Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni taġġorna l-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti mill-ispazju tal-ajru Ewropew

Commission Européenne - IP/10/892   06/07/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/892

Brussell, is-6 ta’ Lulju 2010

Il-Kummissjoni taġġorna l-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti mill-ispazju tal-ajru Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea aġġornat il-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti fl-Unjoni Ewropea biex tinkludi trasportatur wieħed mis-Surinam u biex tespandi r-restrizzjonijiet tal-operat fuq l-Iran Air. Barra minn hekk, żewġ trasportaturi mill-Indoneżja tneħħew mil-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti.

Siim Kallas, il-Viċi President responsabbli mit-trasport, qal: “Ma nistgħux nippermettu kompromessi fir-rigward tas-sikurezza tal-ajru. Meta għandna l-evidenza li trasportaturi tal-ajru mhumiex jirrispondu għall-esiġenzi tas-sikurezza jew meta r-regolaturi jonqsu milli jaqdu l-obbligu tagħhom biex jinfurzaw l-istandards tas-sikurezza, irridu naġixxu sabiex niggarantixxu ajru sikur liċ-ċittadini tagħna meta jivvjaġġaw. Lesti nappoġġaw dawk il-pajjiżi li għandhom bżonn u jridu jibnu l-kapaċità teknika u amministrattiva tagħhom biex jiggarantixxu l-ogħla standards tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni sabiex tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipprovdi l-assitenza teknika."

B'dan l-erbatax-il aġġornament, it-trasportatur Blue Wing Airlines mis-Surinam qed jiġi inkluż fil-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti wara li Stat Membru kellu jieħu xi miżuri minħabba serje ta' aċċidenti li kienet involuta fihom din il-linja tal-ajru u minħabba nuqqasijiet serji żvelati waqt l-ispezzjonijiet tar-rampa tal-inġenji tal-ajru tagħha.

Abbażi tar-riżultati taż-żjara fl-Iran, immexxija mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni ta' esperti minn Stati Membri u l-EASA biex jivverifikaw li l-Iran Air implimentat il-miżuri mħabbra fl-aħħar Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru f'Marzu tal-2010 mill-organizzazzjoni tal-avjazzjoni ċivili tal-Iran u t-trasportatur tal-ajru, il-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru unanimament appoġġa l-espansjoni tar-restrizzjonijiet tal-operat imposti fuq l-Iran Air biex jeskludu l-operat tal-Airbus A-320 u l-Boeing B-727 u B-747 tal-flotta tagħha fl-UE. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib il-prestazzjoni tal-linja tal-ajru skont ir-riżultati tal-kontrolli tar-rampa tal-inġenji tal-ajru tagħha li jistgħu joperaw fl-UE u se ssaħħaħ il-konsultazzjonijiet tagħha mal-organizzazzjoni tal-avjazzjoni ċivili tal-Iran biex issib soluzzjonijiet sostenibbli għall-problemi tas-sikurezza identifikati, fejn hu prattikabbli permezz ta' assistenza teknika.

B'dan l-aġġornament il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll it-titjib fis-sorveljanza eżerċitata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Indoneżja. Dan it-titjib ippermetta lill-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru jappoġġa it-tneħħija mil-lista ta' żewġ trasportaturi tal-ajru Indoneżjani: Metro Batavia u Indonesia Air Asia.

Fuq l-istess nota, il-Kummissjoni tilqa' l-progress li sar mill-awtorità tal-avjazzjoni ċivili tal-Gabon fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjonijiet korrettivi mmirat biex jirriżolvi n-nuqqasijiet identifikati mill-ICAO, u ddeċidiet li tippermetti lit-trasportatur tal-ajru Afrijet - li għandu permess jopera taħt restrizzjonijiet fl-UE – sabiex iżżid inġenju tal-ajru ieħor mal-flotta tagħha li tintuża għal dawn is-servizzi.

Fil-qafas ta' dan l-aġġornament, l-awtorità tal-avjazzjoni ċivili tal-Albanija qed tiġi mħeġġa ssaħħaħ is-superviżjoni tagħha marbuta mat-trasportaturi kollha u tkompli timplimenta l-pjan ta' azzjoni li sar qbil dwaru mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), biex tagħti prijorità lil dawn l-oqsma li jqajmu tħassib dwar is-sikurezza u sabiex tħaffef il-bini tal-kapaċità teknika u amministrattiva tagħha.

Illum, il-lista tal-Komunità għandha erba' trasportaturi li l-operat tagħhom huwa pprojbit kompletament fl-Unjoni Ewropea: Ariana Afghan Airlines mill-Afghanistan, Blue Wing Airlines mis-Surinam, Siem reap Airways International mill-Kambodja u Silverback Cargo Freighters mir-Rwanda. It-trasportaturi kollha li ġejjin minn 17-il pajjiż – 278 kumpanija b’kollox – huma pprojbiti: l-Angola, il-Benin, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, il-Gabon (bl-eċċezzjoni ta’ tliet trasportaturi li joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), l-Indoneżja (bl-eċċezzjoni ta’ sitt trasportaturi li tneħħewlhom ir-restrizzjonijiet kollha), il-Każakstan (bl-eċċezzjoni ta’ trasportatur wieħed li jopera taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), ir-Repubblika Kirgiża, il-Liberja, il-Filippini, ir-Repubblika tal-Kongo, is-Sjerra Leone, Sao Tome u Principe, is-Sudan, is-Sważiland u ż-Żambja. Hemm 9 trasportaturi tal-ajru li għandhom permess joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet: Air Koryo mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, TAAG Angola Airlines, Air Astana mill-Każakstan, Iran Air mill-Iran, Gabon Airlines, Afrijet u SN2AG mill-Gabon, Air Service Comores u Ukrainian Mediterranean Airlines mill-Ukraina.

Il-lista hija disponibbli għal konsultazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/transport/air-ban/list_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site