Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/907

Brussell, 7 ta' Lulju 2010

Pakkett ġdid ta' Investiment tal-UE maħsub biex jagħti spinta lill-kummerċ u biex isostni d-drittijiet tal-investituri

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħadet l-ewwel pass lejn politika Ewropea komprensiva għall-investiment internazzjonali b'żewġ inizjattivi. Dokument ta' politika jispjega kif il-kompetenza l-ġdida tal-UE dwar l-investiment barrani dirett tista' tintuża biex tagħti spinta lill-kompetittività u lill-kummerċ li jirriżultaw fi tkabbir ekonomiku u impjiegi. Fl-istess ħin, abbozz ta' regolament jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali li joffru garanziji dwar trattati bilaterali eżistenti jew pendenti tal-investiment konklużi bejn l-UE u l-pajjiżi mhux fl-UE. Skont it-Trattat ta' Lisbona, il-politika tal-investiment għandha titmexxa u tiġi żviluppata f'livell Ewropew waqt li tagħti lill-UE id ta' negozjar b'saħħitha biex twassal protezzjoni aħjar tal-investimenti għan-negozji kollha Ewropej.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ, Karel De Gucht, qal li "l-investituri Ewropej jeħtieġu ambjenti kummerċjali miftuħa, b'saħħithom u prevedibbli biex jiffjorixxu u dawn il-proposti jimmiraw li jsaħħu l-abbiltà tal-UE biex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għalihom. Fit-tul, politika komprensiva għall-investiment għandha żżomm lill-Ewropa bħala l-attur ewlieni fid-dinja fil-qasam tal-investiment barrani dirett, tiżgura l-aħjar trattament għan-negozji Ewropej kollha, issaħħaħ it-tkabbir u toħloq l-impjiegi f'dan iż-żmien kruċjali."

Il-pakkett ta' investiment huwa magħmul minn żewġ dokumenti: L-ewwel, id-dokument ta' politika 'Lejn politika Ewropea komprensiva għall-investiment internazzjonali', li jesplora kif il-politika ta' investiment tista' tikkontribwixxi bl-aħjar mod għal tkabbir ekonomiku affidabbli, sostenibbli u inklussiv – il-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020. It-tieni, proposta għal Regolament li għandu jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali rigward dawk il-ftehimiet bilaterali ta' investiment li l-pajjiżi tal-UE kkonkludew ma' partijiet oħra tad-dinja qabel it-Trattat ta' Liżbona. Hawnhekk, il-Kummissjoni tat sigurtà legali għall-investituri tal-UE u dawk barranin, mingħajr ma xekklet il-kapaċità tal-UE biex tinnegozja t-trattati tal-investiment il-ġodda fil-lievll tal-UE.

L-isfond

L-investiment barrani dirett huwa kontributur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku. Huwa joħloq l-impjiegi, jottimizza l-allokazzjoni tar-riżorsi, jippermetti t-trasferiment tat-teknoloġija, u jagħti spinta lill-kummerċ. L-UE hija l-akbar attur dinji fil-qasam tal-Investiment Barrani Dirett (IBD). Sal-2008 il-kapital ta' IBD li ħareġ kien jammonta għal 3,3 triljun Euro filwaqt li l-kapital akkwistat tal-UE kien jammonta għal 2,4 triljun Euro.

Dawn l-investimenti huma garantiti permezz ta' Trattati Bilaterali ta' Investment (TBI). Huma jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet għall-investiment permezz taċ-ċittadini u l-kumpaniji ta' pajjiż wieħed f'pajjiż ieħor u jistabbilixxu livell legali li jorbot ta' protezzjoni biex ikunu inkoraġġuti l-flussi għall-investiment bejn iż-żewġ pajjiżi. Fost affarijiet oħra, it-TBI jipprovdu lill-investituri bi trattament ġust, ekwitabbli u mhux diskriminatorju, b'ħarsien mill-espropriazzjoni kontra l-liġi u b'rikors dirett għall-arbitrazzjoni internazzjonali. L-Istati tal-UE huma l-utenti ewlenin tat-TBI globalment, b'għadd totali ta' madwar 1200 trattat bilaterali li diġà ġew konklużi.

Għal aktar tagħrif

Folja għall-mistoqsijiet u t-tweġibiet tista' tinstab fuq:

http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=590

Id-dokument ta' politika jista' jinstab fuq/L-abbozz ta' Regolament huwa aċċessibbli hawn:

http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=591


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website