Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/852

Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2010

It-Trasport: Il-Kummissjoni tniedi kampanja sabiex tinforma lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom

Bis-saħħa ta' kampanja ta' pubbliċità bi 23 lingwa madwar l-Ewropa kollha, li tnediet illum mill-Kummissjoni Ewropea, il-passiġġieri se jkollhom aċċess aħjar għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom meta jivvjaġġaw bil-ferrovija jew bl-ajru. Għalkemm fis-snin li għaddew, il-Kummissjoni introduċiet leġiżlazzjoni biex tiżgura li l-passiġġieri tal-ajru u tal-ferrovija jibbenifikaw mill-istess standards ta' trattament madwar l-Unjoni Ewropea kollha, s'issa mhux il-passiġġieri kollha huma konxji tad-drittijiet tagħhom. B'rimedju għal dan, fl-ajruporti u l-istazzjonijiet tal-ferrovija fl-Istati Membri kollha mil-lum, eżatt meta jibda l-istaġun tal-vaganzi, se jitwaħħlu powsters biex ifakkru lill-poplu fid-drittijiet tagħhom. Il-passiġġieri se jkunu jistgħu jikkonsultaw ukoll fuljetti li se jitqassmu b'xejn u websajt iddisinjat apposta bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-Viċi President Siim Kallas, responsabbli mit-trasport, qal: "Hekk kif miljuni Ewropej jippreparaw it-tluq tagħhom għal vaganza li jistħoqilhom dan is-sajf, nixtiequ li nirrendu l-vjaġġ tagħhom faċli kemm jista' jkun, waqt li huma jkunu konxji tad-drittijiet tagħhom u jsiru jafu kif isibu appoġġ meta jitolbuh jekk ikollhom bżonn. Qatt ma jista' jingħata tagħrif biżżejjed. Nisperaw li permezz ta' powsters li jolqtu l-għajn fl-ajruporti madwar l-Ewropa, u permezz ta' fuljetti u informazzjoni onlajn bil-lingwi kollha tal-UE, inkunu nistgħu nilħqu miljuni ta' passiġġieri li se jivvjaġġaw dan is-sajf u fix-xhur li ġejjin. "

Bħala parti mill-kampanja Id-Drittijiet Tiegħek bħala Passiġġier tnediet websajt fuq http://ec.europa.eu/passenger-rights. Fuq dan is-sit, wieħed jista' jiskopri x'inhuma d-drittijiet tiegħu għal kull mezz ta' trasport. Se jkun hemm ukoll fuljetti u powsters li jindikaw id-drittijiet bażiċi kullimkien mill-istazzjonijiet tal-ferrovija sal-ajruporti. Dan kollu huwa disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex ikun possibbli li wieħed jikseb it-tagħrif bil-lingwa tiegħu stess.

Id-drittijiet tal-passiġġieri jistipulaw dak li huma intitolati għalih meta xi ħaġa ma tmurx sew matul il-vjaġġ tagħhom. Pereżempju, meta jkun hemm dewmien jew kanċellazzjoni fil-vjaġġ tagħhom, jew meta il-bagalji jintilfu jew jiġrilhom il-ħsara. Jiggarantixxu wkoll trattament ugwali għal nies bi bżonnijiet speċjali jew b'mobbiltà mnaqqsa.

Il-Kummissjoni qed taħdem biex testendi d-drittijiet tal-passiġġieri għal mezzi oħra tat-trasport. Partikolarment, nediet proposti għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq passaġġi tal-ilma interni, u għal dawk li jivvjaġġaw bix-xarabank jew bil-kowċ. Dawn il-proposti jistgħu jiġu adottati din is-sena stess, skont l-iżviluppi leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Hekk kif dan iseħħ, il-passiġġieri jiġu aġġornati permezz tal-kampanja ta' pubbliċità, li se tibqa' għaddejja għal sentejn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website