Navigation path

Left navigation

Additional tools

Turiżmu: biex l-Ewropa tibqa’ l-aktar destinazzjoni mfittxija fid-dinja

European Commission - IP/10/858   30/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL RO

IP/10/858/

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2010

Turiżmu: biex l-Ewropa tibqa’ l-aktar destinazzjoni mfittxija fid-dinja

Il-Kummissjoni Ewropea llum ressqet Komunikazzjoni1 li l-mira tagħha hi l-Ewropa tibqa’ l-aktar destinazzjoni turistika mfittxija fid-dinja. Bi 370 miljun wasla internazzjonali fl-2008, l-Ewropa għandha aktar minn 40% taċ-ċifra globali — pożizzjoni li teħtieġ tinżamm. Madankollu, l-ekonomija globali li tinbidel b’pass tant mgħaġġel tħalli impatt fis-settur turistiku minħabba bidliet importanti li jikkonċernaw l-andament tat-turiżmu u s-swieq tal-oriġini. Filwaqt li jenfasizza d-diffikultajiet li jippreżentaw id-dipendenza fuq l-istaġuni u l-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-dokument tal-Kummissjoni jagħti ħarsa ġenerali lejn politika li timmira li ssostni dan is-settur essenzjali tal-ekonomija Ewropea u jipproponi inizjattivi biex jippromwovi l-kompetittività tagħha, l-iżvilupp sostenibbli u dak ibbażat fuq il-kwalità u l-viżibbiltà tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika mill-isbaħ.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Antonio Tajani, responsabbli mill-Intraprenditorija u l-Industrija, inkluż is-suq intern għall-oġġetti, qal: It-trattat ta' Liżbona għall-ewwel darba stabbilixxa qafas komunitarju għat-turiżmu Ewropew. Dan jagħtina l-opportunità biex naħdmu fuq politika li tisfrutta l-varjetà li s-settur turistiku tagħna jaf joffri lit-turisti Ewropej u dawk mhumiex. Għaldaqstant neħtieġu nqisu l-industrija tat-turiżmu Ewropea fuq quddiem nett tas-soluzzjonijiet innovattivi. B’hekk jinħolqu aktar impjiegi kif ukoll offerta ta’ turiżmu aktar sostenibbli u varjat. Din se tkun biċċa xogħol iebsa, iżda hija l-intenzjoni tagħna li lill-Ewropa nżommuha bħala l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja. Il-komunikazzjoni tal-lum tistabbilixxi 21 azzjoni li għandhom iwasslu l-industrija tat-turiżmu Ewropea fis-Seklu 21."

It-turiżmu għandu sehem importanti fl-ekonomija tagħna. Is-settur jinkludi 1.8 miljun intrapriża, u bosta minnhom huma negozji żgħar u medji. Huwa settur repsonsabbli għal 5.2% tal-impjiegi u jikkontribwixxi għal aktar minn 5% tal-PGD Ewropew.

Is-snin li ġejjin joffru għadd ta’ sfidi u opportunitajiet li jeħtieġu approċċ kordinat fil-livell Ewropew, filwaqt li jirrispettaw il-fattizzi differenti preżenti fl-Istati Membri f'kull livell. Id-destinazzjonijiet Ewropej qed jaffaċċjaw żieda fil-kompetizzjoni minn destinazzjonijiet globali oħrajn. Min-naħa l-oħra, l-Ewropa tista’ tattira anki turisti mis-swieq ġodda li jesprimu r-rieda li jqattgħu l-vaganzi tagħhom hawnhekk. Ix-xejra demografika ta’ bħalissa tfisser li fi żmien ftit tas-snin se jkollna aktar turisti mdaħħla fiż-żmien — il-prodotti turistiċi tagħna u l-infrastruttura tagħna jridu jitfasslu sew skont dan. Il-prodotti turistiċi tagħna jeħtieġ ikunu wkoll aktar sostenibbli b’mod li jqisu l-impenji marbuta, ngħidu aħna, mal-bidla fil-klima u d-dipendenza fuq l-ilma u l-enerġija. It-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni, dejjem fi żvilupp, ukoll joffru opportunitajiet ġodda li jeħtieġ ikunu enfasizzati.

Biex l-Ewropa tibqa’ l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipproponi 21 azzjoni (ara l-MEMO/10/289 għal-lista sħiħa ta’ azzjonijiet) li jinkludu:

1. It-titjib tal-kompetittività tas-settur turistiku fl-Ewropa.

  • L-innovazzjoni jeħtieġ tingħata spinta sabiex is-settur u l-intrapriżi tiegħu jkunu jistgħu jadattaw għax-xejriet il-ġodda fl-imġiba tal-konsumaturi u jingħelbu l-mudelli stabbiliti fis-settur. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea ssostni l-idea ta’ “pjattaforma ta’ turiżmu tal-ICT” li jipparteċipaw fiha l-partijiet interessati prinċipali tat-turiżmu (l-aġenziji tal-ivvjaġġar, il-lukandi, eċċ...).

  • L-estensjoni tal-istaġun turistiku. Għandha titfassal għamla ta’ programm ta’ skambju għaż-żgħażagħ, l-anzjani, il-familji b’diffikulatjiet ekonomiċi u persuni b’diżabbiltà biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw waqt l-istaġuni mhux popolari. It-tieni, mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-livell Ewropew kapaċi jgħin sabiex il-vaganzi skolastiċi jiġu kkordinati aħjar fost l-Istati Membri.

  • It-titjib tal-għarfien soċjoekonomiku turistiku huwa meħtieġ sabiex tiġi żviluppata kordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta’ riċerka li jkunu għaddejjin fil-qasam tat-turiżmu. Osservatorju Ewropew għat-Turiżmu virtwali jkun jista’ jipprovdi, fuq perjodu medju, netwerk għall-kordinazzjoni u l-analiżi tar-riċerka fit-turiżmu, u jkun jista’ jservi wkoll ta’ maħżen għall-informazzjoni mill-Ewropa kollha dwar l-iżviluppi fl-industrija tat-turiżmu.

2. Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli, responsabbli u bbażat fuq il-kwalità

  • Il-possibbiltà ta’ skambji tal-aqwa prassi fost in-netwerks ta’ destinazzjonijiet reġjonali u sostenibbli bil-għan li jiġu żviluppati indikaturi ta’ mmaniġġjar sostenibbli.

  • L-iżvilupp ta’ tikketta ta’ “Turiżmu ta’ Kwalità” biex jiġu ppremjati dawk il-kapaċitajiet li jgħollu l-kwalità tas-servizzi pprovduti min-negozji u d-destinazzjonijiet Ewropej.

  • L-elaborazzjoni ta’ tikketta abbażi tal-indikaturi ta’ mmaniġġjar sostenibbli biex jiġu promossi d-destinazzjonijiet turistiċi li jirrispettaw il-kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

  • il-proposta għal Charter li jistabbilixxi kriterji għal turiżmu sostenibbli u responsabbli li abbażi tagħhom jinħareġ prezz Ewropew lill-kumpaniji u destinazzjonijiet turistiċi.

3. Il-konsolidament tal-immaġni u l-viżibbiltà tal-Ewropa bħala sett ta’ destinazzjonijiet sostenibbli u ta’ kwalità għolja

  • Il-ħolqien u l-promozzjoni ta’ “European brand”, tikketta Ewropea, b’koperazzjoni mill-viċin mal-Istati Membri, sabiex l-Ewropa tingħata prominenza ogħla minn dik ta’ destinazzjonijiet internazzjonali oħrajn.

  • Titjib fil-koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali u l-industrija Ewropea tat-turiżmu għall-promozzjoni tal-prodotti turistiċi Ewropej permezz tal-portal visiteurope.com.

4. It-tisħiħ tal-integrazzjoni tat-turiżmu fil-politiki u l-istrumenti finanzjarji tal-UE

It-turiżmu jmur id f’id mal-politiki l-oħrajn. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se ttejjeb l-integrazzjoni u l-kordinazzjoni tal-politiki li jħallu impatt fuq it-turiżmu, bħalma huma d-drittijiet tal-konsumaturi, il-ħarsien tal-konsumatur u s-suq intern.

Iktar tagħri

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/index_mt.htm

1 :

COM(2010) 352


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website