Navigation path

Left navigation

Additional tools

Regoli ġodda tal-UE għat-tikkettar li jinkludu l-logo organiku l-ġdid tal-UE jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju.

European Commission - IP/10/861   30/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/861

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2010

Regoli ġodda tal-UE għat-tikkettar li jinkludu l-logo organiku l-ġdid tal-UE jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju.

Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar it-tikkettar tal-ikel organiku inkluż ir-rekwiżit sabiex jintwera l-logo organiku l-ġdid tal-UE, jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju. L-hekk imsejħa "Euro-Leaf" issa se tkun obbligatorja fuq prodotti tal-ikel organiċi li jiġu imballati minn qabel li jkunu ġew prodotti fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE u li jilħqu l-istandards meħtieġa. Logos oħra privati, reġjonali jew nazzjonali se jibqgħu jidhru maġenb it-tikketta tal-UE. Il-logo jibqa' fakultattiv fil-każ ta' prodotti organiċi importati u li ma jkunux imballati. Barra l-logo, ir-regoli l-ġodda għat-tikkettar jinkludu wkoll indikazzjonijiet obbligatorji tal-post tal-koltivazzjoni tal-ingredjenti tal-prodotti u n-numru tal-kodiċi tal-korp li kien responsabbli mill-kontrolli. L-operaturi għandhom perjodu tranżizzjonali ta' sentejn biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda għat-tikkettar. Tibdila oħra hija l-introduzzjoni għall-ewwel darba ta' regoli ġodda tal-UE għall-akkwakultura organika.

"Nittamaw li l-logo l-ġdid tal-UE jkun jista' jiżviluppa f'simbolu ta' produzzjoni tal-ikel organiku rikonoxxut b'mod wiesa' madwar l-UE u li jipprovdi lill-konsumaturi bil-fiduċja li l-oġġetti ġew prodotti f'konformità sħiħa mar-regolamenti stretti tal-biedja organika fl-UE" qal il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali Dacian Cioloş. "Nittama li dawn it-tibdiliet kollha jagħtu spinta lis-settur tal-biedja organika, iżda wkoll li jtejbu iktar il-ħarsien tal-konsumatur".

Id-disinn tal-"Euro-Leaf" juri l-istilel tal-UE f'forma ta' werqa fuq sfond aħdar u jgħaddi żewġ messaġġi ċari lill-konsumaturi: In-Natura u l-Ewropa. Id-disinn ġie rreġistrat mill-Kummissjoni bħala trade mark kollettiv. Il-logo, li ħareġ rebbieħ assolut f'votazzjoni li saret onlajn, ġie ddisinnjat minn student Ġermaniż Dušan Milenković, wara li ġiet organizzata kompetizzjoni mmirata lejn l-istudenti tal-arti fl-UE. Ir-rebbieħ u l-finalisti l-oħra ta' din il-kompetizzjoni se jiġu onorati waqt ċerimonja uffiċjali għall-għoti tal-premjijiet fid-19 ta' Lulju 2010 fi Brussell, organizzata sabiex taħbat mal-Konferenza tad-19 u l-20 ta' Lulju dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni.

Kundizzjonijiet ġodda dwar l-akkwakultura organika

Ir-regoli l-ġodda jkopru l-produzzjoni ta' ħut, frott tal-baħar u alka tal-akkwakultura organika. Ir-regoli jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-UE kollha għall-ambjent tal-produzzjoni akkwatika, is-separazzjoni ta' unitajiet organiċi minn dawk li mhumiex organiċi u jispeċifikaw il-kundizzjonijiet ta' benessri tal-annimali li jinkludu d-densitajiet massimi tal-istokkjar, indikatur ta' benessri li jista' jitkejjel. Ir-regoli jispeċifikaw li l-bijodiversità għandha tiġi rrispettata, u ma jippermettux li jintużaw metodi ta' tifriġħ sfurzat permezz ta' ormoni artifiċjali. L-għalf organiku għandu jintuża bħala suppliment għall-għalf tal-ħut li ġej minn sajd ġestit b'mod sostenibbli. Dispożizzjonijiet speċjali japplikaw għall-produzzjoni ta' molluski bivalvi u għall-alka.

Fil-kummenti tagħha dwar ir-regoli l-ġodda, il-Kummissarju għas-Sajd u għall-Affarijiet Marittimi Maria Damanaki qalet: "Ir-regoli l-ġodda dwar l-akkwakultura organika fl-Ewropa kollha saru realtà. Dawn se jagħtu għażla aħjar lill-konsumatur u se jagħtu spinta lill-produzzjoni b'saħħitha u aċċettabbli u jservu bħala alternattiva vijabbli għall-approċċ li huwa iktar intensiv u tradizzjonali. L-UE hija l-ikbar suq tal-ikel tal-baħar fid-dinja u huwa xieraq li l-Ewropa jkollha rwol ewlieni fl-istabbiliment ta' regoli komprensivi f'dan il-qasam. Is-sostenibbiltà u l-koeżjoni soċjali huma fost il-prijoritajiet tat-tim tiegħi għas-setturi tal-akkwakultura u s-sajd. Dawn ir-regoli l-ġodda għall-akkwakultura organika huma pass importanti minħabba li jintegraw dawn il-prijoritajiet fl-akkwakultura".

Fl-2008, fl-Ewropa kien stmat li kienu qed joperaw 123 operazzjoni ta' akkwakultura ċċertifikata minn total ta' 225 farm bħal dawn fid-dinja kollha. Fl-2008, dawn kienu ekwivalenti għal kważi nofs il-produzzjoni dinjija (li kienet tammonta għal 50,000 tunnellata). Il-ħames pajjiżi bl-ogħla produzzjoni huma r-Renju Unit, l-Irlanda, l-Ungerija, l-Greċja u Franza. L-ispeċi bl-ogħla produzzjoni hija s-salamun.

Iktar dettalji dwar ir-regoli l-ġodda u l-logo organiku tal-UE jistgħu jitniżżlu mill-websajt tal-Biedja Organika tal-UE:

www.organic-farming.europa.eu

Għall-Konferenza dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni ara http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/conference/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website