Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-Telekomunikazzjoni: miżuri ġodda li jikkontrollaw kontijiet li jaħsdu għar-roaming tad-dejta mill-1 ta' Lulju; limiti massimi aktar baxxi tal-prezzijiet tat-telefonati bir-roaming

European Commission - IP/10/843   28/06/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/843

Brussell, it-28 ta' Ġunju 2010

It-Telekomunikazzjoni: miżuri ġodda li jikkontrollaw kontijiet li jaħsdu għar-roaming tad-dejta mill-1 ta' Lulju; limiti massimi aktar baxxi tal-prezzijiet tat-telefonati bir-roaming

(See also MEMO/10/279)

Mill-1 ta' Lulju 2010, il-klijenti m'għandhomx bżonn jinkwetaw aktar dwar li, mingħajr ma jindunaw, itellgħu kontijiet kbar meta jaqbdu mal-internet permezz tan-netwerks mobbli bil-mowbajl jew b'kompjuter meta jkunu barra minn pajjiżhom fl-UE. Bis-saħħa tar-regolamenti tar-roaming tal-UE, mill-1 ta' Lulju, il-limitu tar-roaming tad-dejta se jkun awtomatikament dak ta' €50 bil-VAT eskluża (sakemm ma jintgħażilx limitu ieħor – ogħla jew aktar baxx). L-operaturi se jkollhom jibgħatu twissija lill-utenti meta dawn jilħqu 80% tal-limitu tal-kont tagħhom tar-roaming tad-dejta. L-operatur se jkollu jaqta' l-konnessjoni tal-internet mobbli meta jintlaħaq il-limitu, sakemm il-klijent ma jkunx indika li f'dak ix-xahar partikulari jrid ikompli jagħmel użu mir-roaming tad-dejta. Minbarra dan, il-prezzijiet massimi bl-ingrossa għar-roaming tad-dejta se jinżlu minn €1 għal €0.80 kull MegaByte. Il-prezz massimu biex issir telefonata bir-roaming se jinżel għal €0.39 fil-minuta (VAT eskluża), minflok €0.43 li hemm bħalissa, filwaqt li meta tirċievi telefonata, dan se jkun jiswa massimu ta' €0.15 fil-minuta (VAT eskluża), minflok €0.19. Il-prezz biex tagħmel u tirċievi telefonati meta barra minn pajjiżek fl-UE issa se jkun 73% orħos mill-2005, is-sena li fiha l-UE bdiet tipprova tirranġa l-prezzijiet eċċessivi tar-roaming (IP/05/901).

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "Mhux se jkun hemm iżjed kontijiet li jaħsdu għat-turisti u negozjanti li jivvjaġġaw u li jużaw l-internet ismart phones jew laptops waqt li jkunu f'pajjiż ieħor tal-UE. L-UE qed taqta' wkoll l-ispiża tat-telefonati li jsiru bir-roaming għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw. Determinata li nagħmel is-swieq tat-telekomunikazzjoni tal-UE aktar kompetittivi."

Roaming tad-dejta

Ir-Regolament tar-Roaming (N° 544/2009) tal-UE li sar fl-2009, kien jirrikjedli li, minn Marzu 2010 (IP/10/25), l-operaturi mobbli joffru lill-klijenti tagħhom il-possibiltà li jiffissaw il-limitu tat-tariffa fix-xahar huma stess għar-roaming tad-dejta permezz ta'mowbajl jew kompjuter. Mill-1 ta' Lulju 2010, jekk il-konsumaturi ma jkunux għażlu limitu ta' qtugħ differenti, l-operaturi jkollhom jimponu limitu ta' qtugħ awtomatiku għar-roaming tad-dejta ta' €50, VAT eskluża. Għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona euro, l-ammont se jkun ikkalkulat fuq ir-rata ta' skambju ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE mill-1 ta' Ġunju 2010. Dawn il-miżuri jfissru li l-utenti mhux se jibqgħu jirċievu kontijiet kbar ħafna (potenzjalment eluf ta' euro) minħabba li jkunu niżżlu mużika jew raw videos fuq il-mowbajls jew kompjuters tagħhom waqt li jkunu fi Stat Membru ieħor mingħajr ma dawn ikunu konxji mill-ispiża.

Bħala eżempju tal-problema, fl-2009, vjaġġatur Ġermaniż li niżżel programm televiżiv waqt li kien Franza rċieva kont ta' aktar minn € 46 000. F'eżempju ieħor aktar riċenti, kien irrapportat li student mir-Renju Unit irċieva kont ta' kważi € 9 000 għar-roaming tad-dejta matul xahar wieħed meta kien qiegħed jistudja barra minn pajjiżu.

Skont ir-Regolament, l-operaturi għandhom jibgħatu messaġġ lill-klijenti tagħhom li bih jinfurmawhom dwar it-tariffi tar-roaming tad-dejta kull meta jidħlu f'pajjiż ieħor tal-UE. L-operaturi għandhom jibgħatu wkoll lill-klijenti tagħhom sinjal ta' twissija meta jkunu laħqu t-80% tal-limitu speċifikat tagħhom. Il-messaġġi jistgħu jintbagħtu permezz ta' sms, email jew tieqa li tfeġġ fuq l-iskrin tal-kompjuter, bi kwalunkwe mod li jagħżel l-operatur u skont l-apparat li qed jintuża.

Minbarra dan, il-prezzijiet massimi bl-ingrossa għar-roaming tad-dejta permessi bir-Regolament tar-Roaming, mill-1 ta' Lulju se jitnaqqsu minn 1 Euro għal €0.80 kull MegaByte (MB) ta' informazzjoni li tittella' jew titniżżel mill-Internet. Is-sena d-dieħla, il-prezzijiet se jinżlu aktar, jiġifieri għal €0.50 kull MB.

Telefonati bir-roaming

Il-prezzijiet massimi bl-imnut (VAT eskluża) għal telefonati bir-roaming se jitnaqqsu wkoll. Dawn se jinżlu bi kważi 10%, minn €0.43 għal €0.39 fil-minuta għal telefonati magħmula u b'iktar minn 20% minn €0.19 għal €0.15 fil-minuta għal telefonati riċevuti.

Fl-aħħarnett, mhux se jibqa' jsir ħlas meta tirċievi messaġġ tal-voice mail permezz tar-roaming iżda l-klijenti se jibqgħu jħallsu biex jisimgħu l-messaġġi voice mail tagħhom. Il-prezzijiet biex jintbagħtu l-SMS se jibqgħu dawk ta' €0.11 għal kull messaġġ.

Ir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tal-mowbajls ikunu konformi mar-regoli ġodda dwar ir-roaming tad-dejta u l-prezzijiet aktar baxxi għat-telefonati. Il-konsumaturi jistgħu jikkuntattjaw lir-regolatur nazzjonali fl-Istat Membru fejn huwa bbażat l-operatur tal-mowbajl tagħhom jekk ikollhom problemi jew mistoqsijiet rigward il-limiti l-ġodda.

Sfond

Il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew, li qed jaħdmu fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea, introduċew limiti fuq il-prezzijiet tar-roaming għall-ewwel darba fl-2007 (IP/07/870), li jiżguraw li l-abbonati tal-mowbajl iħallsu tariffi tar-roaming simili fl-UE kollha. F'Lulju tal-2009, adottaw regolamenti riveduti li jniżżlu aktar il-prezzijiet tar-roaming bir-rati biex b'hekk, sa Lulju  2011, il-prezzijiet massimi tar-roaming ikunu dawk ta' €0.35 fil-minuta għal telefonati magħmula u €0.11 għal telefonati riċevuti meta tkun barra minn pajjiżek (ara IP/09/1064 u MEMO/09/309). Ir-regolamenti tar-roaming tal-2009 se japplikaw sal-aħħar ta' Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport interim dwar l-impatt tar-Regolament tar-Roaming sal-aħħar ta' Ġunju 2010 u tipprovdi analiżi sħiħa dwar il-funzjonament tiegħu sat-30 ta' Ġunju 2011. Fl-analiżi sħiħa tal-2011 se tistima kif inhu l-aħjar mod biex tilħaq l-għan tagħha, hekk kif imniżżel fl-Aġenda Diġitali tal-Ewropa, li hu dak li sal-2015, id-differenza fit-tariffi bejn telefonati bir-roaming u telefonati bil-mowbajl f'pajjiżek għandha tkun kważi żero (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi fis-servizzi tar-roaming u l-implimentazzjoni tajba ta' dawn ir-regolamenti, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-BEREC, il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok żur is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-roaming:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/index_en.htmTable

Limiti bl-imnut mingħajr VAT – minn Lulju 2010

Telefonati bir-roaming

Telefonati magħmula

€0.39

Telefonati riċevuti

€0.15

Messaġġi fil-voice mail permezz tar-roaming

Messaġġi voice mail riċevuti

B'xejn

Rata tad-Dejta bl-ingrossa

MegaByte 1 li jittella' jew jitniżżel mill-Internet

€0.80


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website