Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/824

Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2010

L-ambjent – Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli: Il-bejjiegħa bl-imnut Ewropej joħolqu kodiċi ta’ kondotta ekoloġika

Il-mexxejja tan-negozju Ewropej illum ħarġu kodiċi ta’ kondotta ekoloġika mhux obbligatorju għas-settur tal-bejgħ bl-imnut. Il-bejjiegħa bl-imnut li jiddeċiedu li jadottaw il-kodiċi jikkommettu ruħhom li jimxu ma’ sett ta’ prinċipji mmirati biex inaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u li jwettqu miżuri biex dan iseħħ. Il-Kodiċi għas-Sostenibbiltà Ambjentali fis-Settur tal-Bejgħ bl-Imnut tressaq lill-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, Janez Potočnik, waqt avveniment biex jitfakkar l-ewwel anniversarju tal-Forum tal-Bejjiegħa bl-Imnut. Il-Forum twaqqaf mill-Kummissjoni Ewropea u mis-settur tal-bejgħ bl-imnut fl-Ewropa s-sena li għaddiet bħala parti mill-ħidma sfiqa tagħhom biex iħeġġu modi ta’ konsum li huma iktar sostenibbli mil-lat ambjentali.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Dan il-kodiċi huwa pass importanti għall-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut u huwa aħbar tajba għall-konsumaturi. Huwa jittratta l-oqsma ewlenin ta’ tħassib ambjentali, bħalma huma l-provvista tar-riżorsi, il-ġestjoni tal-iskart, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-komunikazzjoni lill-klijenti. Meta jiddeċiedu li jadottaw dan il-kodiċi, il-bejjiegħa bl-imnut ikunu qed juru li huma jagħtu każ tal-impatt li n-negozju tagħhom għandu fuq l-ambjent u li qed jieħdu passi biex inaqqsu dan l-impatt.”

Sir Terry Leahy, id-Direttur Eżekuttiv ewlieni tal-kumpanija Tesco PLC u l-President tal-“European Retail Round Table” (il-bord tas-settur tal-bejgħ bl-imnut fl-Ewropa), qal: “Aħna kuntenti bil-progress kbir li għamilna fis-sena minn meta twaqqaf il-Forum tal-bejgħ bl-imnut ’l hawn, bl-għadd kbir ta’ bidliet li qed isiru fil-ħwienet, fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tagħna, mal-fornituri tagħna, mal-imsieħba tagħna li huma organizzazzjonijiet mhux governattivi, u naturalment mal-klijenti tagħna.Illum qed nagħmlu l-pass li jmiss billi nniedu dan il-Kodiċi.Nafu li għad baqa’ ħafna xi jsir u jiena ċert li l-implimentazzjoni ta’ dan il-kodiċi se tgħinna nwettqu dan. Dan huwa eżempju ċar tal-ħolqien ta’ moviment tal-massa għall-konsum ekoloġiku li qed jaħdem fil-prattika.”

Dr. Rainhardt von Leoprechting, il-Viċi-President u l-Kap tar-Relazzjonijiet Korporattivi tal-kumpanija Metro Group u l-President tal-“EuroCommerce” qal: “Is-settur tal-bejgħ bl-imnut mhux biss parti ewlenija tal-ekonomija Ewropea, li joħloq 13 % mill-prodott gross domestiku, imma jorbot ukoll lill-industrija ma’ miljuni ta’ konsumaturi. F’dan ir-rwol hekk importanti, aħna nistgħu naħdmu ma’ dawk kollha li huma involuti fil-proċess tal-provvista sabex niżviluppaw soluzzjonijiet ġodda li huma sostenibbli. Flimkien nistgħu mmexxu lill-Ewropa lejn ġejjieni aħjar li huwa iktar ekoloġiku.”

Kodiċi ta’ kondotta ekoloġika mhux obbligatorju għas-settur tal-bejgħ bl-imnut

Il-bejjiegħa bl-imnut Ewropej qegħdin f’pożizzjoni tajba ferm biex iħeġġu konsum li huwa iktar sostenibbli permezz tal-azzjonijiet tagħhom stess, permezz tas-sħubija tagħhom mal-fornituri, u tal-kuntatt ta’ kuljum tagħhom mal-konsumaturi Ewropej.

Ir-rikonoxximent tar-rwol tagħhom li jinfluwenzaw lil ħaddieħor wassal biex twaqqaf il-Forum tal-bejgħ bl-imnut – inizjattiva li tifforma parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-UE għal konsum u produzzjoni sostenibbli u għal politika industrijali sostenibbli. Fost il-kumpaniji msieħba fil-forum insibu diversi bejjiegħa bl-imnut multinazzjonali li kkommettew ruħhom li jnaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom permezz ta’ għadd ta’ azzjonijiet imfasslin b’mod speċifiku għall-kumpanija tagħhom.

Illum il-Forum tal-bejgħ bl-imnut għamel pass ieħor ’il quddiem fit-triq lejn is-sostenibbiltà billi ressaq kodiċi Ewropew mhux obbligatorju għall-bejjiegħa bl-imnut. Il-Kodiċi għas-Sostenibbiltà Ambjentali fis-Settur tal-Bejgħ bl-Imnut jiffoka fuq il-provvista sostenibbli ta’ prodotti speċifiċi bħalma huma l-injam u l-ħut, l-użu iktar effiċjenti tar-riżorsi fil-ħwienet, it-titjib kemm jista’ jkun tal-ġarr u d-distribuzzjoni, prattiki aħjar tal-ġestjoni tal-iskart u komunikazzjoni mtejba lill-konsumaturi. Il-firmatarji tiegħu jaqblu li jirrappurtaw dwar il-progress li jkunu qed jagħmlu, pereżempju permezz tar-rapport annwali tagħhom dwar is-sostenibbiltà korporattiva.

Iktar minn għoxrin bejjiegħ bl-imnut u assoċjazzjoni tal-bejgħ bl-imnut diġà ffirmaw dan il-kodiċi ta’ kondotta, li huwa miżura li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea appoġġa fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Diċembru tal-2008.

Il-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut

Il-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut tnieda fl-2009 bl-għan li joħloq fehim aħjar tal-miżuri prattiċi meħtieġa sabiex jitħeġġeġ il-konsum sostenibbli fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Is-sħubija fil-Forum tal-bejgħ bl-imnut mhijiex obbligatorja u hija miftuħa għall-bejjiegħa bl-imnut kollha li jissieħbu mal-Programm ta’ azzjoni favur l-ambjent tal-bejjiegħa bl-imnut. S’issa ssieħbu 21 bejjiegħ bl-imnut u seba’ assoċjazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut.

Fl-ewwel sena tiegħu, il-Forum ittratta għadd ta’ kwistjonijiet importanti bħalma huma l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-trasport u l-loġistika, u l-komunikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni. Fuq is-sit tal-internet tal-Forum mogħtija hawn taħt wieħed isib għadd ta’ kitbiet bi proposti għal azzjonijiet differenti u b’eżempji ta’ prattiki tajbin fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut: http://ec.europa.eu/environment/industry/retail/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website