Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/906

Strasburgu, is-7 ta' Lulju 2010

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa jibdew taħdidet konġuniti dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Illum ingħata bidu għal taħdidiet uffiċjali dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB). Thorbjørn Jagland, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, u Viviane Reding, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, taw il-bidu għal dan il-proċess konġunt f'laqgħa fi Strasburgu. Huma ddiskutew kif jista' jinkiseb progress fil-proċess biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-aktar fis possibbli minn protezzjoni aktar b'saħħitha u koerenti tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa.

Il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza qalet, "Illum huwa tassew mument storiku. Aħna qegħdin nimlew vojt fis-sistema Ewropea tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, niggarantixxu l-koerenza bejn l-approċċi tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Unjoni Ewropea. L-UE għandha rwol importanti fit-tisħiħ ulterjuri tas-sistema tad-drittijiet fundamentali tal-Konvenzjoni. Aħna diġa' għandna l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħna, li tirrapreżenta l-aktar kodifikazzjoni moderna ta' drittijiet fundamentali fid-dinja. Din hija prekondizzjoni tajba ferm għal laqgħa ta' mħuħ b' suċċess bejn l-imsieħba tan-negozjati."

Min-naħa tiegħu Thorbjørn Jagland, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, qal: "Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem hija r-referenza essenzjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għall-Ewropa kollha. Billi taċċetta li tissottometti l-ħidma tal-istituzzjonijiet tagħha għall-istess regoli tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istess skrutinju li japplika għad-demokraziji Ewropej kollha, l-Unjoni Ewropea qiegħda tibgħat messaġġ qawwi - li l-Ewropa qiegħda tinbidel - u li dawk li huma fost l-aktar influwenti u b'saħħithom jinsabu lesti li jaċċettaw il-parti tagħhom mir-responsabbiltà għal dik il-bidla u f'dik il-bidla."

L-adeżjoni tal-UE għall-KEDB ser tpoġġi lill-Ewropa fuq l-istess kundizzjonijiet tal-Istati Membri tagħha fir-rigward tas-sistema tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ssorveljata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu. Hija ser twassal biex leħen l-UE jibda jinstema' f'każi li jitressqu quddiem il-Qorti ta' Strasburgu. Bl-adeżjoni tagħha, l-UE ser issir it-48 firmatarju tal-KEDB. L-UE ser ikollha l-imħallef tagħha fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.

L-adeżjoni se tipprovdi wkoll possibilità ġdida ta' rimedji għall-individwi. Huma se jkunu jistgħu jressqu lmenti – wara li jkunu eżawrew ir-rimedji domestiċi – dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali mill-UE quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Sfond

L-adeżjoni għal-UE għall-KEDB hija skont l-Artikolu 6 tat-Trattat ta' Lisbona u prevista mill-Artkolu 59 tal-KEDB kif emendat mill-Protokoll 14.

Fis-17 ta' Marzu, il-Kummissjoni pproponiet Direttivi ta' nnegozjar għall-adeżjoni tal-UE għall-KEDB (IP/10/291). Fl-4 ta' Ġunju, il-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE taw il-mandat lill-Kummissjoni biex tmexxi n-negozjati f'isimhom. Fis-26 ta' Mejju, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ta' mandat ad-hoc lill-Kumitat ta' Tmexxija għad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jelabora mal-UE l-istrument legali meħtieġ għall-adeżjoni tal-UE għall-KEDB.

Il-passi li jmiss

Mil-lum, negozjaturi mill-Kummissjoni u esperti mill-Kumitat ta' Tmexxija għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ser jibdew jiltaqgħu regolarment sabiex jaħdmu fuq il-ftehim ta' adeżjoni. Fi tmiem il-proċess, il-ftehim dwar l-adeżjoni ser jiġi konkluż bejn is-47 parti kontraenti tal-KEDB u tal-UE (b'deċiżjoni unanima tal-Kunsill tal-UE, il-Parlament Ewropew, li għandu jiġi informat bis-sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjati, għandu jagħti l-kunsens tiegħu ukoll). Id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehom għandha tiġi rratifikata mill-Istati Membri tal-UE. Il-ftehim ta' adeżjoni ser jiġi rratifikat ukoll mis-47 parti kontraenti għall-KEDB skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, fosthom dawk li huma wkoll Stati Membri tal-UE. Iż-żewġ naħat ikkommettew ruħhom għal konklużjoni rapida u mingħajr problemi tat-taħdidiet, biex b'hekk l-adeżjoni tkun tista' sseħħ mill-aktar fis possibbli.

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi-President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Il-paġna fuq l-internet ta' Thorbjørn Jagland, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa: http://www.coe.int/T/SECRETARYGENERAL/SG/ 

Il-Kummissjoni Ewropea:

Matthew NEWMAN: +32 2.296.24.06

Mina Andreeva: +32 2.299.13.82

Il-Kunsill tal-Ewropa:

Giuseppe ZAFFUTO +33 3.90.21.56.04

giuseppe.zaffuto@coe.int


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site