Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/891

Strasburgu, is-6 ta' Lulju 2010

Il-Kummissjoni tilqa' l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għal qafas legali ġdid għal Sistemi ta' Trasport Intelliġenti.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-votazzjoni tal-Parlament Ewropew favur qafas legali ġdid għal Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI). Is-STI tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal sistema ta' trasport li hija iktar nadifa, iktar sikura u iktar effiċjenti. Id-Direttiva adottata llum għandha tħaffef il-varar ta' teknoloġiji innovattivi għat-trasport madwar l-Ewropa.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: "Din id-Direttiva hija strument importanti għall-implimentazzjoni koordinata tas-STI fl-Ewropa. Se nagħmlu pass kbir 'il quddiem lejn il-varar u l-użu ta' servizzi tas-STI mingħajr xkiel u interoperabbli filwaqt li nħallu lill-Istati Membri fil-libertà li jiddeċiedu f'liema sistemi għandhom jinvestu. L-approvazzjoni tal-lum se trawwem mobbiltà li hija iktar effiċjenti, iktar sikura u iktar sostenibbli, integrata u kompettitiva fl-Ewropa".

Is-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti japplikaw teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal mezzi differenti tat-trasport, sabiex dawn ikunu iktar effiċjenti filwaqt li jnaqqsu l-effetti negattivi fuq is-saħħa, in-natura, l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja. L-ispejjeż marbutin mal-konġestjoni tat-traffiku – li huma stmati 1 % tal-prodott gross domestiku Ewropew – jistgħu jitnaqqsu b'10 % permezz tal-varar tas-STI. It-teknoloġija intelliġenti fil-karozzi u t-trakkijiet hija mistennija li tgħin sabiex jiġu evitati iktar minn 5,000 mewta kull sena f'inċidenti fit-toroq.

Id-Direttiva approvata llum se tappoġġa l-Pjan ta' Azzjoni1 tas-STI u timmira sabiex jiġi stabbilit qafas li jħaffef u jikkoordina l-varar u l-użu tas-STI fit-trasport tat-triq, inklużi l-interfaces ma' mezzi oħra tat-trasport. L-ewwel prijoritajiet se jkunu informazzjoni dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar, is-sistema ta' emerġenza tal-eCall u l-ipparkjar intelliġenti tat-trakkijiet.

Skont din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta fis-seba' snin li ġejjin speċifikazzjonijiet (jiġifieri dispożizzjonijiet funzjonali, tekniċi, organizzattivi jew tas-servizzi) sabiex tindirizza il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-soluzzjonijiet tas-STI madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll Grupp Konsultattiv Ewropew tas-STI, li se jġib flimkien rappreżentanti ta' partijiet interessati tas-STI rilevanti u li jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-aspetti kummerċjali u tekniċi tal-implimentazzjoni u l-varar tas-STI fl-Unjoni.

Il-Passi li jmiss

Wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-Istati Membri se jkollhom 18-il xahar sabiex jittrasponu d-Direttiva.

2010: Se jiġu stabbiliti l-Kumitat Ewropew tas-STI u l-Grupp Konsultattiv Ewropew tas-STI.

2011: Il-Kummissjoni se tadotta programm ta' ħidma u l-Istati Membri se joħorġu l-ewwel rapport dwar l-attivitajiet nazzjonali tagħhom.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara: http://ec.europa.eu/transport/its/

1 :

Ara IP/08/1979


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website