Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/872

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2010

Il-Kummissjoni Ewropea qed tfittex soluzzjonijiet ta' kuntratti legali biex ittejjeb is-Suq Uniku għall-konsumaturi u n-negozji

Il-Kuntratti huma l-bażi li fuqhom jinbnew ir-relazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi. Is-Suq Uniku tal-Unjoni Ewropea huwa mibni fuq il-liġijiet tal-kuntratti. Madanakollu, in-negozji – partikolarment kumpaniji żgħar – huma żvantaġġjati fil-bejgħ transkonfinali minħabba li jridu jsegwu liġijiet differenti tal-kuntratti għal kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE. Huma biss 8% tal-konsumaturi li jixtru onlajn minn Stat Membru ieħor (Consumer Scoreboard 3rd ed.). Barra minn hekk, 61% tal-bejgħ transkonfinali huwa rifjutat minħabba li n-negozjanti jirrifjutaw li jservu l-pajjiż tal-konsumatur. Dan huwa dovut l-aktar għall-ostakoli regolatorji u inċertezza legali dwar ir-regoli applikabbli. Biex jiġu indirizzati uħud minn dawn il-problemi u biex jissaħħaħ il-potenzjali tas-Suq Uniku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea llum proponiet numru ta' alternattivi fi studju strateġiku għal approċċ aktar koerenti għal-liġi tal-kuntratti. L-għan huwa li jkun hemm aktar ċertezza legali għan-negozji u regoli aktar sempliċi għall-konsumaturi. Konsultazzjoni pubblika dwar l-istudju se ddum għaddejja sal-31 Jannar 2011.


"Irrid li l-konsumatur Pollakk, Ġermaniż jew Spanjol iħossu protett meta jkun qed jagħmel negozju onlajn ma' kumpanija Taljana, Finlandiża jew Franċiża  daqs li kieku qiegħed f'pajjiżu. U rrid li l-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju Ewropej ikunu jistgħu joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-konsumaturi f'pajjiżi oħra mingħajr ma jkollhom ħtieġa li jsiru esperti fis-sistemi tal-liġi tal-kuntratti nazzjonali tas-26 pajjiż tal-UE l-oħra, " qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Nappella lill-konsumaturi u lin-negozji mis-27 Stat Membru biex jikkontribwixxu attivament għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni. Dan huwa ċertament żmien ta' kriżi għall-ekonomija Ewropea. Iżda huwa wkoll żmien li matulu għandna l-opportunità storika li nixprunaw it-tkabbir ekonomiku billi nallentaw l-ispejjeż fuq it-tranżazzjonijiet transkonfinali. Huwa għaldaqstant il-mument li nagħmlu qabża kwalitativa lejn dritt kuntrattwali aktar Ewropew."

Il-Kuntratti huma essenzjali biex isir in-negozju u biex isir bejgħ lill-konsumaturi. Huma jifformalizzaw ftehim bejn il-partijiet u jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta' materji, inkluż il-bejgħ ta' oġġetti u l-forniment ta' servizzi bħall-prenotazzjoni ta' titjira u l-kisba ta' self. F'kuntratt bejn negozjant u konsumatur, pereżempju, konsumatur Irlandiż jixtri MP3 player minn fuq l-internet mingħand bejjiegħ Franċiż. F'dan il-każ, tapplika l-liġi tal-kuntratti Irlandiża jekk il-bejjiegħ Franċiż ikun fassal il-websajt tiegħu għall-kunsumaturi Irlandiżi.

Is-Suq Uniku Ewropew huwa bażat fuq varjetà wiesgħa ta' kuntratti li huma gvernati minn liġijiet tal-kuntratti nazzjonali differenti. Il-koeżistenza tar-regoli differenti tista' twassal għal spejjeż addizzjonali biex iseħħu t-tranżazzjonijiet, żieda fl-inċertezza legali tan-negozji u nuqqas fil-kunfidenza tal-konsumaturi. Kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji jaffaċċjaw ostakoli sinifikanti meta jippruvaw jieħdu vantaġġ mis-Suq Uniku tal-UE. L-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet (bħall-adattar tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u l-politiki kummerċjali jew il-kisba ta' traduzzjoni tar-regoli) u inċertezza legali involuta fit-trattar ma' liġijiet tal-kuntratti barranin jimpedixxu b'mod partikolari lin-negozji ż-żgħar u ta' daqs medju, li jammontaw għal 99% tal-intrapriżi kollha fl-UE, milli jispandu fi ħdan is-Suq Uniku.

Il-Kummissjoni, għalhekk, illum proponiet modi differenti biex il-liġi tal-kuntratti ssir aktar koerenti fi Green Paper li ġiet adottata llum. Fost l-alternattivi tal-linji ta' politika li ġew meqjusa hemm:

-       Il-pubblikazzjoni fl-internet tar-regoli ta' mudelli ta' kuntratt (mhux vinkolanti) li jistgħu jiġu użati fis-Suq Uniku Ewropew.

-       "Għodda" (vinkolanti jew mhux vinkolanti) għal dawk li jfasslu l-liġijiet tal-UE meta jadottaw leġiżlazzjoni ġdida biex jiġu żgurati liġijiet aħjar u aktar koerenti.

-       Rakkomandazzjoni dwar id-Dritt Kuntrattwali li tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jinkludu d-dritt kuntrattwali Ewropew fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom, biex b'hekk jiġi parzjalment segwit il-mudell tal-Istati Uniti fejn l-istati kollha barra wieħed volontarjament adottaw il-Kodiċi Kummerċjali Uniformi.

-       Dritt Kuntrattwali Ewropew alternattiv (jew "is-sistema nru 28"), li tkun tista' tiġi magħżula liberament mill-konsumaturi u n-negozji fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom. Din l-għażla ta' liġi tkun alternattiva għal-liġijiet tal-kuntratti nazzjonali eżistenti u tkun disponibbli bil-lingwi kollha. Tista' tkun tapplika għal kuntratti transkonfinali bissa, jew kemm għal kuntratti transkonfinali kif ukoll dawk domestiċi. Din tiggarantixxi livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u ċertezza legali matul il-perjodu ta' validità tal-kuntratt.

-       L-armonizzazzjoni tad-drittijiet kuntrattwali nazzjonali permezz ta' Direttiva tal-UE.

-       L-armonizzazzjoni sħiħa tad-drittijiet kuntrattwali nazzjonali permezz ta' Regolament tal-UE.

-       Il-ħolqien ta' Kodiċi Ċivili Ewropew veru, li jissostitwixxi r-regoli nazzjonali kollha dwar il-kuntratti.


Sfond

Skont l-istrateġija Ewropa 2020 – mnedija mill-President José Manuel Barroso fit-3 ta' Marzu 2010 (IP/10/225), il-Kummissjoni qed tiffaċċja tliet ostakli fis-Suq Uniku biex tixpruna l-irkupru ekonomiku. Dan jinkludi ħidma fuq soluzzjonijiet armonizzati f'kuntratti tal-konsumaturi, mudelli ta' klawżoli kuntrattwali tal-UE u li jsir progress lejn dritt kuntrattwali Ewropew alternattiv. Waħda mill-azzjonijiet ewlenin fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa maħruġa fid-19 ta' Mejju 2010 hija l-ħolqien ta' għażla ta' strument ta' dritt kuntrattwali.

Il-Parlament Ewropew ta l-appoġġ tiegħu għall-idea ta' Dritt Kuntrattwali Ewropew alternattiv f'riżoluzzjoni tal-25 ta' Novembru 2009. L-Eks Kummissarju għas-Suq Intern u l-Kompetizzjoni Mario Monti wkoll identifika fir-Rapport dwar is-Suq Intern tad-9 ta' Mejjuil-vantaġġi li ġġib magħha għall-konsumaturi u n-negozji l-għażla tas-"sistema nru 28".

Fit-12 ta' Mejju, il-Kummissjoni laqqgħet grupp ġdid ta' esperti biex jittrasformaw l-hekk imsejjaħ "l-Abbozz ta' Qafas Komuni ta' Referenza" – l-ewwel abbozz għal dritt kuntrattwali Ewropew żviluppat matul dawn l-aħħar snin taħt il-Programm tar-Riċerka tal-UE – f'soluzzjoni sempliċi, komda għall-utenti u fattibbli adattata għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi u għar-realtà tal-ambjent tan-negozju (IP/10/595). Il-grupp, li huwa magħmul minn esperti u professjonisti legali mill-Ewropa kollha, bħalissa qed jiltaqa' darba fix-xahar fi Brussell. Il-konsultazzjoni pubblika bdiet illum u se tgħin biex tiżgura li l-grupp jindirizza l-problemi l-iktar importanti li qed jiġu ffaċċati mill-konsumaturi u n-negozji llum il-ġurnata fil-qasam tad-dritt kuntrattwali.

Il-konsultazzjoni se tibqa' għaddejja sas-31 ta' Jannar 2011. Ir-riżultati tagħha se jgħinu lill-Kummissjoni biex tipprepara proposti qabel l-2012.

Għal aktar tagħrif

Il-"Green Paper dwar il-linji ta' politika alternattivi għal progress lejn id-Dritt Kuntrattwali Ewropew għall-konsumaturi u negozji" adotata mill-Kummissjoni llum ġiet pubblikata fuq:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/consulting_public/news_consulting_public_en.htm

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website