Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/905

Brussell, 7 ta’ Lulju 2010

L-UE tniedi taħdita pubblika dwar il-ġejjieni tal-pensjonijiet

Il-Kummissjoni Ewropea llum nidiet taħdita pubblika mal-Ewropa kollha dwar kif tiżgura pensjonijiet xierqa, sostenibbli u li dwarhom ikun hemm iktar ċertezza u kif l-UE tista' bl-aħjar mod tappoġġa l-isforzi nazzjonali. It-tixjieħ fil-popolazzjoni fl-Istati Membri kollha qiegħdet is-sistemi attwali ta' pensjoni taħt pressjoni kbira u l-kriżi finanzjarja u ekonomika kompliet iżżid din il-pressjoni. Id-dokument ta' konsultazzjoni, Green Paper, iressaq sensiela ta' mistoqsijiet u jistieden lill-partijiet interessati kollha jikkontribwixxu fehmiet, opinjoniet u ideat dwar l-isfida tal-pensjoni – waħda mill-ikbar sfidi li għandhom quddiemhom l-Ewropa u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja llum – u dwar kif l-UE tista' tagħti sehemha biex jinstabu s-soluzzjonijiet.

Huwa u jippreżenta d-dokument ta' konsultazzjoni, u b'sostenn sħiħ tal-Kummissarji Olli Rehn (Affarijiet ekonomiċi u Monetarji) u Michel Barnier (Suq intern u Servizzi), László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal:

"L-għadd ta' nies irtirati fl-Ewropa mqabbal ma' dawk li jiffinanzjaw il-pensjonijiet tagħhom huwa mbassar li jirdoppja sal-2060 - il-qagħda attwali sempliċement mhiex sostenibbli. Fit-tfittxija ta' soluzzjoni għal din l-isfida, il-bilanċ bejn iż-żmien li persuna tqatta' taħdem u dak li tqatta' fil-pensjoni jeħtieġu jiġu investigati bir-reqqa."

Is-sur Andor żied: "L-għażla li għandna quddiemna hija jew pensjonanti ifqar, kontribuzzjonijiet tal-pensjoni ogħla jew aktar nies jaħdmu iżjed u għal aktar żmien. Wieħed mis-suċċessi tal-mudell soċjali Ewropew huwa l-iżgurar li l-età avanzata ma tkunx sinonima tal-faqar. Din hija wegħda li ma nistgħux ma nżommux u d-djalogu li qegħdin inniedu llum għandu jgħin lill-Istati Membri jieħdu d-deċiżjonijiet xierqa biex jiżguraw sistema tal-pensjoni li tilħaq l-għanijiet tagħha".

Il-Green Paper tirrevedi l-qafas tal-pensjonijiet tal-Ewropa b'mod sħiħ u integrat li jibbenefika minn sinerġiji mal-politika ekonomika u soċjali u r-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju, u minħabba f'dan jiġu koperti ħafna temi differenti, bħal pereżempju: ħajja tax-xogħol itwal, is-suq intern għall-pensjonijiet, il-mobilità tal-pensjonijiet mal-UE kollha, id-dgħjufijiet fir-regolamentazzjoni tal-UE, il-kondizzjonijiet fil-ġejjieni ta' solvibilità għall-fondi tal-pensjonijiet, ir-riskju ta' nuqqas ta' solvibilità ta' min iħaddem, it-teħid ta' deċiżjonijiet imsejjes fuq it-tagħrif u l-governanza fil-livell tal-UE.

B'mod partikolari, hija għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

  • L-iżgurar ta' dħul xieraq fil-ħajja tal-pensjoni u li s-sistemi tal-pensjonijiet ikunu sostenibbli fit-tul

  • Li jinkiseb bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-pensjoni u tiġi ffaċilitata ħajja attiva itwal

  • Li jitneħħew l-ostakoli għan-nies li jaħdmu f'pajjiżi differenti tal-UE u għas-suq intern għall-prodotti tal-ħajja tal-pensjoni

  • Li jkun hemm aktar serħan il-moħħ dwar il-pensjonijiet wara l-kriżi ekonomika ta' dan l-aħħar, kemm issa kif ukoll fit-tul

  • Li jiġi żgurat li l-pensjonijiet ikunu aktar trasparenti sabiex in-nies jistgħu jieħdu deċiżjonijiet iktar infurmati dwar id-dħul tal-pensjoni tagħhom infushom

Il-konsultazzjoni hija inizjattiva konġunta mill-Kummissarji Andor, Barnier (Is-suq intern u s-servizzi) u Rehn (Affarijiet ekonomiċi u monetarji), u tkopri l-politika ekonomika u soċjali kif ukoll ir-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju. Ma tagħmilx proposti speċifiċi ta' politika iżda tfittex fehmiet dwar azzjonijiet possibbli fil-ġejjieni fil-livell Ewropew.

Il-perjodu ta' konsultazzjoni huwa ta' erba' xhur (jispiċċa fil-15 ta' Novembru 2010) u li fih kull min għandu interess fis-suġġett jista' jibgħat il-fehmiet tiegħu permezz ta' websajt apposta: http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=pensions. Il-Kummissjoni Ewropea tanalizza mbagħad it-tweġibiet kollha u tikkunsidra x'inhu l-aħjar li jsir fil-ġejjieni biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet fil-livell tal-UE.

Il-kuntest

Il-garanzija ta' dħul xieraq u sostenibbli għaċ-ċittadini rtirati tal-UE issa u fil-ġejjieni hija prijorità għall-UE. Il-kisba ta' dawn l-għanijiet f'Ewropa b'popolazzjoni li qed tixjieħ hija sfida kbira. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-UE fittxew li jħejju għal dan b'riforma tas-sistema tal-pensjonijiet tagħhom.

Fl-2008 għal kull ċittadin tal-UE ta' 65 sena jew aktar kien hemm erbgħa ta' età tax-xogħol (15-64 sena). Sal-2060, dan se jinżel għal żewġ ċittadini għal kull pensjonant. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja ta' dan l-aħħar aggravat u kabbret l-impatt ta' dawn it-tendenzi demografiċi. It-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku, fil-baġits pubbliċi, fl-istabbiltà finanzjarja u fl-impjieg ġab aktar urġenza fl-aġġustament tal-prassi tal-irtirar u tal-mod kif in-nies jakkumulaw id-drittijiet għall-pensjoni. Il-kriżi wriet li hemm iktar xi jsir biex jittejbu l-effiċjenza u s-sigurtà tal-iskemi tal-pensjoni.

Minn stħarriġ tal-Eurobarometru li sar dan l-aħħar sar magħruf li 73 % taċ-ċittadini tal-UE jew jantiċipaw espliċitament inqas benefiċċji tal-pensjoni jew jaħsbu li se jkollhom jipposponu l-ħruġ bil-pensjoni jew ifaddlu aktar flus għal xjuħithom. (ara wkoll IP/10/773). Sadanittant, 54% huma mħassba li d-dħul tagħhom fi xjuħithom mhux se jkun biżżejjed biex jgħixu ħajja deċenti, inkluża maġġoranza fi 17-il pajjiż membru mis-27 tal-UE.

Aktar tagħrif

MEMO/10/302

Green Paper u Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni + konsultazzjoni onlajn :

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=839&furtherNews=yes

L-UE u l-pensjonijiet : http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=752&langId=en


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website