Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/860

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2010

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tvara konsultazzjoni dwar in-newtralità tal-internet

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bdiet konsultazzjoni dwar mistoqsijiet ewlenin li jirriżultaw mill-kwistjoni dwar in-newtralità tal-internet. Il-konsultazzjoni tkopri kwistjonijiet dwar jekk fornituri tal-internet għandhomx ikunu jistgħu jadottaw ċerti prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku, billi jagħtu prijorità lil tip wieħed ta' traffiku tal-internet fuq tip ieħor, jekk dawn il-prattiki tal-ġestjon tat-traffiku jistgħux joħolqu problemi u jkollhom effetti inġusti għall-utenti, jekk il-livell ta' kompetizzjoni bejn fornituri differenti tas-servizz tal-internet u r-rekwiżiti ta' trasparenza tal-qafas ġdid tat-telekomunikazzjonijiet humiex suffiċjenti biex ikunu evitati problemi potenzjali billi jippermettu għażla għall-konsumaturi u jekk hemmx il-ħtieġa li l-UE tieħu azzjoni ulterjuri biex tiżgura suq intern ġust jew jekk għandhiex tkun l-industrija li tmexxi. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, f'April 2010 ħabbret l-intenzjoni tagħha li tvara din il-konsultazzjoni sabiex tmexxi 'l quddiem id-dibattitu Ewropew dwar in-newtralità tal-internet (ara SPEECH/10/153). Il-konsultazzjoni se tkun inkluża f'rapport tal-Kummissjoni dwar in-newtralità tal-internet li għandu jkun ippreżentat sal-aħħar ta' din is-sena. Il-partijiet interessati kollha – fornituri tas-servizz u tal-kontenut, konsumaturi, negozji u riċerkaturi – huma mistiedna jwieġbu għall-konsultazzjoni sat-30 ta' Settembru 2010. Internet miftuħ u newtrali jsaħħaħ ħafna mill-miri stabbiliti fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (IP/10/581).

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet: "Nimpenja ruħi li nżomm l-internet miftuħ u newtrali. Il-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għall-kontenut li jridu. Il-fornituri tal-kontenut u l-operaturi għandu jkollhom l-inċentivi xierqa biex jibqgħu innovattivi. Iżda l-ġestjoni tat-traffiku u n-newtralità tal-internet huma kwistjonijiet kumplessi ħafna. Minix nassumi li approċċ wieħed jew ieħor għandu jingħata prevalenza. Għandna bżonn il-kontribut ta' kulħadd biex neżaminaw il-kwistjonijiet kollha b'attenzjoni, b'mod oġġettiv ħafna, biex nilħqu bilanċ ġust bejn il-partijiet interessati kollha involuti u biex nidentifikaw liema miżuri ġodda jekk ikun hemm, jistgħu jkunu meħtieġa."

Il-ġestjoni tat-traffiku fuq l-internet modern

Fis-snin riċenti, l-internet għadda minn bidliet kbar. Iktar u iktar utenti qed jieħdu vantaġġ mill-konnessjonijiet tal-broadband b'veloċità qawwija. Is-servizzi li jirrikjedu livell għoli ta' trasferiment tad-dejta, bħat-televixin fuq l-internet (IPTV) u l-video-sharing, qed jiżdiedu. Sadanittant, dehru teknoloġiji ġodda bħall-protokoll tal-vuċi fuq l-internet (voice over internet protocol (VoIP)), fejn sejħiet bil-vuċi jkunu jistgħu jsiru fuq l-internet.

F'dan il-kuntest, il-fornituri tas-servizz tal-internet żviluppaw għodod biex jagħmlu differenza bejn il-websajts u l-applikazzjonijiet differenti li jkunu aċċessati min-netwerk tagħhom, u b'hekk jevitaw il-konġestjoni u jippromwovu l-użu effiċjenti tan-netwerk. Dan huwa magħruf bħala 'ġestjoni tat-traffiku'. Dawn l-għodod jistgħu jintużaw biex ikun żgurat li n-netwerks jiffunzjonaw b'mod effiċjenti u għall-forniment ta' servizzi tal-aħjar kwalità bħall-IPTV, sakemm jikkonformaw mar-regoli tal-UE u jinfurmaw lill-klijenti dwar il-kwalità mistennija tas-servizz. Madankollu, l-istess tekniki jista' jkollhom ukoll l-effett li jnaqqsu l-veloċità tal-aċċess għal servizzi jew applikazzjonijiet mhux ta' prijorità, fuq konnessjoni fissa jew ċellulari jew li jnaqqsu l-kwalità ta' servizzi oħra. Xi wħud jgħidu li jekk fluss ta' dejta mingħajr qtugħ (stream of data) ikun trattat b'mod differenti minn ieħor, dan jista' jagħmlel ħsara lill-utenti u jfixxkel il-ftuħ tal-internet.

L-attenzjoni tal-konsultazzjoni

Il-konsultazzjoni pubblika varata llum għandha l-għan li tikseb opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku tal-internet relatati; man-newtralità tal-internet. Il-Kummissjoni trid tkun taf iktar dwar il-problemi potenzjali marbuta ma' ċerti forom ta' ġestjoni ta' traffiku u jekk ir-regoli ġodda tat-telekomunikazzjonijiet humiex suffiċjenti biex jindirizzawhom; aspetti tekniċi u ekonomiċi kunsiderazzjonijiet dwar il-kwalità tas-servizz; u jekk il-libertajiet tal-internet jistgħux ikunu affettwati.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tanalizza r-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni u l-opinjonijiet imressqa f'forums oħra. Imbagħad tippreżenta Komunikazzjoni dwar in-newtralità tal-internet sal-aħħar tal-2010. Dan id-dokument se jistabbilixxi l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa ta' inizjattivi jew gwida addizzjonali oħra.

Sfond

Għalkemm m'hemmx definizzjoni stabbilita ta' 'newtralità tal-internet', ġeneralment din tinftiehem li tirrappreżenta l-idea li d-dejta kollha fuq l-internet għandha tkun trattata b'mod ugwali, irrispettivament mis-sors jew id-destinazzjoni tagħha. B'mod ġenerali dan ifisser li l-utenti tal-internet għandu jkollhom aċċess għall-kontenut jew l-applikazzjoni tal-għażla tagħhom.

Bħala wieħed mill-prerekwiżiti għall-konklużjoni b'suċċess tal-pakkett ta' riforma tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE tal-2009 (ara MEMO/09/568), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel skrutinju mill-qrib tan-natura miftuħa u newtrali tal-internet u li tagħmel rapport dwar is-sitwazzjoni bħalissa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri. Il-konsultazzjoni hija parti mis-segwitu tal-Kummissjoni għal dan l-impenn.

Skont il-qafas rivedut tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom is-setgħa li jistabbilixxu livelli ta' kwalità minima għas-servizzi tat-trażmissjoni tan-netwerk. Barra minn hekk, ir-regoli ġodda ta' trasparenza jesiġu li l-konsumaturi jkunu infurmati – qabel jiffirmaw kuntratt – dwar in-natura tas-servizz li qed jabbonaw fih inklużi t-tekniki tal-ġestjoni tat-traffiku u l-impatt fuq is-servizz, kif ukoll dwar kwalunkwe limitazzjoni oħra (bħal pereżempju limiti fuq il-firxa tal-frekwenza (bandwidth caps) jew il-veloċità tal-konnessjoni disponibbli).

Iktar tagħrif

Id-dokument ta’ konsultazzjoni huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website