Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/917

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2010

Il-gvernijiet tal-UE approvaw l-ewwel użu mill-Unjoni Ewropea tal-kooperazzjoni msaħħa maħsuba biex tgħin lil koppji internazzjonali

Il-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea taw l-approvazzjoni tagħhom lil 14-il pajjiż tal-UE biex imexxu ’l quddiem bir-regoli li jippermettu lil koppji internazzjonali biex jagħżlu l-liġi tal-pajjiż li se tapplika għad-divorzju tagħhom. Ir-regoli l-ġodda, li għad iridu jiġu approvati, se jippermettu lil koppji biex jevitaw proċeduri emozzjonali u li jiswew il-flus. Din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-UE li l-pajjiżi użaw il-mekkaniżmu tal-"kooperazzjoni msaħħa", li jippermetti lil grupp ta' mill-inqas disa' nazzjonijiet biex jimplimentaw miżuri jekk ma jintlaħaqx ftehim bejn is-27 Stat Membru. Il-kooperazzjoni msaħħa għalissa se tapplika fl-14-il pajjiż parteċipanti tal-UE, iżda l-oħrajn jistgħu jissieħbu fi kwalunkwe żmien.

"Il-vot tal-lum huwa storiku. Jien ninsab kburija ħafna li l-Kunsill ħa din id-deċiżjoni kuraġġuża biex juża din l-għodda leġiżlattiva għall-ewwel darba. L-esperjenzi diffiċli għal koppji internazzjonali u għat-tfal tagħhom daqt se jittaffew, " qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza. "Dan il-pass storiku juri li l-UE tista' tirreaġixxi malajr għall-problemi reali tal-bniedem. Billi naħdmu flimkien, aħna nistgħu nipprovdu serħan tal-moħħ u ntejbu ċ-ċertezza legali għal koppji internazzjonali meta jaffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli. 14-il Stat Membru huwa bidu tajjeb; Nispera li l-pajjiżi kollha se jissieħbu biex b'hekk iktar ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-kooperazzjoni msaħħa."

Il-proċess biex tinbeda l-proċedura tal-kooperazzjoni msaħħa jista' jibda minnufih. L-14-il pajjiż parteċipanti (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja) issa se jinnegozjaw u mbagħad jivvotaw dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li fih jinsabu d-dettalji dwar liema regoli japplikaw f'każijiet ta' divorzju internazzjonali. L-14-il pajjiż iridu japprovaw b'mod unanimu r-regoli u jikkonsultaw il-Parlament Ewropew qabel ma jidħol fis-seħħ ir-Regolament.

Il-proposta għandha l-għan li tipproteġi s-sieħeb l-iktar dgħajjef matul tilwim dwar divorzju. Koppji internazzjonali se jkunu kapaċi jaqblu dwar liema liġi se tapplika għad-divorzju jew is-separazzjoni legali tagħhom. Fil-każ li l-koppja ma tkunx tista' taqbel, l-imħallfin se jkollhom regola komuni biex jiddeċiedu liema liġi tal-pajjiż se tapplika. Il-koppji se jkollhom iktar ċertezza legali, prevedibbiltà u flessibbiltà. Dan se jgħin biex jipproteġi l-konjuġi u t-tfal tagħhom minn proċeduri kkumplikati, imġebbdin u diffiċli.

Is-soluzzjoni l-ġdida se tgħin lil koppji ta' nazzjonalitajiet differenti, lil dawk li jgħixu separati f'pajjiżi differenti kif ukoll dawk li jgħixu flimkien f'pajjiż li mhuwiex il-pajjiż ta' orġini tagħhom. Il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE hija ċara: Kien hemm iktar minn miljun divorzju fis-27 Stat Membru fl-2007, li minnhom 140,000 (13%) kellhom element "internazzjonali".

Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-miżura ta' kooperazzjoni msaħħa fis-16 ta' Ġunju 2010 (IP/10/747). Il-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE approvawha fl-4 ta' Ġunju (MEMO/10/236).

Il-Kummissjoni pproponiet il-miżura fl-24 ta' Marzu 2010 (IP/10/347) bi tweġiba għal talba minn disa' Stati Membri li kienu frustrati bin-nuqqas tal-Kunsill li jimxi ’il quddiem dwar proposta tal-Kummissjoni tal-2006 (għall-bidu l-Greċja kienet parti mill-pjan u iktar tard irtirat it-talba tagħha). Minn dakinhar, ħames pajjiżi addizzjonali – il-Ġermanja, il-Belġju, il-Latvja, Malta u l-Portugall - talbu li jkunu parti mill-azzjoni tal-UE (IP/10/628).

Pajjiżi oħra li jridu jipparteċipaw jistgħu jagħmlu dan f'kull żmien. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, il-pajjiżi li jkunu jixtiequ jipparteċipaw iridu jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Sfond

Skont it-Trattati tal-UE, il-kooperazzjoni msaħħa tippermetti lil disa' pajjiżi jew aktar biex jimxu ’l quddiem dwar miżura li hija importanti, iżda li tkun imblukkata minn minoranza żgħira ta' Stati Membri. Pajjiżi oħra tal-UE jżommu d-dritt li jissieħbu meta jridu (l-Artikolu 331, Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).

Il-Kummissjoni l-ewwel ipproponiet li tgħin lil koppji internazzjonali fl-2006, iżda l-pjan ma kellux l-appoġġ unanimu meħtieġ mill-gvernijiet tal-UE. Ir-Regolament propost m'għandu l-ebda effett fuq id-divorzju nazzjonali jew il-liġijiet taż-żwieġ.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/10/100

Il-proposti tal-Kummissjoni huma disponibbli fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/doc/com_2010_105_en.pdf

Il-paġna ewlenija ta' Viviane Reding, Viċi-President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site