Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/937

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2010

Il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE: Il-Kummissjoni tippubblika r-rapport annwali

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-Rapport Annwali tagħha dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi. Dan ir-rapport jagħti dettalji dwar miżuri importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu fl-2009 biex ikunu evitati, nnutati u ttrattati l-irregolaritajiet u l-frodi. Jagħti ħarsa ġenerali, permezz tal-istatistika, lejn l-irregolaritajiet kollha li l-Istati Membri għarrfu lill-Kummissjoni bihom fl-2009, fosthom każijiet fejn kien hemm suspett ta’ frodi, u jagħti dettalji dwar l-irkupru tal-fondi tal-UE. Ir-rapport jinnota li kien hemm titjib fil-konformità tal-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mar-rappurtar tal-irregolaritajiet meta mqabbel mas-snin ta’ qabel u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar kif il-flus tal-kontribwenti fl-UE jistgħu jitħarsu b’mod aħjar. Ir-rapport ta’ din is-sena jittratta wkoll żewġ suġġetti speċjali, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-verifiki fuq il-post, u l-miżuri li ħadu l-Istati Membri biex jiġbru lura l-ammonti irregolari.

Il-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi, is-Sur Algirdas Šemeta, qal: “Dan ir-rapport jirrifletti żewġ pedamenti tal-immaniġġjar finanzjarju sod: it-trasparenza u r-responsabbiltà. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jaqsmu r-responsabbiltà biex jissalvagwardjaw il-fondi tal-UE bejniethom. Huwa importanti ferm li l-Istati Membri jirrappurtaw kwalunkwe suspett li jista’ jkollhom dwar irregolaritajiet u frodi malajr kemm jista’ jkun, u li jagħmlu l-parti tagħhom bis-sħiħ biex jiżguraw segwitu effettiv. Is-sejbiet mogħtija fir-rapport tal-lum se juruna f’liema oqsma għad irid isir iktar xogħol u se jgħinu biex jiġi żgurat li l-flus ta’ dawk li jħallsu t-taxxa fl-UE jitħarsu sewwa.”

Skont ir-Rapport Annwali, l-għadd ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet irrappurtati fl-oqsma tar-riżorsi proprji u tal-infiq dirett naqas sewwa fl-2009 meta mqabbel mal-2008. Madanakollu, f’oqsma oħrajn, bħalma huma l-agrikultura, il-politika ta’ koeżjoni u l-fondi ta’ qabel l-adeżjoni, kien hemm żieda fl-għadd ta’ irregolaritajiet li ġew irrappurtati, inkluż fl-għadd ta’ każijiet fejn kien hemm suspett ta’ frodi. Dan jista’ jkun li ġej minn diversi fatturi. Ħafna drabi, jista’ juri li l-kontrolli u s-sistema ta’ kontra l-frodi li hemm fis-seħħ qed jaħdmu aħjar u li qed jiġu rrappurtati iktar każijiet. Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, l-iżbalji kollha misjuba b’rabta mal-fondi tal-UE jridu jiġu kkoreġuti u l-fondi jridu jinġabru lura jekk ma jkunux qed jintużaw skont ir-regoli.

Il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi jmorru lil hinn mill-fruntieri Ewropej, u l-Kummissjoni qed taħdem qatigħ biex ikun hemm iktar kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. Xi wħud mill-miżuri msemmija fir-rapport tal-lum jinkludu n-negozjati internazzjonali dwar ftehimiet għal kontra l-korruzzjoni u kontra l-frodi, ħidma sfiqa biex jiġi ttrattat it-trasport bil-moħbi u kontra l-liġi tas-sigaretti, u l-użu ta’ bażi tad-dejta ġdida sabiex ikun jista’ jiġi evitat u nnutat il-ksur tal-liġi fl-oqsma tal-agrikultura u tad-dwana li jista’ jeffettwa d-dħul tal-UE.

L-irregolaritajiet u s-suspetti ta frodi mgħarrfin fl-2009 skont is-settur

Ir-riżorsi proprji: L-għadd ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet naqas bi 23 % fl-2009 meta mqabbel mal-2008, u l-ammont li kien stmat li kien effettwat mill-irregolaritajiet naqas bi 8.5 %. 19 % mill-irregolaritajiet kollha rrappurtati fil-qasam tar-riżorsi proprji kienu suspetti ta’ frodi, li jirrappreżentaw madwar EUR 99 miljun.

L-agrikultura: L-għadd ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet irrappurtati żdied bi 43 % fl-2009. L-ammont li huwa stmat li ġie effettwat huwa ta’ EUR 125 miljun. Mill-allokazzjonijiet totali fil-qasam tal-agrikultura fl-2009, hemm suspett dwar frodi fil-każ ta’ 0.03 % minnhom. Iż-żieda fl-irregolaritajiet li ġew irrappurtati tista’ tintrabat mal-implimentazzjoni tas-Sistema għall-immaniġġjar tal-irregolaritajiet li tippermetti lil għadd ikbar ta’ utenti li jinnotifikaw li għandhom suspett ta’ problemi.

Il-politika ta’ koeżjoni: L-għadd ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet irrappurtati żdied bi 23 % fl-2009. L-ammont li huwa stmat li ġie effettwat huwa ta’ EUR 1.22 biljun. Mill-allokazzjonijiet totali fl-2009, hemm suspett dwar frodi fil-każ ta’ 0.23 % minnhom. Iż-żieda fl-irregolaritajiet li ġew irrappurtati fl-2009 meta mqabbel mal-2008 ġejja, fil-biċċa l-kbira tagħha, miż-żieda fil-kontrolli u fil-verifiki hekk kif qed jasal fi tmiemu l-perjodu ta’ pprogrammar tal-2000 sal-2006.

Il-fondi ta’ qabel l-adeżjoni: L-għadd ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet irrappurtati mill-erbatax-il pajjiż li rċevew il-fondi ta’ qabel l-adeżjoni żdied b’35 % fl-2009. L-ammont li huwa stmat li ġie effettwat huwa ta’ EUR 117-il miljun. Mill-allokazzjonijiet totali ta’ qabel l-adeżjoni li kien hemm fl-2009, hemm suspett dwar frodi fil-każ ta’ 0.38 % minnhom. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati żdiedu b’mod sinifikanti (+ 135 %), u kien il-programm iffinanzjat mill-UE għall-iżvilupp tal-agrikultura fil-pajjiżi kandidati msejjaħ “SAPARD” li kellu l-ogħla proporzjon minn din iċ-ċifra.

L-infiq dirett: L-għadd ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet irrappurtati naqas b’24 % fl-2009. L-ammont li huwa stmat li ġie effettwat mill-irregolaritajiet huwa ta’ EUR 27.5 miljun, li madwar EUR 1.5 miljun minnhom huma marbutin ma’ każijiet li fihom hemm suspett ta’ frodi. S’issa l-Kummissjoni rkuprat EUR 15.5 miljun mill-ammonti irregolari.

(Ara t-tabella fl-Anness għat-tqassim iddettaljat tal-każijiet f’kull qasam.)

Il-kuntest

Skont il-liġi tal-UE, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-każijiet ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet oħra li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji fl-oqsma kollha tal-attività tal-UE. Madanakollu, l-istampa li tagħti l-istatistika mhix neċessarjament waħda sħiħa, minħabba li l-Kummissjoni tiddependi fuq il-komunikazzjoni tal-irregolaritajiet mill-Istati Membri. Min-natura tagħhom stess, iċ-ċifri mogħtija fir-rapport huma ċifri approssimattivi u preliminari. Bħala prekawzjoni, fejn l-ammont preċiż effettwat mill-irregolarità jkun għadu ma ġiex stabbilit, iċ-ċifra mogħtija ta’ spiss tkun waħda marbuta mal-iskema b’mod ġenerali. Huwa importanti wkoll li ssir distinzjoni bejn il-frodi u l-irregolaritajiet. Il-frodi hu irregolarità li ssir b’mod maħsub u li tikkostitwixxi att kriminali. L-impatt finanzarju reali tal-frodi jista’ jitkejjel biss wara li jintemmu l-proċedimenti legali.

Barra minn hekk, illum l-OLAF ħareġ ukoll ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet tiegħu, li fih ta r-riżultati tal-ħidma indipendenti operattiva tiegħu fl-2009.

Ir-rapporti jinsabu fuq is-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/anti_fraud/reports/index_en.html.

Ara d-dokument MEMO/10/332


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website