroviji tal-passiġġieri kif ukoll ferroviji tal-merkanzija.

Operaturi ferrovjarji oħrajn fl-Ewropa kollha huma interessati fl-implimentazzjoni ta' din it-teknoloġija. Provi fl-Italja fl-istazzjonijiet tal-ferrovija f'Palermo u f'Ġenoa rriżultaw f'25 % tnaqqis fid-dewmien. Billi titjieb l-effiċjenza ferrovjarja, din it-teknoloġija algoritmika ġdida hija ta' benefiċċju għall-Ewropej kollha li jużaw il-ferroviji. Bħala medja, kull ċittadin Ewropew jivvjaġġa kważi 800 km fis-sena bil-ferrovija.

Sfond

Mill-2006 sal-2009, riċerkaturi minn tnax–il università (fil-Ġreċja, fi Spanja, fl-Italja, fil-Ġermanja, fl-Isvizzera u fil-Pajjiżi l-Baxxi) u l-kumpanija ferrovjarja Franċiża SNCF (Société Nationale des Chemins de fer Français) ħadmu fuq il-proġett ARRIVAL.

Il-proġett ta' riċerka żviluppa algoritmi tas-softwer avvanzati li jipperfezzjonaw is-servizzi ferrovjarji. EUR 2.6 miljuni mill-ispiża totali ta' EUR 3.2 miljuni kienu ffinanzjati mill-programm ta' riċerka kumplessiv tal-Kummissjoni (Is-Sitt Programm ta' Qafas 2001-2006) fi ħdan l-iskema ta' riċerka Future and Emerging Technologies (Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET). Din l-iskema tappoġġja r-riċerka b'riskju għoli fit-teknoloġiji tal-informazzjoni.

Għal iktar dettalji dwar il-proġett ARRIVAL, ara:

http://arrival.cti.gr/index.php/Main/HomePage

Iktar stejjer ta' suċċess dwar ir-riċerka fil-qasam tal-ICT ffinanzjati mill-UE se jkunu ppreżentati waqt l-ikbar avveniment Ewropew dwar ir-riċerka fil-qasam tal-ICT li se jsir fi Brussell mis-27 sad-29 ta' Settembru 2010. Se jkun hemm għall-wiri iktar minn 100 esibit li juru l-aħħar avvanzi fit-teknoloġiji diġitali żviluppati bis-saħħa tal-iffinanzjar tal-UE. Il-ġurnalisti jistgħu jattendu mingħajr ħlas wara li jirreġistraw fil-websajt:
http://ec.europa.eu/information_society/events/ict/2010/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website