Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE NL PT FI ET LV PL SK BG

IP/10/832

Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2010

L-Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lil għaxar Stati Membri jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE

Il-Kummissjoni qed titlob lil għaxar Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, Franza, il-Portugall, il-Latvja, il-Finlandja, il-Polonja, Malta u s-Slovakkja) jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE f'ħames oqsma differenti, jiġifieri fil-prevenzjoni tal-għargħar, il-politika tal-ilma, il-ġestjoni ta' storbju fl-ambjent u s-siti għall-miżbliet. Il-każijiet jaqgħu taħt tliet kategoriji differenti: nuqqas ta' komunikazzjoni – in-nuqqas ta' adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq livell nazzjonali; nuqqas ta' konformità bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali u r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE; u l-applikazzjoni ħażina, nuqqas ta' applikazzjoni xierqa tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Disgħa mill-Istati Membri issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għat-talbiet, li jieħdu l-forma ta' 'opinjonijiet motivati' skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Fil-każ ta' Malta, il-limitu ta' żmien għar-risposta huwa ta' xahar. Fin-nuqqas ta' risposti sodisfaċenti mill-Istati Membri konċernati, il-Kummissjoni tista' tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Nuqqas ta' komunikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għargħar

Il-Kummissjoni qed titlob lill-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, Franza u l-Portugall jadottaw il-miżuri neċessarji biex tkun implimentata d-Direttiva 2007/60/KE dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji tal-għargħar. Id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas u titratta r-riskji li l-għargħar jimponi fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika.

Id-Direttiva titlob li sal-2011 l-Istati Membri jwettqu valutazzjoni preliminari biex jidentifikaw dawk il-baċiri tax-xmajjar u żoni kostali assoċjati li jinsabu fir-riskju li jintlaqtu mill-għargħar. Imbagħad għal żoni bħal dawn, hemm bżonn li sal-2013 ifasslu mapep tar-riskji tal-għargħar u sal-2015 jistabilixxu pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskji tal-għargħar li jiffukaw fuq il-prevenzjoni, protezzjoni u tħejjija.

L-Istati Membri kellhom jimplimentaw id-Direttiva fil-liġi nazzjonali sas-26 ta' Novembru 2009 l-aħħar. GħaIl-Kummissjoni, is-segwitu tat-traspożizzjoni tard tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri hija prijorità.

Id-Direttiva dwar l-Iskart tat-Tagħmir Elettriku u Elettroniku (WEEE) – il-Latvja

Il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob lil Latvja li timplimenta kif xieraq id-Direttiva 2002/96 dwar l-Iskart tat-Tagħmir Elettriku u Elettroniku (WEEE). It-traspożizzjoni tad-definizzjoni ta' 'produttur' fil-leġiżlazzjoni tal-Latvja mhijiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Skont id-Direttiva, id-definizzjoni ta' 'produttur' għandha tagħmel referenza għas-suq tal-UE li jikkonċerna l-produzzjoni ta' tagħmir elettriku u elettroniku minflok għas-suq nazzjonali.

Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma – il-Finlandja u l-Polonja

Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li titlob lill-Finlandja u lill-Polonja biex jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2000/60/KE, li tistabilixxi qafas għall-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika tal-ilma. Għaż-żewġ Stati Membri, jibqa' preżenti numru sinifikanti ta' kwistjonijiet dwar nuqqas ta' konformità mad-Direttiva.

Id-Direttiva dwar l-Istorbju - Malta

Il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob lil Malta twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2002/49/KE dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-istorbju ambjentali. Malta naqset milli tfassal mapep strateġiċi tal-istorbju. Id-Direttiva dwar l-Istorbju tippreżenta approċċ komuni li jevita, jipprevjeni jew inaqqas l-effetti ħżiena tal-esponiment għall-istorbju ambjentali. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ikejlu l-istorbju ambjentali (bl-użu ta' metodoloġija u indikaturi standard) biex ifasslu mapep strateġiċi tal-istorbju għal agglomerazzjonijiet urbani prinċipali, toroq, ajruporti u binarji ferrovjarji.

Id-Direttiva dwar il-Miżbliet – is-Slovakkja

Il-każ kontra s-Slovakkja jikkonċerna nuqqas milli jiġu applikati b'mod xieraq ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-każ jikkonċerna l-operazzjoni tas-sit tal-Miżbla f'Považský Chlmec, viċin ta' Žilina, is-Slovakkja. Il-miżbla mhux qed topera skont id-Direttiva 1999/31/KE dwar l-iskart tal-miżbla. Hija kkunsidrata bħala "sit eżistenti tal-miżbla" skont id-Direttiva dwar il-Miżbliet; hekk kif dokumentazzjoni speċifika bħal din hija meħtieġa biex tippermetti li dan is-sit jkompli jopera wara s-16 ta' Lulju 2009. S'issa l-awtoritajiet Slovakki ma pprovdewx l-informazzjoni meħtieġa biex jikkonfermaw li din id-dokumentazzjoni ngħatat.

Għall-istatistiċi attwali ġenerali dwar il-ksur, ara:

http://ec.europa.eu/environment/legal/implementation_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website