Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/838

Brussell, il-25 ta' Ġunju 2010

L-UE tadotta miżuri ġodda biex tissimplifika l-immaniġġjar tal-fondi biex tgħin lir-reġjuni jindirizzaw il-kriżi

Fl-24 ta' Ġunju 2010, l-UE adottat miżuri ġodda bil-għan li jissimplifikaw ir-regoli dwar l-immaniġġjar tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni. Il-bidliet għandhom jgħinu biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-fondi u jaċċelleraw il-flussi ta' investiment f'waqt meta l-baġits pubbliċi jinsabu taħt pressjoni. Bħala parti mill-miżuri biex tingħeleb il-kriżi ekonomika, se jitħallsu ħlasijiet addizzjonali bil-quddiem ta' EUR 775 miljun lil xi pajjiżi membri biex jindirizzaw problemi immedjati ta' likwidità.

Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, qal: "Il-kriżi dgħajfet il-fiduċja tan-negozji, żiedet l-għadd ta' persuni qiegħda u qed tpoġġi piż enormi fuq il-finanzi pubbliċi. Dawn il-miżuri għandhom jgħinu biex jiġu indirizzati l-problemi ta' likwidità, u wkoll inaqqsu l-burokrazija biex l-aċċess għall-fondi jkun iktar faċli. L-implimentazzjoni tal-proġetti fil-prattika għandha ssir iktar malajr u dan se jgħin lill-ekonomiji nazzjonali u reġjonali f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi."

László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni li huwa responsabbli għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE), żied li: "Il-kriżi wrietna kemm huwa relevanti u ta’ valur il-Fond Soċjali Ewropew. Il-miżuri li ntużaw l-aktar f'dawn l-aħħar xhur kienu politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jgħinu lill-qiegħda jsibu impjiegi. It-taħriġ u l-aġġornament tal-ħiliet li ġew offruti lin-nies qiegħda qed iħallu l-frott u s-simplifikazzjoni tfisser li l-Istati Membri se jkunu jistgħu jgħinu b'mod iktar effettiv lil dawk li ntlaqtu l-iktar ħażin mill-kriżi."

Permezz tat-tliet fondi tal-politika ta' koeżjoni - il-Fond Ewropew ta' Żvilupp Reġjonali (PEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni – l-455 programm tal-politika ta' koeżjoni qed jinvestu total ta' EUR 347 biljun bejn l-2007 u l-2013 fir-reġjuni kollha tal-UE.

Wieħed mill-impatti ewlenin tal-kriżi huwa li l-Istati Membri u r-reġjuni qed isibuha diffiċli biex jagħtu l-fondi addizzjonali meħtieġa biex jikkofinanzjaw l-investimenti Ewropej. B'reazzjoni għal dan, it-tibdil imħabbar huwa maħsub biex jegħleb din l-isfida biex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-programmi u jiġi ssimplifikat l-immaniġġjar ta' kuljum.

Il-miżuri l-ġodda ewlenin jinkludu:

  • L-introduzzjoni ta' limitu wieħed ta' EUR 50 miljun uniformement għat-tipi kollha ta' proġetti ewlenin li jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni: bil-limitu uniformi l-ġdid l-Istati Membri se jkunu jistgħu japprovaw waħidhom proġetti ambjentali fuq skala iżgħar, u dan se jgħin biex dawn jibdew iktar malajr.

  • Il-proġetti kbar se jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati minn iktar minn programm wieħed: eż. il-bini ta' parti minn awtostrada ewlenija li tgħaddi minn reġjuni differenti issa se jkun jista' jiġi kkofinanzjat minn bosta programmi reġjonali. Skont ir-regoli preċedenti, dan ma setax jiġi akkomodat.

  • Proċedura iktar sempliċi għar-reviżjoni tal-programmi biex ikunu adattati iktar malajr għall-isfidi kurrenti

  • It-titjib tal-użu tal-inġinerija finanzjarja: il-possibbiltà tat-twaqqif ta' skemi ta' self biex jiżdied l-infiq fuq l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli fid-djar

  • L-obbligu li l-investimenti jinżammu se jsir iktar faċli: dawn ir-regoli issa se japplikaw biss għal proġetti xierqa, bħas-setturi tal-infrastruttura u l-investiment produttiv. Mhux se japplikaw għal kumpaniji li jfallu bla ħsieb. Għal operazzjonijiet tat-tip tal-FSE, dan huwa wkoll allinjat mar-regoli tal-għajnuna tal-istat.

  • Is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar proġetti "li jiġġeneraw id-dħul" (eż. awtostradi bi ħlas jew proġetti li jinvolvu l-kiri jew il-bejgħ tal-art): sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, issa d-dħul se jiġi mmonitorjat biss sa tmiem il-programm relatat.

  • Il-mobilizzazzjoni ta' avvanzi addizzjonali ta' EUR 775 miljun (4 % mill-FSE u 2 % mill-Fond ta' Koeżjoni) għall-Istati Membri li jirċievu self mill-iskema tal-bilanċi tal-ħlasijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali, jew li l-PGD tagħhom naqas b'iktar minn 10 %: abbażi ta' dawn iż-żewġ kriterji, dan jikkonċerna l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija u r-Rumanija.

  • Posponiment tar-regoli ta' diżimpenn 'N+2': skont l-N+2, jekk il-fondi allokati fl-2007 ma jintefqux sa tmiem l-2009, dawn imorru lura awtomatikament għall-baġit tal-UE. Bil-bidliet, l-impenji għall-2007 jistgħu jintefqu fuq perjodu itwal. Dan se jevita t-telf ta' madwar EUR 220 miljun (EUR 125 miljun għal Spanja, EUR 56 miljun għall-Italja, EUR 9 miljun għar-Renju Unit, EUR 6 miljun għall-Ġermanja, EUR 4 miljun għall-Pajjiżi l-Baxxi u EUR 20 miljun għall-proġetti ta' kooperazzjoni bejn bosta pajjiżi)

Dawn il-modifiki jikkomplementaw l-għadd kbir ta’ inizjattivi oħra li ttieħdu mindu bdiet il-kriżi skont il-Pjan Ewropew ta' Rkurpu Ekonomiku:

http://ec.europa.eu/regional_policy/funds/recovery/

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=736

Nota lill-edituri

Il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha f'Lulju 2009 u din imbagħad ġiet diskussa mill-Parlament Ewropew u ġiet adottata mill-Istati Membri fil-Kunsill fit-3 ta Ġunju 2010. Il-modifiki se jidħlu fis-seħħ f'din id-data: 25 ta' Ġunju 2010.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website