Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Organiżmi Ġenetikament Modifikati: L-Istati Membri jingħataw responsabbiltà sħiħa dwar il-koltivazzjoni fit-territorji tagħhom.

Commission Européenne - IP/10/921   13/07/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/921

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010

Organiżmi Ġenetikament Modifikati: L-Istati Membri jingħataw responsabbiltà sħiħa dwar il-koltivazzjoni fit-territorji tagħhom.

Illum il-Kummissjoni pproponiet li tagħti lill-Istati Membri l-libertà li jippermettu, jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-koltivazzjoni ta' Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OGM) f'parti jew fit-territorju tagħhom kollu. Filwaqt li ma jmissx xejn mis-sistema ta' awtorizzazzjoni GM msejsa fuq ix-xjenza tal-UE, il-pakkett adottat jikkonsisti f'Komunikazzjoni, Rakkomandazzjoni ġdida dwar il-koeżistenza ta' xtieli ġenetikament modifikati flimkien ma' xtieli konvenzjonali u/jew organiċi u abbozz ta' Regolament li jipproponi bidla fil-leġiżlazzjoni dwar l-OGM. Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida dwar il-koeżistenza tippermetti aktar flessibbiltà lill-Istati Membri filwaqt li żżomm kont tal-kundizzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali tagħhom huma u jadottaw miżuri dwar il-koeżistenza. Ir-regolament propost jemenda d-Direttiva 2001/18/KE sabiex jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-koltivazzjoni tal-OGM fit-territorju tagħhom.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli, qal: "F'Marzu li għadda l-Kummissjoni wiegħdet li se tippreżenta proposta komprensiva dwar il-politika tal-ġejjieni tagħna fir-rigward tal-koltivazzjoni GM sa ma jintemm is-sajf. Illum qiegħdin inżommu l-wegħda tagħna. Il-miżuri konkreti adottati llum se jagħtu lill-Istati Membri l-libertà li jiddeċiedu dwar il-koltivazzjoni tal-OGM. L-esperjenza bl-OGM s'issa turi li l-Istati Membri jeħtieġu aktar flessibbiltà biex jorganizzaw il-koeżistenza tax-xtieli ġenetikament modifikati u tipi oħra ta' xtieli bħax-xtieli konvenzjonali u organiċi." Il-Kummissarju żied jgħid: "L-għoti ta' libertà ġenwina għal raġunijiet għajr dawk imsejsa fuq il-valutazzjoni xjentifika tar-riskji għas-saħħa u l-ambjent jeħtieġ ukoll bidla fil-leġiżlazzjoni attwali. Nenfasizza li s-sistema ta' awtorizzazzjoni mifruxa mal-UE kollha, imsejsa fuq ix-xjenza solida, tibqa' kif inhi bis-sħiħ." Bħala konklużjoni: "Dan ifisser li evalwazzjoni tas-sikurezza magħmula bir-reqqa u sistema ta' sorveljanza msaħħa huma prijoritajiet fil-koltivazzjoni tal-OGM u għalhekk qed jiġu segwiti b'attenzjoni kbira. Il-Kummissjoni għandha l-impenn li twettaq azzjonijiet ta' segwitu dwarhom qabel tmiem is-sena."

Mil-lum, approċċ iktar flessibbli dwar il-koltivazzjoni

Is-sistema stretta ta' awtorizzazzjoni diġà stabbilita, li hija msejsa fuq ix-xjenza, is-sikurezza u l-għażla tal-konsumatur, tiba' kif inhi.

Bil-libertà l-ġdida mogħtija lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-koltivazzjoni, qed jingħata sinjal qawwi liċ-ċittadini li l-Ewropa tqis il-problemi tagħhom, li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, fir-rigward tal-OMG. L-approċċ il-ġdid għandu l-għan li jikseb bilanċ tajjeb bejn li tinżamm is-sistema ta' awtorizzazzjoni tal-UE u l-libertà għall-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-koltivazzjoni tal-OMG fit-territorju tagħhom. Il-proposta twettaq u timxi fuq il-linji gwida tal-politika tal-President Barroso, ippreżentati f'Settembru 2009. Iż-żieda ta' din il-libertà mal-qafas leġiżlattiv għall-OMG għandha tippermetti li s-sistema ta' awtorizzazzjoni għall-OMG taħdem b'mod aktar effettiv. Bħala l-ewwel pass bil-leġiżlazzjoni attwali, ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tal-lum dwar linji gwida għall-iżvilupp ta' miżuri nazzjonali ta' koeżistenza tieħu post ir-rakkomandazzjoni ta' qabel tal-2003.

Ir-Rakkomandazzjoni ta' qabel rabtet b'mod dirett it-twaqqif ta' miżuri ta' koeżistenza mar-rispett tal-limitu ta' 0,9% għall-ittikkettjar tal-ikel, għalf jew prodotti bħala ġenetikament modifikati intiżi għall-ipproċessar dirett. L-Istati Membri ntalbu jillimitaw il-miżuri ta' koeżistenza (pereżempju, it-tul tad-distanzi bejn għelieqi GM u għelieqi mhux GM) biex ikunu konformi mal-preżenza ta' 0,9% GM fi xtieli oħra.

L-esperjenza miksuba dawn l-aħħar snin turi li t-telf potenzjali fid-dħul għall-produtturi li ma jipproduċux GM, bħal produtturi organiċi u xi kultant produtturi konvenzjonali, mhux marbut biss ma li ma jinqabiżx il-limitu għall-ittikkettjar. F'ċerti każijiet, il-preżenza ta' OGM f'ċerti prodotti tal-ikel tista tikkawża ħsara lill-operaturi li jkunu jixtiequ jikkummerċjalizzawhom bħala li ma fihomx OGM.

Il-linji gwida mingħajr irbit inklużi fir-Rakkomandazzjoni l-ġdida dwar il-koeżistenza jirriflettu aħjar il-possibbiltà pprovduta fil-leġiżlazzjoni attwali (Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE) biex l-Istati Membri jadottaw miżuri li jevitaw il-preżenza bla ħsieb ta' OGM fix-xtieli konvenzjonali u organiċi. Dan iħalli wisa' wkoll għall-miżuri li għandhom l-għan li jillimitaw il-kontenut ta' OMG fl-ikel u l-għalf konvenzjonali għal livelli taħt il-limitu għall-ittikkettjar ta' 0.9%. Ir-Rakkomandazzjoni tiċċara wkoll li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu żona "Ħielsa mill-OMG" u din ir-Rakkomandazzjoni ġdida tipprovdi gwida aħjar lill-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċi għall-koeżistenza. L-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza se jkompli jiżviluppa flimkien mal-Istati Membri l-aqwa prassi għall-koeżistenza kif ukoll linji gwida tekniċi dwar kwistjonijiet marbuta magħha.

Ċertezza legali għall-ġejjieni

Il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 2001/18/KE għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali għall-Istati Membri meta jiddeċiedu dwar il-koltivazzjoni OGM għal raġunijiet għajr dawk imsejsa fuq valutazzjoni xjentifika tar-riskji għas-saħħa u l-ambjent. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi artikolu ġdid (26b), li jkun applikabbli għall-OGM kollha li se jiġu awtorizzati għall-koltivazzjoni fl-UE, jew bid-Direttiva 2001/18/KE jew bir-regolament (KE) Nru 1829/2003.

L-Istati Membri jkunu jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-koltivazzjoni OMG f'parti jew fit-territorju tagħhom kollu mingħajr rikorsa tal-klawżola ta' salvagwardja. Id-deċiżjonijiet tagħhom mhux se jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, iżda l-Istati Membri se jkollhom jinfurmaw lis-Stati Membri l-oħra u l-Kummissjoni bl-adozzjoni tal-miżuri tagħhom minn xhar qabel. L-Istati Membri se jkollhom ukoll jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tat-Trattati u s-Suq Uniku, u jkunu konsistenti mal-obbligi internazzjonali tal-UE.

Fl-istess waqt, is-sistema ta' awtorizzazzjoni tal-UE, imsejsa fuq valutazzjoni xjentifika tar-riskji għas-saħħa u l-ambjent se tinżamm u tittejjeb, biex b'hekk jiġu żgurati l-ħarsien tal-konsumaturi u t-tħaddim tas-suq intern għaż-żrieragħ ġenetikament modifikati u dawk li mhumiex, kif ukoll għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat.

Il-proposta leġiżlattiva se tkun adottata permezz tal-kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara:

MEMO/10/325

http://ec.europa.eu/food/food/biotechnology/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site