Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/931

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi skema għat-trasferiment intra-ażjendali temporanju ta' ħaddiema tas-sengħa li mhumiex ċittadini tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi direttiva ġdida bil-għan li tagħmilha eħfef għal kumpaniji multinazzjonali jagħtu trasferimenti temporanji lil ħaddiema tas-sengħa minn pajjiżi terzi impjegati ma' kumpanija llokalizzata barra mill-UE lejn fergħat jew sussidjari fi Stati Membri tal-UE.

"Neħtieġu approċċ Ewropew dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema li tippermetti lill-ekonomiji tagħha jirċievu l-migranti li jeħtieġu", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni. Il-kumpaniji multinazzjonali li joperaw fl-Ewropa għandhom bżonn ta' aċċess għall-persunal adattat, fil-ħiliet xierqa, fil-ħin xieraq, iżda tali persunal importanti mhux dejjem disponibbli lokalment. Il-ħtieġa għal dawn il-kumpaniji li jkunu jistgħu jagħtu trasferimenti temporanji lill-ħaddiema lejn u fi ħdan l-UE saret iktar kruċjali f'dawn l-aħħar snin. Dawn il-ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali jġibu magħhom għarfien speċjalizzat u ħiliet lejn l-Ewropa, li mbagħad jagħtu kontribut biex tissaħħaħ l-ekonomija Ewropea u jiġi attirati iktar investimenti fl-Istati Membri."

Ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali huma kategorija ta' ħaddiema li huma relevanti ħafna għall-ekonomija tal-UE: huma tipikament speċjalisti u maniġers, li jippossjedu għarfien speċifiku imfittex għall-kumpanija, u li għalihom ma jinstab ebda sostitut. It-trasferiment ta' dawn l-impjegati kkwalifikati lejn l-UE għandu l-potenzjal li jżid il-flussi tal-investiment, isaħħaħ l-effettività tal-maniġment, ikattar l-esportazzjoni tal-UE, u jtejjeb il-kompetittività tal-Unjoni in ġenerali, li jista' jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija 2020.

Madanakollu, għadhom jeżistu ostakoli għal tali migrazzjonijiet temporanji. Kumpaniji barra mill-UE huma ffaċċjati b'massa ta' regoli u proċeduri differenti meta jkunu jridu jibgħatu persunal importanti fis-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri tal-UE. Barra minn hekk, proċeduri biex jinkisbu l-permessi tax-xogħol f'ċerti pajjiżi tal-UE huma bil-mod u kumplessi u ħaddiema fi trasferiment intra-ażjendali jiffaċċjaw diffikultajiet biex imorru minn Stati Membru għall-ieħor.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li toħloq sett ta' regoli komuni għal proċedura tad-dħul mħaffa (permess wieħed għal residenza/xogħol b'limitu ta' 30 jum) għal grupp immirat ta' persunal speċjalizzat ħafna ('maniġer', 'speċjalista' u 'apprendist gradwat') minn pajjiżi barra mill-UE.

Il-proposta timmira wkoll biex tistabbilixxi kundizzjonijiet ta' residenza iktar attraenti għal dan il-persunal u l-familji tagħhom u sistema eħfef għall-ħaddiema ttrasferiti li mhumiex ċittadini tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-UE. Dan ikun akkumpanjat minn status legali ċar inklużi l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħala ħaddiema ppustjati minn kumpanija tal-UE.

Lill-Istati Membri tal-UE tibqagħlhom il-kompetenza li jiddeċiedu dwar in-numru ta' trasferimenti u huma previsti dispożizzjonijiet biex jiżguraw il-karatteristika temporanja tal-migrazzjonijiet (3 snin massimu għal speċjalisti u maniġers u sena għall-apprendisti gradwati).

Sfond

Il-Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali tal-2005 tagħti ħarsa lejn il-viżjoni tal-Kummissjoni dwar kif għandha tiġi żviluppata aktar politika komuni dwar il-migrazzjoni legali. Il-Kummissjoni skedat l-adozzjoni ta' diversi proposti leġiżlattivi dwar il-migrazzjoni tax-xogħolbejn l-2007 u l-2009.

Il-Kunsill adotta d-Direttiva tal-UE dwar il-Karta l-Blu dwar il-migrazzjoni ta' kompetenzi għolja f'Mejju 2009. Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2007 dwar permess uniku ta' xogħol u residenza u d-drittijiet tal-migranti bħalissa qed tiġi kkunsidrata mill-koleġiżlaturi. Iż-żewġ proposti leġiżlattivi dwar il-ħaddiema staġjonali u persuni bi trasferiment intra-ażjendali jikkompletaw dan il-pakkett.

Il-Programm ta' Stokkolma adottat f'Diċembru 2009 mill-Kunsill Ewropew jappoġġja l-Pjan ta' Azzjoni tal-2005 tal-kummissjoni u jsejjaħ għall-adozzjoni ta' politika ġenerali Ewropea dwar il-migrazzjonijiet, li huwa għaldaqstant għan promordjali għall-Unjoni Ewropea.

L-istrateġija Ewropa 2020 tikkunsidra li politika dwar l-immigrazzjoni legali organizzata tajjeb se jkollha rwol mhux biss biex timla n-nuqqasijiet fis-swieq tas-suq u ttejjeb il-kompetittività tal-UE izda wkoll biex tgħin jiġu ffaċċjati l-isfidi demografiċi li qed tiffaċċja jew se tiffaċċja fil-futur qrib il-maġġoranza tal-Istati Membri.

Għal aktar informazzjoni

Paġna ewlenija tas-sit elettroniku ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

MEMO/10/324


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website