Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/879

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2010

Kompetizzjoni mużikali kontra l-faqar: żgħażagħ Ewropej isemmgħu leħinhom fil-ġlieda konta l-faqar fid-dinja!

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi l-Kompetizzjoni Mużikali Ewropea u sejħet lil żgħażagħ Ewropej, bejn l-etajiet ta' 15 u 25 sena, biex jissottomettu kanzunetti li bihom juru appoġġ għall-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja. Kull parteċipant se joħroġ b'kanzunetta oriġinali dwar il-kwistjoni ġenerali tal-iżvilupp, u b'mod speċjali dwar it-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. Ir-rebbieħa – magħżula permezz ta' votazzjoni fuq l-internet kif ukoll ta' ġurija magħmula minn esperti fil-mużika - se jkollhom il-kanzunetta tagħhom irrekordjata b'mod professjonali fi studio u se jkollhom l-opportunità li jkantawha matul il-Jiem Ewropej ta' Żvilupp f'Diċembru 2010 fi Brussell. Il-kompetizzjoni mużikali hija parti mill-"Kampanja Niġġieled il-Faqar", maħsuba biex jitqajjem għarfien fost iż-żgħażagħ dwar l-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

"Il-mużika hija għodda qawwija li biha jiġu mmobilizzat nies ta' kull età u ta' kull pajjiż għall-ġlieda kontra l-faqar. Din il-kompetizzjoni mużikali hija parti mir-rieda tal-Kummissjoni li tingaġġa lill-ġenerazzjoni żagħżugħa u tqajjem għarfien dwar l-importanza li jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. Nistenna bil-ħerqa ħafna kontribuzzjonijiet li jvarjaw mir-rap, għall-hip hop u għall-hard rock," qal Andris Piebalgs, il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp.

Permezz ta' siti ta' netwerking u ta' festivals mużikali, żgħażagħ mill-Istati Membri tal-UE bejn l-etajiet ta' 15 u 25 sena qed jiġu mistiedna jissottomettu fuq l-Internet, sat-30 ta' Settembru, kanzunetta marbuta mal-ġlieda kontra l-faqar. Il-parteċipanti se jesprimu wkoll l-appoġġ tagħhom għal wieħed mit-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju: il-qerda tal-faqar estrem u tal-ġuħ; il-kisba ta' edukazzjoni primarja għal kulħadd; tisseddaq l-ugwaljanza bejn is-sessi; tonqos il-mortalità fost it-tfal, tittejjeb is-saħħa tal-ommijiet, jiġu miġġielda l-HIV/AIDS, il-malarja u mard ieħor; l-iżgurar ta' sostenibilità ambjentali; l-iżvilupp ta' tisħib globali għall-iżvilupp. Il-votazzjoni se ssir fuq l-internet u tibqa' sejra sal-31 ta' Ottubru 2010. Se jkun hemm żewġ rebbieħa, li l-ismijiet tagħhom jitħabbru f'Novembru: wieħed magħżul mill-votazzjoni li tkun saret fuq l-internet u ieħor mill-ġurija ta' esperti. Il-premjijiet se jkunu jikkonsistu minn recording professjonali fi studio tal-kanzunetti u l-opportunità li l-kanzunetti rebbieħa jitkantaw matul il-Ġranet ta' Żvilupp Ewropej li se jsiru f'Diċembru 2010 fi Brussell.

Hekk kif baqa' biss ħames snin sal-iskandenza tal-2015 biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon għamel appell lill-mexxejja tad-dinja biex jattendu laqgħa għolja fi New York mill-20 sat-22 ta' Settembru 2010 biex iħaffu l-pass lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur:

Il-websajt tal-kompetizzjoni mużikali kontra l-faqar

www.ifightpoverty.eu/mt/act/music-contest

Ingħaqad magħna fuq il-Facebook:

www.facebook.com/IFightPoverty

Il-websajt tal-Kummissarju Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website