Navigation path

Left navigation

Additional tools

Telekomunikazzjoni: jonqsu l-prezzijiet tar-roaming iżda l-kompetizzjoni għadha mhijiex b'saħħitha biżżejjed, skont rapport tal-Kummissjoni

European Commission - IP/10/851   29/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/851

Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2010

Telekomunikazzjoni: jonqsu l-prezzijiet tar-roaming iżda l-kompetizzjoni għadha mhijiex b'saħħitha biżżejjed, skont rapport tal-Kummissjoni

L-operaturi mobbli tal-UE naqqsu t-tariffi tagħhom tar-roaming b'konformità mal-limiti massimi tal-prezzijiet stabbiliti bir-regoli tal-UE, li ġew introdotti għal-ewwel darba fl-2007 u emendati f'Lulju tas-sena l-oħra, skont rapport interim tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-roaming li ġie ppubblikat illum. Kien hemm titjib fit-trasparenza tal-prezz. L-ispiża għal sejħiet bir-roaming naqset b'aktar minn 70 % mill-2005 u l-ispiża biex jintbagħat messaġġ bit-test (SMS) bejn l-Istati Membri tal-UE hija 60 % inqas. Madankollu, il-konsumaturi xorta mhumiex igawdu minn tariffi wisq inqas minn dawk imposti bir-regoli tal-UE. B'hekk ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonkludi li l-kompetizzjoni fuq is-suq tar-roaming fl-UE għadha mhix b'saħħitha biżżejjed biex tipprovdi għażla aħjar u saħansitra rati aħjar lill-konsumaturi.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "L-ispiża għall-konsumaturi li jagħmlu użu ta' mowbajls jew tagħmir mobbli meta jkunu barra minn pajjiżhom naqset b'mod kontinwu mill-adozzjoni tal-ewwel regoli tar-roaming. Iżda wara tliet snin mill-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli, il-parti l-kbira tal-operaturi qed jipproponu prezzijiet bl-imnut li huma qrib il-limiti legali massimi. Żieda fil-kompetizzjoni fis-suq tar-roaming tal-UE tipprovdi għażla aħjar u saħansitra rati aħjar lill-konsumaturi."

Skont ir-regoli emendati tar-roaming adottati f'Ġunju 2009 (IP/09/1064, MEMO/09/309), iċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn tariffi aktar baxxi għal servizzi tar-roaming bil-vuċi u bl-SMS u huma informati aħjar dwar il-prezzijiet li jħallsu għar-roaming tad-dejta . Il-limitu fuq il-prezz massimu li l-konsumaturi jħallsu għal sejħiet bir-roaming naqas minn €0.46 għal €0.43 l-minuta (VAT eskluża) sa mill-1 ta' Lulju 2009 u se jonqos aktar għal €0.39 l-minuta sa mill-1 ta' Lulju 2010. Il-prezz b'limitu ta' SMS naqas bi kważi 60 % għal €0.11 mill-1 ta' Lulju 2009. Il-prezzijiet li l-operaturi jżommu lil xulxin għar-roaming tad-dejta se jonqsu minn €1 għal €0.80 għal kull MegaByte imtellgħa jew imniżżla minn Lulju 2010 Ara IP/10/843.

Għalkemm il-leġiżlazzjoni wasslet għal prezzijiet aktar baxxi, ir-rapport tal-lum juri li, minkejja l-introduzzjoni tal-limiti regolatorji, is-suq tar-roaming tal-UE għadu mhuwiex kompetittiv biżżejjed biex jipprovdi l-aħjar għażla u prezzijiet lill-konsumaturi. Il-prezzijiet bl-imnut għandhom tendenza li jkunu madwar il-limiti massimi tal-prezzijiet irregolati mill-UE. Fl-aħħar tal-2009, il-prezz legali massimu tal-UE għal sejħiet bir-roaming kien ta' €0.43 l- minuta, u l-konsumaturi li għażlu l-"Euro-tariff" (ara l-iSfond aktar 'l isfel) ħallsu medja ta' €0.38 l-minuta biex jagħmlu telefonata bir-roaming. Il-konsumaturi tal-"Euro-tariff" ħallsu wkoll medja ta' €0.17 l-minuta għal sejħiet li rċievew waqt ir-roaming, kemmxejn taħt il-limitu legali ta' €0.19.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-regoli tal-UE jħallu biżżejjed marġini biex l-operaturi jkunu jistgħu joffru tariffi tar-roaming aktar attraenti taħt il-limiti regolatorji tar-roaming. Finalment id-differenza bejn it-tariffi tar-roaming u dawk nazzjonali għandhha tqarreb iż-żero sal-2015, f'konformità mal-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 and MEMO/10/200).

Għar-roaming tad-dejta, ir-rapport jikkonferma li l-prezzijiet bl-ingrossa niżlu ferm inqas mill-massimu tal-UE (€1 kull MegaByte imtellgħa jew imniżżla). Fl-aħħar tal-2009, il-prezz tal-ħlas li l-operaturi jitolbu lil xulxin kien medja ta' €0.55 kull MegaByte. Il-prezzijiet medji tal-konsumaturi niżlu wkoll, minn €3.62 kull MegaByte fil-bidu tal-2009 għal €2.66 fl-aħħar tal-2009. Il-Kummissjoni tistenna li operaturi jgħaddu l-iffrankar fil-livell tal-prezzijiet bl-ingrossa lill-konsumaturi bħala prezzijiet bl-imnut, li hi tkompli tagħmel monitoraġġ tagħhom.

L-analiżi tal-Kummissjoni turi wkoll li l-konsumaturi qed jagħmlu użu akbar mis-servizzi tar-roaming. Minkejja nuqqas fis-safar li ġie stmat għal 12 %, il-volumi kumplessivi tas-sejħiet riċevuti u l-SMS mibgħuta waqt is-safar fl-UE żdiedu f'dawn l-aħħar sentejn. Partikolarment, fis-sajf tal-2009 intbagħtu 20 % aktar SMS, mis-sajf ta' qabel, wara l-introduzzjoni tal-limitu tal-prezz tal-SMS għal 11-il ċenteżmu mal-UE kollha.

F'termini ta' volum is-servizzi tar-roaming żdiedu b'aktar minn 40 % fl-2009. Hekk kif l-ismart phones u tagħmir mobbli ieħor qed isiru aktar komuni, din ix-xejra mistennija li tkompli.

Il-Kummissjoni se tirrevedi r-regoli tar-roaming tal-2009 b'mod sħiħ sal-aħħar ta' Ġunju 2011. Se tivvaluta jekk l-għanijiet tagħhom inkisbux u jekk is-suq għas-servizzi tar-roaming huwiex jaħdem kif xieraq – jiġifieri bħala Suq Uniku Diġitali.

Sfond:

Ir-Regolament tar-Roaming tal-UE li sar fl-2009 (MEMO/07/251, IP/07/1202) introduċa limiti tal-prezz bl-ingrossa u bl-imnut għal prezzijiet tar-roaming u inkluda miżuri biex tiżdied it-trasparenza. Fl-2009, l-UE emendat ir-Regolament dwar ir-Roaming biex tnaqqas aktar il-prezzijiet tas-servizzi għall-SMS tad-dejta u s-servizzi bil-vuċi. L-emenda tintroduċi l-"Euro-SMS tariff" li tillimita l-prezz ta' SMS għal 11-il ċenteżmu (VAT eskluża) u limitu bil-grossa ta' €1 kull MegaByte imtellgħa jew imniżżla. Ir-Regolament dwar ir-Roaming tal-2009 huwa validu sat-30 ta' Ġunju 2012.

Waħda mill-miri fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, hija li d-differenzi bejn it-tariffi tar-roaming u dawk nazzjonali għandhom iqarrbu ż-żero sal-2015. B'dak il-mod, il-Kummissjoni se tikseb Suq Uniku vera għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni.

Bosta operaturi mobbli tar-Rennju Unit ippruvaw jisfidaw ir-Regolament dwar ir-Roaming tal-UE fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Madankollu, fit-8 ta' Ġunju 2010 il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet li r-Regolament dwar ir-Roaming kien legalment validu (MEMO/10/242). Id-deċiżjoni tal-Qorti kkonfermat il-fehma tal-Kummissjoni li r-Regolament għandu bażi legali korretta (ir-regoli tat-Trattat biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-Suq Intern tal-UE), hija essenzjalment proporzjonata mal-għan tal-ħarsien tal-konsumatur mill-prezzijiet għolja u hija ġġustifikata abbażi tas-sussidjarjetà (ma kienx ikun possibbli li jintlaħaq l-istess għan mingħajr approċċ komuni fil-livell tal-UE).

Ir-rapport interim jinsab hawn:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/docs/interim_report2010.pdf

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/index_en.htm

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED
Anness

(Sors: BEREC)

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED
(Sors: BEREC)

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

(Sors: BEREC)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website