Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/918

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2010

Il-Kummissjoni tipproponi pakkett biex issaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi u l-fiduċja tagħhom fis-servizzi finanzjarji

Bħala parti minn xogħolha li toħloq sistema finanzjarja iktar sikura u iktar b’saħħitha, biex tevita kriżi fil-ġejjieni u biex terġa’ tagħti lura lill-konsumaturi l-fiduċja f’din is-sistema, l-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet bidliet fir-regoli eżistenti Ewropej sabiex tkompli ttejjeb il-ħarsien ta’ dawk li għandhom kontijiet fil-banek u tal-investituri mhux professjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-għażliet biex jittejjeb il-ħarsien ta’ dawk li għandhom polza tal-assigurazzjoni, inkluża l-possibbiltà li jitwaqqfu Skemi għall-Garanzija tal-Assigurazzjoni fl-Istati Membri kollha. Għal dawk li għandhom kont fil-bank, il-miżuri li ġew adottati llum ifissru li jekk il-bank tagħhom ifalli, huma jirċievu flushom lura iktar malajr (fi żmien sebat ijiem) u li jirċievu iktar flus lura (sa EUR 100 000), u jfissru wkoll li huma se jkunu infurmati aħjar dwar kif u f’liema ċirkustanzi huma protetti. Għall-investituri li jużaw is-servizzi tal-investiment, il-Kummissjoni tipproponi kumpens iktar malajr jekk il-kumpanija tal-investiment tonqos milli tagħti lura l-assi tal-investitur minħabba xi frodi, minħabba prattiki amministrattivi ħżiena jew minħabba żbalji operazzjonali, filwaqt li l-ammont tal-kumpens se jiżdied minn EUR 20 000 għal EUR 50 000. L-investituri se jirċievu wkoll tagħrif aħjar dwar meta l-iskema tal-kumpens se tkun tapplika u se jitħarsu iktar mill-miżapproprjazzjonijiet qarrieqa f’każ li l-assi tagħhom ikunu qed jinżammu minn terzi persuni – bħal fil-każ li kien hemm dan l-aħħar tas-Sur Madoff. Il-proposti, li jikkonformaw għal kollox mal-impenji tal-UE fil-grupp tal-G20, issa qed jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri għall-kunsiderazzjoni tagħhom.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “L-adozzjoni tal-pakkett tal-lum hija l-iktar sforz riċenti tal-Kummissjoni li jwassal għal iktar trasparenza u responsabbiltà fis-sistema finanzjarja Ewropea sabiex tiġi evitata u ttrattata kwalunkwe kriżi li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni. Il-konsumaturi Ewropej jixirqilhom aħjar. Jeħtieġu serħan il-moħħ li l-flus li għandhom imfaddla, li l-investimenti u li l-poloz tal-assigurazzjoni tagħhom huma mħarsa jkunu bbażati fejn ikunu fl-Ewropa. Sabiex dan iseħħ fil-verità, issa nistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jimxu ’l quddiem malajr fl-approvazzjoni tal-pakkett tal-lum.”

Il-ħarsien tal-flus li għandek imfaddla

Il-kriżi finanzjarja ta’ dan l-aħħar għal darb’oħra wriet kemm il-banek huma suxxettibbli għar-riskju tal-assalti bankarji – jiġifieri meta dawk li għandhom il-kontijiet fihom jaħsbu li l-flus li għandhom imfaddla mhumiex sikuri u jippruvaw jiġbduhom kollha f’daqqa. Sa mill-1994 ’l hawn, id-Direttiva 94/19/KE tiżgura li l-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ sistema ta’ protezzjoni għal dawk kollha li għandhom il-kontijiet fil-banek. Jekk bank jingħalaq u ma jibqax fin-negozju, l-Iskemi nazzjonali ta’ Garanzija tad-Depożiti għandhom iħallsu lura ammont li jkun jilħaq ċertu livell ta' kopertura lil kull min ikollu kont f’dak il-bank.

Meta ġiet fuqna l-kriżi finanzjarja fl-2008, saru xi emendi bħala soluzzjoni ta’ malajr, l-iktar sabiex il-livell ta’ kopertura jiżdied għal EUR 100 000 (f’żewġ stadji) u sabiex titwarrab il-possibbiltà li wieħed jimplimenta l-koassigurazzjoni (jiġifieri l-fatt li dawk li għandhom kont fil-bank ma jitħallsux bis-sħiħ, imma jkollhom iġarrbu t-telf ta’ perċentwal speċifiku mill-ammont mitluf tagħhom, ukoll meta l-ammont mitluf ikun se jkun inqas mil-limitu tal-kopertura). Madanakollu, minħabba li ġew innutati iktar nuqqasijiet fl-iskemi eżistenti, il-Kummissjoni issa qed tressaq proposta sabiex id-Direttiva tal-1994 tiġi emendata bis-sħiħ u sabiex ikun żgurat li nitgħallmu l-lezzjonijiet kollha mill-kriżi.

L-elementi ewlenin tal-proposta huma dawn li ġejjin:

  • Kopertura aħjar: issa hija kkonfermata ż-żieda fil-kopertura għal EUR 100 000 sa tmiem din is-sena. Dan ifisser li 95 % minn dawk kollha li għandhom kontijiet fil-banek fl-UE se jieħdu lura l-flus imfaddla tagħhom kollha jekk il-bank tagħhom ifalli. Il-kopertura issa tinkludi l-kumpaniji ż-żgħar, il-kbar u dawk ta' daqs medju, kif ukoll il-muniti kollha. Id-depożiti kollha tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll il-prodotti strutturati tal-investiment u ċ-ċertifikati tad-dejn mhumiex inklużi.

  • Ħlasijiet lura iktar ta’ malajr: dawk li għandhom kont fil-bank se jitħallsu lura fi żmien sebat ijiem. Dan huwa titjib kbir, għax illum il-ġurnata ħafna minn dawk li għandhom kont fil-bank jistennew ġimgħat sħaħ, u saħansitra x-xhur biex jingħataw flushom lura. Sabiex jitħaffef dan il-ħlas lura fi żmien tant qasir, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jgħarrfu minn kmieni lid-diretturi tal-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti dwar xi problemi fil-banek. Il-banek se jkollhom isemmu b’mod speċifiku fir-reġistri tal-kontabbiltà tagħhom jekk id-depożiti humiex protetti jew le.

  • Inqas burokrazija: per eżempju, jekk inti toqgħod il-Portugall u għandek kont f’bank li qed ifalli li huwa bbażat fl-Isvezja, l-iskema Portugiża tħallsek lura fuq inizjattiva tagħha stess u sservi bħala l-punt ta’ kuntatt tiegħek. Imbagħad l-iskema Svediża tħallas lura lil dik Portugiża. Dan se jtejjeb ferm is-sitwazzjoni attwali, li fiha l-korrispondenza kollha trid issir permezz tal-iskema tal-pajjiż fejn ikunu jinsabu l-kwartieri ġenerali tal-bank. L-approċċ il-ġdid se jwassal għal inqas burokrazija u għal ħlasijiet lura iktar malajr.

  • Tagħrif aħjar: dawk li għandhom kont fil-bank se jkunu infurmati aħjar dwar xi tkopri l-iskema tagħhom u dwar kif taħdem permezz ta’ mudell ġdid standard li jkun jinftiehem faċilment, kif ukoll permezz ta’ tagħrif fuq ir-rendikont tal-kont bankarju tagħhom.

  • Finanzjament fit-tul u b’mod responsabbli: intwera tħassib dwar il-fatt li l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti m’għandhomx fondi biżżejjed. Il-proposti tal-lum se jiżguraw li dawn issa huma ffinanzjati aħjar permezz ta’ approċċ li fih erba’ stadji. L-ewwel nett, finanzjament sod minn qabel jipprovdi riżerva soda. It-tieni nett, jekk ikun meħtieġ, dan l-ammont jista’ jiżdied permezz ta’ kontributi li jsiru wara. It-tielet nett, jekk dan l-ammont ikun għadu mhux biżżejjed, l-iskemi jistgħu jissellfu ammont limitat minn skemi oħrajn (“is-self reċiproku”). Ir-raba’ nett, l-aħħar għażla tkun li jsiru arranġamenti oħra ta’ finanzjament għal dak li jista’ jinqala’. Kif isir diġà, l-kontributi se jitħallsu mill-banek. Madanakollu, huma se jiġu kkalkulati b’mod iktar ġust minħabba li se jkunu aġġustati skont ir-riskju marbut mal-banek individwali.

L-Ewropej mhux se jgawdu biss minn protezzjoni aħjar tal-flus imfaddla tagħhom, iżda issa se jkunu jistgħu jagħżlu wkoll l-aqwa prodott tat-tfaddil mill-pajjiżi kollha tal-UE mingħajr ma joqogħdu jinkwetaw dwar id-differenzi fil-protezzjoni. Il-banek se jibbenefikaw minn din il-proposta minħabba li se jkunu jistgħu joffru prodotti kompetittivi fl-UE kollha mingħajr ma jkunu mxekkla mit-tali differenzi. Barra minn hekk, dawk li jħallsu t-taxxa se jgawdu minn finanzjament aħjar tal-iskemi – ħaġa li se tnaqqas ferm il-possibbiltà ta’ intervent min-naħa tal-istat.

Ħafna mit-titjib jista’ jiddaħħal fis-seħħ sa mill-2012 u l-2013, u jkun japplika fl-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll fin-Norveġja, fl-Islanda u fil-Liechtenstein, ladarba jiddaħħal fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Ara wkoll id-dokument MEMO/10/318

Il-ħarsien tal-investimenti tiegħek

Sa mill-1997 ’l hawn, id-Direttiva dwar l-Iskemi ta’ Kumpens għall-Investituri (id-Direttiva 97/9/KE) ipproteġiet lill-investituri li jużaw is-servizzi tal-investiment fl-Ewropa billi tat kumpens f’każijiet fejn il-kumpanija tal-investiment ma tkunx tista’ tagħti lura lill-investitur l-assi tiegħu. Dan jista' jseħħ, pereżempju, meta jkun hemm frodi jew nuqqas ta’ ħsieb min-naħa tal-kumpanija, jew meta jkun hemm żbalji jew problemi fis-sistemi tal-kumpanija. Din ma toffrix ħarsien mir-riskji tal-investiment bħala tali. Bħalissa hemm fis-seħħ 39 skema ta’ kumpens għall-investituri fis-27 Stat Membru tal-UE.

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’xi Stati Membri. Dawn l-ilmenti kellhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet bħall-fatt li l-iskemi ma kellhomx biżżejjed fondi biex iħallsu l-klejms jew li kien hemm dewmien kbir fil-ħlas lura tal-klejms.

Il-proposta tal-lum għandha l-għan li tiżgura li r-regoli dwar il-ħarsien tal-investituri jkunu iktar effiċjenti, li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs f’dak li għandu x’jaqsam mat-tipi ta’ strumenti finanzjarji li huma protetti u li jkun hemm fondi xierqa u l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-investituri jingħataw kumpens.

L-elementi ewlenin tal-proposta huma dawn li ġejjin:

  • Kopertura aħjar: bħalissa l-livell minimu ta’ kumpens għall-investituri huwa ta’ EUR 20 000. Bil-proposta tal-Kummissjoni, dan il-livell se jiżdied għal EUR 50 000 għal kull investitur.

  • Ħlasijiet lura iktar ta’ malajr: skont il-leġiżlazzjoni attwali, xi kultant jistgħu jgħaddu diversi snin qabel ma l-investituri jirċievu xi kumpens. Dan għandu jinbidel bil-proposta tal-Kummissjoni, li permezz tagħha l-investituri se jirċievu l-kumpens sa mhux aktar tard minn disa’ xhur wara li l-kumpanija tal-investiment tkun falliet. Madanakollu, jeħtieġ li jkun hemm dan il-perjodu taż-żmien sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jinvestigaw il-każ u jistabbilixxu l-pożizzjonijiet tal-investituri individwali.

  • Tagħrif aħjar: l-investituri għandhom jirċievu tagħrif iktar ċar u estensiv dwar sa fejn huma koperti l-assi tagħhom. Pereżempju, riskju tal-investiment – investiment li jitlef il-valur tiegħu minħabba li s-suq tal-ishma jkun sejjer lura jew minħabba li min ikun ħareġ l-ishma jkun falla – mhuwiex kopert b’din id-Direttiva.

  • Finanzjament fit-tul u b’mod responsabbli: sa mill-1997 ’l hawn, kien hemm għadd ta’ każijiet fl-Istati Membri ta’ skemi li ma kellhomx biżżejjed fondi biex jagħmlu tajjeb għat-telf tal-assi tal-investituri. Bil-proposta tal-Kummissjoni, se jiddaħħal livell minimu ta’ fondi li jkun fil-mira – fondi li jeħtieġ li jkunu kollha ffinanzjati minn qabel. Jekk ikun hemm bżonn, l-iskemi jistgħu jissellfu ammont limitat ta’ flus minn skemi oħrajn u jużaw arranġamenti oħra ta’ finanzjament bħala l-aħħar għażla (“is-self reċiproku”). Il-kontributi se jitħallsu mill-kumpaniji tal-investiment.

  • Ħarsien usa’: bħalissa, l-investituri mhux bil-fors li jkunu mħarsa jekk il-kumpanija tal-investiment tuża parti terza bħala kustodju biex iżomm l-assi tal-klijenti u dik il-parti terza tonqos milli tagħti lura l-assi investiti. Bl-istess mod, dawk li jkollhom unitajiet fil-fondi tal-investiment jistgħu jsofru telf jekk id-depożitarju jew is-sottokustodju tal-fond ifalli. Il-każ ta’ frodi fuq l-investimenti tas-Sur Madoff fl-2008 huwa eżempju riċenti ta’ dan. Issa l-Kummissjoni qed tipproponi li dawn is-sitwazzjonijiet ikunu koperti wkoll.

Ħafna mit-titjib jista’ jiddaħħal fis-seħħ sa tmiem l-2012, u jkun japplika għall-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll għan-Norveġja, għall-Islanda u għal-Liechtenstein, ladarba jiddaħħal fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Ara wkoll id-dokument MEMO/10/319

It-titjib tal-ħarsien ta’ dawk li għandhom polza tal-assigurazzjoni

Skemi għall-Garanzija tal-Assigurazzjoni jipprovdu ħarsien tal-konsumaturi, bħala l-aħħar għażla, f’każ li l-kumpanija tal-assigurazzjoni ma tkunx tista’ żżomm mal-impenn tal-kuntratt tagħha, u b’hekk joffru ħarsien mir-riskju li l-klejms ma jkunux jistgħu jitħallsu jekk il-kumpanija tal-assigurazzjoni tingħalaq.

L-Iskemi għall-Garanzija tal-Assigurazzjoni jipprovdu ħarsien billi jħallsu kumpens lill-konsumaturi, jew billi jiżguraw li l-kuntratt tal-assigurazzjoni tagħhom jibqa’ validu, pereżempju billi jiffaċilitaw it-trasferiment tal-poloz lil kumpanija tal-assigurazzjoni li għandha flus biżżejjed biex tħallas id-dejn jew lill-iskema tal-garanzija stess. Għall-kuntrarju tas-setturi tal-banek u tat-titoli, llum il-ġurnata m’hemm l-ebda leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskemi ta’ garanzija tas-settur tal-assigurazzjoni. Bħalissa, tnax-il Stat Membru jużaw skema waħda jew aktar għall-garanzija tal-assigurazzjoni li jkopru l-poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja u/jew poloz tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja. Dawn ivarjaw mhux biss f’termini tal-ħarsien u l-eliġġibbiltà, iżda wkoll f’termini ta’ meta għandhom jintervjenu u kif se jiġu ffinanzjati pereżempju.

Fil-“White Paper” li ġiet adottata llum, il-Kummissjoni tagħti għażliet differenti sabiex tiżgura livell ta’ ħarsien tal-konsumaturi fl-UE li jkun ġust u komprensiv, kif ukoll biex tħares mill-bżonn li dawk li jħallsu t-taxxi jġarrbu t-telf f’każ li kumpanija tal-assigurazzjoni tfalli. B’mod partikulari, hija tipproponi li tiddaħħal direttiva sabiex tiżgura li jkun hemm skemi għall-garanzija tal-assigurazzjoni fl-Istati Membri kollha u sabiex tiżgura li dawn ikunu konformi ma’ sett minimu ta’ rekwiżiti. Il-“White Paper” dwar l-Iskemi għall-Garanzija tal-Assigurazzjoni hija miftuħa għall-konsultazzjoni u l-partijiet interessati kollha huma mistiedna jibagħtu l-kummenti tagħhom u iktar dettalji sat-30 ta’ Novembru 2010.

Ara wkoll id-dokument MEMO/10/320

Għal aktar tagħrif:

dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti, ara s-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/bank/guarantee/index_en.htm

dwar l-Iskemi ta’ Kumpens għall-Investituri, ara s-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/isd/investor_en.htm

dwar l-Iskemi għall-Garanzija tal-Assigurazzjoni, ara s-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/insurance/guarantee_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website