Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/836

Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2010

Enerġija: Il-Kummissjoni titlob lil 20 Stat Membru jimplimentaw u japplikaw, mingħajr dewmien, ir-regoli tas-Suq Uniku

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat 35 talba separata lil 20 Stat Membru biex dawn jimplimentaw u japplikaw bis-sħiħ aspetti varji tal-leġislazzjoni tal-UE biex joħolqu Suq Uniku għall-gass u l-elettriku. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jżidu l-kapaċità u t-trasparenza tas-swieq tal-gass u l-elettriku. Biex il-kompetizzjoni u s-sigurtà jkunu żgurati, huwa kruċjali li s-suq jitħaddem sew u jkun irregolat kif suppost, b'mod trasparenti u interkonness u s-sinjali tal-prezzijiet tas-suq ikunu disponibbli. Suq Uniku tal-UE tal-enerġija li jkun effiċjenti u li jitħaddem bis-sħiħ jagħti l-opportunità lill-konsumaturi biex jagħżlu bejn kumpaniji differenti li jipprovdu l-gass u l-elettriku bi prezzijiet raġonevoli kif ukoll jippermetti li jkun hemm suq aċċessibbli għall-fornituri kollha, speċjalment dawk żgħar kif ukoll dawk li qegħdin jinvestu fl-enerġiji rinnovabbli. Dan is-suq se jgħin ukoll lill-UE toħroġ mill-kriżi ekonomika. L-Istati Membri kkonċernati issa għandhom xahrejn sabiex jirrispondu t-talbiet tal-Kummissjoni li ġew ippreżentati bħala 'opinjonijiet motivati' taħt il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti mill-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista' tirreferihom lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Il-Kummissjoni qiegħda tibgħat total ta' 35 opinjoni motivata lill-20 Stat Membru li ġej: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

Il-ksur ewlieni li ġie identifikat mill-Kummissjoni jikkonċerna:

  • nuqqas ta’ informazzjoni mogħtija mill-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni tal-elettriku u l-gass, b’tali mod li dan jostakola l-aċċess effettiv tal-kumpaniji ta’ forniment lin-netwerks

  • sistemi inadegwati għall-allokazzjoni tal-kapaċità tan-netwerks li jnaqqsu ċ-ċans li jkun hemm l-aħjar użu possibbli tan-netwerks għat-trasmissjoni tal-elettriku u l-gass fl-Istati Membri

  • nuqqas ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni transkonfinali min-naħa tal-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni tal-elettriku u l-awtoritajiet nazzjonali. Dawn huma meħtieġa biex il-kapaċità tan-netwerks tkun allokata aħjar f’interkonnessjonijiet transkonfinali ħalli x-xibka elettrika eżistenti tkun tista' taqdi, bl-aħjar mod, il-bżonnijiet reġjonali u Ewropej

  • sforzi inadegwati min-naħa tal-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni tal-gass li qegħdin joħonqu l-possibbiltà lill-operaturi ġodda biex jidħlu fis-swieq upstream tal-gass (per eżempju mill-Ġermanja għall-Polonja jew mill-Greċja għall-Bulgarija) biex joffru servizzi ta' fluss b'lura bil-possibiltà ta' interuzzjoni (magħruf ukoll bħala 'backhaul').

  • nuqqas ta’ azzjoni effikaċi ta’ infurzar mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri meta jseħħ ksur tar-regolamenti tal-UE, inkluża l-assenza ta’ sistemi effikaċi ta’ multi fil-livell nazzjonali

  • nuqqas ta' proċeduri adegwati għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-konsumaturi - hija premessa fundamentali tad-Direttivi tal-Elettriku u l-Gass li ċ-ċittadini kollha li jgawdu mill-benefiċċji tas-suq intern għandhom igawdu wkoll minn livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-fatt li ma jkunx hemm proċeduri trasparenti, sempliċi u rħas tal-mod kif jiġu indirizzzati l-ilmenti jista' jwassal biex il-konsumaturi joqogħdu lura milli jipparteċipaw fis-Suq Uniku tal-enerġija.

Il-kuntest:

Il-ksur li jikkonċerna n-nuqqas tal-Istati Membri milli jirrispettaw l-obbligi legali li joħorġu minn dawn iż-żewġ Regolamenti:

  • Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2004) + l-Anness għar-Regolament (li nbidel bid-Deċiżjoni tad-9 ta' Novembru 2006; u li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Novembru 2006);

  • Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni tal-gass naturali + l-Anness (l-Istati Membri kellhom ikunu konformi mar-Regolament mill-1 ta' Lulju 2006).

L-għan ta' dawn ir-Regolamenti, li japplikaw direttament fl-Istati Membri hu li jiżguraw li l-partijiet terzi jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerks tat-trasmissjoni tal-elettriku u l-gass. Skont dawn ir-Regolamenti, l-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni huma mitluba jippubblikaw informazzjoni dwar id-disponibilità u l-kapaċità tan-netwerks u joffru lis-suq il-kapaċità massima tan-netwerk. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-multi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Barra minn hekk, erba' Stati Membri (il-Belġju, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja) naqsu milli jimplimentaw l-obbligi tagħhom li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim kif stipulat fid-Direttivi li ġejjin:

  • Id-Direttiva 2003/54/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku

  • Id-Direttiva 2003/55/KE rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali.

L-Istati Membri kellhom jimplimentaw dawn id-Direttivi fil-liġi nazzjonali mill-1 ta' Lulju 2004. Sa llum, il-konsumaturi fil-Belġju, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja għadhom ma jistgħux jibbenifikaw minn proċeduri trasparenti, sempliċi u rħas għall-mod kif jiġu indirizzati l-ilmenti tagħhom skont kif mitlub minn dawn id-Direttivi.

Għal aktar tagħrif dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri indiviwali, ara MEMO/10/275.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site