Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tissalvagwardja d-dritt ta’ dawk li jħallsu t-taxxa għal rifużjonijiet tal-VAT

European Commission - IP/10/950   15/07/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/950

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2010

Il-Kummissjoni tissalvagwardja d-dritt ta’ dawk li jħallsu t-taxxa għal rifużjonijiet tal-VAT

Illum il-Kummissjoni adottat proposta biex tipposponi d-data ta’ skadenza għat-tressiq tat-talbiet għar-rifużjoni tal-VAT b’rabta mal-2009. Minħabba li l-Istati Membri implimentaw tard il-proċedura l-ġdida għar-rifużjoni fuq il-VAT li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni qed tipproponi li dawk li jħallsu t-taxxa jingħataw iktar ħin biex idaħħlu t-talbiet tagħhom għal rifużjoni tal-VAT. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tipproponi li xi elementi tal-portali nazzjonali tal-internet dwar ir-rifużjoni tal-VAT jiġu armonizzati sabiex ikun hemm iktar interoperabbiltà bejniethom u sabiex ikunu iktar aċċessibbli għal dawk li jħallsu t-taxxa.

Id-Direttiva dwar ir-rifużjonijiet tal-VAT daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 u tippermetti r-rifużjoni tal-VAT għall-ispejjeż tan-negozju li jkunu ġarrbu persuni li jridu jħallsu t-taxxa fi Stat Membru li mhumiex stabbiliti fih. Din id-Direttiva daħħlet sistema elettronika li permezz tagħha min irid iħallas it-taxxa jibgħat l-applikazzjoni tiegħu għal rifużjoni minn fuq portal tal-internet maħluq mill-Istat Membru li fih ikun stabbilit. L-Istati Membri kellhom l-obbligu li jqiegħdu dan il-portal tal-internet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-1 ta’ Jannar 2010.

Madanakollu, xi Stati Membri nedew il-portali tal-internet tagħhom tard, filwaqt li oħrajn iltaqgħu ma’ diversi problemi tekniċi biex joħolquhom u jħaddmuhom. Dan wassal biex xi persuni li jridu jħallsu t-taxxa ma setgħux jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom għal rifużjoni.

Minħabba dan id-dewmien u sabiex jiġi ssalvagwardjat id-dritt ta’ dawk li jħallsu t-taxxa li jnaqqsu l-VAT, jeħtieġ li d-data ta’ skadenza għat-tressiq tat-talbiet għar-rifużjoni fuq l-ispejjeż tal-2009 titressaq minn Settembru 2010 għal Marzu 2011.

Barra minn hekk, minħabba li l-Istati Membri ma jaqblux bejniethom dwar it-tħaddim tekniku tad-Direttiva, jeħtieġ li jinħoloq mekkaniżmu effiċjenti sabiex jiġu armonizzati ċerti rekwiżiti ddettaljati f’dan il-qasam. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi li tingħata s-setgħa li tadotta d-dispożizzjonijiet tekniċi meħtieġa biex din it-tip ta’ skema pan-Ewropea tkun interoperabbli għal kollox, dejjem jekk il-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Amministrattiva jaqbel ma’ dan.

Il-kuntest

Id-Direttiva dwar ir-rifużjonijiet tal-VAT ħadet post il-proċedura bil-miktub għat-talbiet għar-rifużjoni tal-VAT li kienet ġiet stabbilita b’liġi tal-1979. Fil-proċedura bil-miktub ta’ qabel, dawk li jħallsu t-taxxa kellhom jibagħtu l-fatturi oriġinali lill-Istati Membri kollha li fihom ikunu ħallsu l-VAT sabiex jirċievu rifużjoni. Id-Direttiva l-ġdida għandha l-għan li tissimplifika dan il-proċess u li tnaqqas il-piż amministrattiv, billi tintroduċi proċedura elettronika li permezz tagħha min iħallas it-taxxa jagħmel talba waħda għar-rifużjoni fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit.

Xi wħud mill-portali nazzjonali tal-internet infetħu tard ħafna (l-aħħar waħda nfetħet f’nofs Mejju) u waslu bosta lmenti min-negozji li juru differenzi bejn l-Istati Membri differenti dwar xi wħud mid-dettalji tekniċi marbutin mat-tħaddim prattiku tal-portali nazzjonali tal-internet. Il-Kummissjoni diġà ħadet diversi inizjattivi sabiex jintlaħaq qbil mal-Istati Membri dwar titjib f’dan il-qasam, imma skont id-Direttiva t-tfassil tal-portali nazzjonali tal-internet huwa għal kollox f’idejn l-Istati Membri individwali. Il-Kummissjoni ħeġġet bil-kbir lill-Istati Membri biex is-sistemi tal-internet tagħhom jibdew jiffunzjonaw malajr kemm jista jkun, sabiex jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq in-negozji.

It-test tal-proposta jinsab fis-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website