Navigation path

Left navigation

Additional tools

Bijodiversità: rapport ġdid jenfasizza l-prattiki tan-negozju li jwasslu għal suċċess u li jagħmlu l-iktar ġid lill-pjaneta

European Commission - IP/10/933   13/07/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/933

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010

Bijodiversità: rapport ġdid jenfasizza l-prattiki tan-negozju li jwasslu għal suċċess u li jagħmlu l-iktar ġid lill-pjaneta

Rapport ġdid iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea jenfasizza l-importanza li l-bijodiversità tiġi integrata fil-pjanijiet tan-negozju tas-settur privat u fl-attivitajiet ewlenin madwar id-dinja kollha. Ir-rapport jiżvela li dan l-aħħar kien hemm tkabbir konsiderevoli fil-prodotti u fis-servizzi ekoċertifikati, li kien hemm iktar interess dejjem jikber min-naħa tal-konsumaturi dwar il-produzzjoni sostenibbli, u juri kif il-bijodiversità tista' tipprovdi opportunità tan-negozju sostanzjali f'suq li jista' jiswa bejn żewġ u sitt triljun dollaru Amerikan sal-2050. Ir-rapport jagħmel seba' rakkomandazzjonijiet ewlenin għan-negozji, u jistieden lill-professjonijiet tal-kontabbiltà u l-korpi ta' rappurtar finanzjarju sabiex jiżviluppaw standards komuni għall-valutazzjoni tal-impatti tal-bijodiversità, u jiżviluppaw għodod ġodda għal dan il-għan. It-“TEEB for Business”(l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità għan-Negozju) se jifforma parti mir-rapport ta' sinteżi tat-TEEB li se jiġi mniedi f'laqgħa dwar il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f'Nogoya, fil-Ġappun f'Ottubru 2010.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Minkejja ċerti suċċessi lokali u minkejja t-tkabbir fl-għarfien dwar il-problema, ir-rata globali tat-telf tal-bijodiversità ma jidhirx li qed tonqos. Iżda dan ir-rapport juri li n-negozji jistgħu jgħinu, u jien ninsab fiduċjuż li nara dawn l-eżempji tanġibbli ta' intrapriżi li li qed jifjorixxu mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-uniku pjaneta li għandna."

Il-kap tal-Istudju tat-TEEB, Pavan Sukhdev, qal: "Permezz tax-xogħol tat-TEEB u ta' proġetti oħrajn, l-importanza ekonomika tal-bijodiversità u tal-ekosistemi li qabel kienet mistura, issa qed toħroġ fil-beraħ. Jidher ċar li xi intrapriżi f'uħud mis-setturi u f'ċerti kontinenti qed jagħtu widen għal messaġġ u jieħdu azzjoni sabiex fis-Seklu 21 jinbnew negozji iktar sostenibbli."

Proposti ewlenin għan-negozji

It-TEEB għan-negozju jirrakkomanda sensiela ta' azzjonijiet sabiex jgħin lill-intrapriżi jnaqqsu r-riskji tagħhom tal-bijodiversità u sabiex jaħtfu l-opportunitajiet tan-negozju li jirriżultaw mis-servizzi tal-ekosistemi:

  • Identifika l-impatti u d-dipendenzi li n-negozju tiegħek għandu fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema (biodiversity and ecosystem services-BES)

  • Ivvaluta r-riskji tan-negozju u l-opportunitajiet marbuta ma' dawn l-impatti u d-dipendenzi

  • Żviluppa sistemi tal-informazzjoni dwar il-BES, iffissa l-miri SMART, kejjel u agħti valur tal-prestazzjoni u rrapporta r-riżultati tiegħek

  • Ħu azzjoni sabiex tevita, tnaqqas u ttaffi r-riskji tal-BES, inkluż il-kumpens mhux monetarju ('offsets') fejn ikun xieraq

  • Gawdi mill-opportunitajiet tan-negozju li jirriżultaw mill-BES, bħal pereżempju l-kosteffiċjenza, prodotti u swieq ġodda

  • Għaqqad l-istrateġija u l-azzjoniiet tan-negozju dwar il-BES ma' inizjattivi usa' ta' responsabbiltà soċjali fuq livell azjendali.

  • Ħu impenn flimkien man-negozjanti sħabek u mal-partijiet involuti fil-gvern, fl-NGOs u fis-soċjetà ċivili sabiex ittejjeb il-gwida u l-politika tal-BES.

Il-bijodiversità hija ta' ġid għan-negozju.

Fir-rapport instab li filwaqt li l-maġġoranza tal-intrapriżi għadhom jittrattaw il-bijodiversità b'mod superfiċjali fir-rapporti tagħhom, l-għadd ta' dawk li huma konxji dwar il-benefiċċji potenzjali qed jikber. Il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema joffru opportunitajiet għas-setturi kollha tan-negozju, u l-integrazzjoni tagħhom tista' ġġib valur addizzjonali sinifikanti billi tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ktajjen ta' forniment, billi jiġu ġġenerati prodotti ġodda, bil-ħolqien u l-penetrazzjoni ta' swieq ġodda u billi jiġu mħajra klijenti ġodda.

Il-politiki tal-ġestjoni tal-bijodiversità u tar-riskji tal-ekosistemi jistgħu jgħinu wkoll sabiex jiġu identifikati opportunitajiet tan-negozju, bħalma huma t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni permezz ta' effiċjenza mtejba tar-riżorsi, l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji b'impatt baxx, il-ġestjoni u t-tfassil ta' proġetti li jnaqqsu l-impatti ekoloġiċi, u billi jiġu pprovduti servizzi professjonali fil-valutazzjoni tar-riskju u fil-ġestjoni/adattament.

Stimi żviluppati minn PricewaterhouseCoopers għal-"opportunitajiet tan-negozju globali marbuta mas-sostenibbiltà tar-riżorsi naturali (inklużi l-enerġija, il-forestrija l-ikel u l-agriklotura, l-ilma u l-metalli)" jissuġġerixxi suq potenzjali fil-firxa ta' bejn żewġ u sitt triljun dollaru Amerikan sal-2050 (bi prezzijiet kostanti tal-2008). Madwar nofs dawn huma "investimenti addizzjonali fis-settur tal-enerġija marbutin mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju". Is-swieq għall-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi qed jikbru, kif jidher mid-dejta miġbura mill-Forest Trends and the Ecosystem Marketplace:

  • Is-suq tal-prodotti agrikoli ċertifikati kien ivvalutat għal iktar minn 40 biljun dollaru Amerikan fl-2008 u huwa mistenni li jilħaq sa 210 biljun dollaru Amerikan sal-2020, u jista' jilħaq 900 biljun dollaru sal-2050.

  • Ħlasijiet għas-Servizzi tal-Ekosistemi għal servizzi tal-ekosistema marbutin mal-ilma u l-ġestjoni tal-meded tal-art b’nixxigħat (watersheds) ammontaw għal 5 biljun dollaru Amerikan biss fl-2008, imma hu mistenni li t-total tagħhom jilħaq iktar minn 30 biljun sal-2050.

Sfond

Il-patrimonju naturali tal-pjaneta – mill-ispeċijiet individwali sal-ekosistemi bħalma huma l-foresti, sikek tal-qroll, l-ilma ħelu u l-ħamrija – qed jonqsu b'rata allarmanti. Kull sena, it-telf tal-bijodiversità qed jiswa l-biljuni lill-ekonomija globali, u dan ipoġġi f'periklu lill-ekonomiji; lill-prospetti u l-opportunitajiet tan-negozju li jiġġieldu kontra l-faqar.

TEEB - L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità – huwa proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet inklużi l-Ġermanja, in-Norveġja u r-Renju Unit, li huwa ddedikat għall-bini tal-każ ekonomiku sabiex jgħin lill-ekonomiji jagħmlu għażliet u tibdiliet ta' politika trasformazzjonali sabiex tiġi indirizzata din il-kriżi u jġib iktar intelliġenza fil-mod ta' kif jiġi ġestit il-patrimonju naturali. It-TEEB se jippubblika minn qabel ir-rapport sintetiku finali tal-Konvenzjoni dwar id-diversità Bijoloġika fil-laqgħa ta' Nagoya, fil-Ġappun iktar tard din is-sena.

Għal aktar tagħrif:

Ir-rapport tat-TEEB għan-Negozju huwa disponibbli fuq: http://www.teebweb.org/

Il-Pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiverstià tal-UE:

http://ec.europa.eu/environment/biodiversity/business/index_en.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website