Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi kundizzjonijiet komuni għall-ammissjoni u r-residenza ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi

Commission Européenne - IP/10/930   13/07/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/930

Brussell, it-13 ta' Lulju

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi kundizzjonijiet komuni għall-ammissjoni u r-residenza ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat proposta għal direttiva dwar l-impjiegi staġonali. Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi proċedura komuni ta' ammissjoni u residenza fl-UE u li tiddefinixxi d-drittijiet ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi.

"Min jimpjega fl-UE qed jiddependi dejjem aktar fuq nies minn pajjiżi barra mill-Ewropa biex jagħmlu xogħlijiet f'setturi bħall-agrikoltura, l-ortikultura u t-turiżmu, minħabba li ċ-ċittadini tal-UE huma dejjem anqas disponibbli għal dan it-tip ta' xogħol staġonali. Fl-istess ħin, jeħtieġ li nipprovdu lil dawn il-ħaddiema staġonali, li ħafna drabi huma vulnerabbli u suxxettibbli għar-riskji, b'kundizzjonijiet aħjar u bi status legali sikur sabiex nipproteġuhom mill-isfruttament. Din id-direttiva ġdida se tagħmel proprju dan, u ninsab kunfidenti li l-proposta tal-lum se tikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva ta' flussi ta' migrazzjoni għall-migrazzjoni staġonali", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

Id-direttiva proposta tikkonċerna ċittadini mhux mill-UE li jiġu fi Stat Membru tal-UE għall-għan ta' impjieg staġonali f'territorju tal-UE. Ix-xogħol għandu jsir waqt kuntratt tax-xogħol wieħed jew aktar b'terminu fiss, konkluż(i) direttament bejn il-ħaddiem mhux mill-UE u min jimpjega stabbilit fi Stat Membru.

Il-proposta tintroduċi proċedura speċjali għall-ammissjoni u r-residenza ta' ħaddiema staġonali ta' pajjiżi terzi u tiddefinixxi d-drittijiet tagħhom filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi inċentivi għal migrazzjoni ċirkolari sabiex tipprevjeni li soġġorn temporanju jsir wieħed permanenti.

B'mod partikolari, il-proposta:

  • tistabbilixxi proċedura eħfef ta' ammissjoni ta' ħaddiema staġonali mhux mill-UE, ibbażata fuq definizzjonijiet u kriterji komuni, bħall-eżistenza ta' kuntratt tax-xogħol jew ta' offerta vinkolanti ta' impjieg li tispeċifika l-paga;

  • tistabbilixxi limitu ta' żmien standard għax-xogħol staġonali madwar l-UE kollha (6 xhur f'kull sena kalendarja);

  • tistipula permess ta' tliet snin għal aktar minn staġun wieħed jew proċedura ffaċilitata ta' ammissjoni mill-ġdid fl-istaġuni sussegwenti;

  • tiddefinixxi id-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema staġonali;

  • tintitola lill-ħaddiema staġonali għal trattament ugwali għal taċ-ċittadini tal-Istati Membri f'oqsma speċifiċi (libertà tal-assoċjazzjoni u l-affiljazzjoni, skemi ta' sigurtà soċjali, pensjonijiet statutarji miksuba relatati mad-dħul, aċċess għall-beni u s-servizzi, eċċ.);

  • tħalli lill-Istati Membri tal-UE liberi li jagħmlu test dwar is-suq tax-xogħol u li jiddeċiedu fuq kemm-il ħaddiem staġonali se jħallu jidħol; il-proposta ma toħloqx dritt għall-ammissjoni.

Sfond

Il-proposta tagħmel parti minn pakkett komprensiv ta' miżuri, propost fil-Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali tal-2005 u infurzat iktar permezz tal-Programm ta' Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2009. L-Unjoni Ewropea qed taffaċċja ħtieġa strutturali ta' ħaddiema staġonali minħabba li huwa mistenni li l-ħaddiema tal-UE f'dan il-qasam se jkunu dejjem anqas disponibbli. L-iżvilupp ta' politika dwar l-immigrazzjoni legali organizzata tajjeb għalhekk se jkompli jkollu rwol importanti sabiex jimla n-nuqqas ta' ħaddiema u jirreaġixxi għall-isfidi demografiċi futuri tal-Unjoni.

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

MEMO/10/323


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site