Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-privattivi: Il-Kummissjoni tipproponi arranġamenti għat-traduzzjoni ta’ privattiva tal-UE tal-ġejjieni

European Commission - IP/10/870   01/07/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/870

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2010

Il-privattivi: Il-Kummissjoni tipproponi arranġamenti għat-traduzzjoni ta’ privattiva tal-UE tal-ġejjieni

Il-Kummissjoni Ewropea llum ressqet proposta dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni ta’ privattiva tal-UE tal-ġejjieni, li kien l-aħħar pass meħtieġ biex il-privattiva unika tal-UE ssir realtà. Illum, wieħed jonfoq għaxar darbiet iktar biex jikseb privattiva fl-Ewropa milli biex jiksibha fl-Amerka. Din is-sitwazzjoni ma tinkuraġġix ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u tagħmel ħsara lill-kompetittività tal-Ewropa. Huwa għalhekk li l-Ewropa trid taġixxi sabiex dawk li jagħmlu l-innovazzjonijiet jkunu jistgħu jipproteġu l-invenzjonijiet tagħhom bi prezz raġonevoli, billi jkollhom privattiva unika li tkopri t-territorju kollu tal-UE, bi spejjeż minimi tat-traduzzjoni u mingħajr ma jkollhom bżonn jivvalidaw dik il-privattiva fil-livell nazzjonali, kif inhu l-każ bħalissa. Il-proposta l-ġdida tissejjes fuq is-sistema ta’ tliet lingwi li tintuża b’suċċess fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, u jekk tiġi adottata, se tnaqqas bil-kbir l-ispejjeż eżistenti tat-traduzzjoni.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “Sabiex l-Ewropa tkun kompetittiva globalment, irridu nħeġġu l-innovazzjoni. Illum il-ġurnata, dan mhuwiex il-każ – il-proċess biex wieħed jikseb privattiva jiswa wisq flus u huwa kkumplikat wisq. Privattiva tal-UE li tkun valida bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE hija importanti ferm biex tixpruna r-riċerka u l-iżvilupp u se twassal għal iktar tkabbir fil-ġejjieni. Il-proposta ta’ llum – l-aħħar pass fil-pakkett tar-riforma tal-privattivi – hija aħbar tajba għal dawk kollha madwar l-Ewropa li jagħmlu l-innovazzjonijiet, b’mod partikulari għan-negozji ż-żgħar. Issa nispera li l-Istati Membri jaġixxu malajr sabiex jiżguraw li l-privattiva tal-UE ssir realtà. Jien lest naħdem mill-qrib mal-partijiet interessati kollha sabiex naslu għal ftehim aħħari.”

Il-qagħda eżistenti tal-privattivi fl-Ewropa

Is-sistema attwali tal-privattivi fl-Ewropa tiswa wisq flus u hija kkumplikata ħafna, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tat-traduzzjoni. L-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, li huwa korp intergovernattiv li fih 37 pajjiż (l-UE-27 u għaxar pajjiżi Ewropej oħra), jeżamina l-applikazzjonijiet għall-privattivi u huwa responsabbli għall-ħruġ ta’ Privattiva Ewropea jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti. Iżda biex il-privattiva mogħtija tkun effettiva fi Stat Membru, l-inventur irid imbagħad jitlob li din tiġi vvalidata fil-livell nazzjonali. Dan ifisser iktar spejjeż amministrattivi u tat-traduzzjoni.

Minħabba l-ispejjeż involuti, ħafna mill-inventuri japplikaw għal privattiva għall-invenzjoni tagħhom biss f’għadd limitat ħafna ta’ Stati Membri. Pereżempju, privattiva Ewropea vvalidata fi tlettax-il pajjiż tista’ tiġi tiswa sa EUR 20 000, li kważi EUR 14 000 minnhom huma għall-ispejjeż tat-traduzzjoni biss. Dan ifisser li l-Privattiva Ewropea tiswa iktar minn għaxar darbiet dak li tiswa waħda Amerikana, li tiswa madwar EUR 1 850.

Negozjati dwar il-Privattiva tal-UE

Il-Kummissjoni pproponiet Regolament għal Privattiva Komunitarja f’Awwissu 2000 (li issa hija msejħa Privattiva tal-UE skont it-Trattat ta’ Lisbona). F’Diċembru 2009, l-Istati Membri adottaw b’mod unanimu l-konklużjonijiet dwar sistema tal-privattivi mtejba fl-Ewropa (ara d-dokument IP/09/1880). Il-pakkett li kien hemm ftehim dwaru kien ikopri l-elementi ewlenin sabiex tinħoloq privattiva unika tal-UE u sabiex titwaqqaf qorti ġdida dwar il-privattivi fl-UE, iżda ma kienx jinkludi l-arranġamenti dwar it-traduzzjoni. F’dak li għandu x’jaqsam mal-qorti l-ġdida dwar il-privattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mistennija tagħti l-opinjoni tagħha dwar kemm l-abbozz tal-ftehim huwa kompatibbli mat-Trattati tal-UE iktar tard din is-sena. Il-proposta ta’ llum tikkompleta l-pakkett meħtieġ billi tistabbilixxi l-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-Privattivi tal-UE.

L-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-Privattivi tal-UE

Bil-proposta ta’ llum għal Regolament tal-Kunsill, l-ispejjeż għall-ipproċessar ta’ privattiva tal-UE li tkopri s-27 Stat Membru se jkunu ta’ inqas minn EUR 6 200, li madwar 10 % biss minnhom se jkunu spejjeż tat-traduzzjoni.

Il-proposta tal-Kummissjoni tissejjes fuq is-sistema tal-lingwi li diġà teżisti fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Privattivi tal-UE jiġu eżaminati u jingħataw f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, jiġifieri bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż. Il-privattiva mogħtija se tkun ippubblikata f’din il-lingwa, u dan se jkun it-test awtentiku (jiġifieri t-test li jorbot legalment). Il-pubblikazzjoni se jkun fiha traduzzjoni tal-pretensjonijiet fiż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Il-pretensjonijiet jiffurmaw it-taqsima tal-privattiva li tispjega l-ambitu tal-protezzjoni tal-invenzjoni.

Sid il-privattiva mhu se jkun meħtieġ jagħti l-ebda traduzzjoni f’lingwa oħra ħlief fil-każ li jkun hemm tilwima legali dwar il-privattiva tal-UE. F’dan il-każ, sid il-privattiva jista’ jintalab jagħti traduzzjonijiet oħrajn bi spejjeż tiegħu stess. Pereżempju, jista’ jkun li sid il-privattiva jkollu jagħti kopja tal-privattiva fil-lingwa ta’ persuna li allegatament tkun kisritha, jew fil-lingwa tal-proċeduri tal-qorti meta din tkun differenti mil-lingwa li fiha tkun il-privattiva.

Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll il-miżuri ta’ akkumpanjament li għandu jkun hemm qbil fuqhom sabiex dawk li jagħmlu l-innovazzjonijiet ikollhom iktar aċċess għas-sistema tal-privattivi. L-ewwel nett, għandhom ikunu disponibbli traduzzjonijiet kompjuterizzati tal-privattivi tal-UE ta’ kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. L-inventuri fl-Ewropa b’hekk ikollhom aċċess imtejjeb għat-tagħrif tekniku mogħti fil-privattivi fl-ilsien nattiv tagħhom. Barra minn hekk, sabiex l-applikanti mill-pajjiżi tal-UE li għandhom lingwi uffiċjali oħra minbarra l-Ingliż, il-Ġermaniż u l-Franċiż bħala lingwi uffiċjali tagħhom ikollhom aċċess iktar faċli għall-privattiva tal-UE, l-inventuri se jkunu jistgħu jressqu l-applikazzjonijiet fil-lingwa tagħhom stess. L-ispejjeż għat-traduzzjoni fil-lingwa tal-proċeduri tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (li l-applikanti għandhom jagħżlu minn fost l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż meta jressqu l-applikazzjoni tagħhom) se jkunu jistgħu jitħallsu lura.

Il-kuntest

L-Istati Membri qablu fuq ftehim politiku f’Diċembru 2009 billi adottaw il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u billi adottaw approċċ ġenerali għal Regolament għal Privattiva tal-UE (ara d-dokument IP/10/1880). Dan il-ftehim ikopri l-elementi ewlenin kemm ta’ qorti ġdida dwar il-privattivi fl-Ewropa, kif ukoll tal-Privattiva tal-UE tal-ġejjieni, iżda ma fihx l-arranġamenti dwar it-traduzzjoni. Madanakollu, l-Istati Membru qablu li t-traduzzjonijiet tal-Privattiva tal-UE se jagħmlu parti minn Regolament separat. Għalhekk, il-Kummissjoni ressqet din il-proposta dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni tal-Privattiva tal-UE.

Għal iktar tagħrif mur fis-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/index_en.htm

MEMO 291


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website